Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel id-dipartiment tas-saħħa biex jagħmel il-poplu aktar konxju mit-tipjip passiv (passive smoking)? X'passi qed/se jieħu biex f'postijiet pubbliċi t-tipjip jiġi ipprojbit?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa nieda kampanja nazzjonali bl-isem "It-Tipjip passiv joqtol". Din il-kampanja ġiet mnieda fil-31 ta' Mejju propju fil-jum dinji kontra t-tabakk. Din il-kampanja hija marbuta ma' waħda simili tal-WHO.
Għal din il-kampanja, id-dipartiment ħejja posters, fuljetti fuq it-tipjip passiv, fuljetti għall-ġenituri, stickers, avviż televiżiv kif ukoll inizjattiva fl-iskejjel.
Id-dipartiment għamel ukoll stħarriġ fost l-avukati Maltin dwar din il-problema li tolqot is-saħħa pubblika.
Il-pass importanti li jmiss huwa li issa d-diviżjoni tas-Saħħa tagħmel it-tħejjijiet biex il-liġi eżistenti tat-tipjip tkopri l-projbizzjoni tat-tipjip fil-postijiet pubbliċi.
Jista' l-Ministru jgħid min mis-segretarjat tas-segretarju parlamentari kien qed jattendi miegħu għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ġewwa San Marino? Kemm ġiet l-ispiża u min ħallas f'kull każ? Jista' jgħid jekk kienx hemm membri tal-familja li akkumpanjawhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-delegazzjoni li żaret San Marino kienet iffurmata mis-Segretarju Parlamentari u l-Assistent Personali tiegħu, is-Sur Victor Battistino. Is-Sur Joseph Borda li huwa mpjegat mas-Segretarjat akkumpanja lid-delegazzjoni a spejjeż tiegħu. Is-Sur Borda kien involut ħafna fix-xogħol preliminari biex ittellgħet esebizzjoni ta' oġġetti arkejoloġiċi li kienet parti mill-attivitajiet kulturali organizzati mill-Awtoritajiet ta' San Marino u li għaliha kienu mistiedna jieħdu sehem il-pajjiżi parteċipanti kollha.
Matul din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari flimkien mad-delegazzjoni ħa sehem f'laqgħat uffiċjali ma' Ministri ta' l-Isports Ewropej u attivitajiet oħra organizzati għal din l-okkażjoni. Id-delegazzjoni ħadet sehem ukoll f'diversi attivitajiet relatati ma' l-amministrazzjoni u l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru Malta fl-2003. Dawn l-attivitajiet kienu jinkludu Konferenza Stampa fejn intuża apparat audio viżiv dwar il-faċilitajiet sportivi li se jintużaw fl-edizzjoni tal-2003 u ċerimonja uffiċjali li matulha Malta ħadet il-pussess tal-bandiera li tissimbolizza dan il-Logħob.
L-ispiża ta' din iż-żjara ammontat għal Lm1950. Din is-somma minbarra li tkopri n-nefqa normali marbuta mas-safar ta' delegazzjoni, bħal biljetti ta' l-ajru, ikel, eċċ, tinkludi wkoll l-ispejjeż ta' buffet reception għal diversi personalitajiet preżenti f'San Marino. Hija tradizzjoni li din ir-reception issir normalment mill-Kumitat Organizzattiv ta' l-edizzjoni li jmiss tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Jakkumpanjaw id-delegazzjoni kien hemm is-Sinjura Mugliett u s-Sinjura Battistino u t-tfal tas-Segretarju Parlamentari u tas-Sur Battistino. Dawn il-persuni kienu wkoll mistiedna tal-Gvern ta' San Marino flimkien mad-delegazzjoni. Kull infieq ieħor sar a spejjeż tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-kontribut tal-gvern, kemm finanzjarju kif ukoll ta' natura oħra, għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li saru ġewwa San Marino?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma hux desiderabbli u lanqas effettiv li l-preparazzjoni għal xi kompetizzjoni sportiva tittieħed f'iżolament. Informat li l-għajnuna li ta l-Gvern għall-parteċipazzjoni tal-kontinġent Malti hija parti mill-programm u viżjoni tal-Gvern kif jgħolli l-livell ta' l-isport Malti. Fil-preparazzjoni ta' l-isportivi, is-Segretarjat jitkellem mal-Kumitat Olimpiku Malti sabiex jitfasslu l-programmi meħtieġa sabiex jogħla l-livell. Il-programmi ta' preparazzjoni ta' l-atleti elite, aspiranti, sparring partners u ingaġġ ta' sportivi ta' dixxendenza Maltija kollha saru possibbli permezz ta' l-għajnuna mgħoddija mill-Gvern lill-Kumitat Olimpiku Malti.
Ta' min isemmi l-għajnuna finanzjarja li tingħata kull sena lill-Kumitat Olimpiku Malti. Din is-sena l-għotja lill-Kumitat Olimpiku Malti se tlaħħaq Lm151,000. S'issa diġa' ingħataw Lm110,000 li l-parti kbira tagħhom tqassmu lill-Assoċjazzjonijiet li kienu rappreżentati fil-Logħob. Parti mill-għotja lill-Kumitat Olimpiku Malti tas-sena l-oħra wkoll intużat għall-preparamenti għal dan il-Logħob. L-atleti identifikati bħala elite jew aspiranti elite mill-Kumitat Olimpiku Malti ingħataw membership b'xejn fil-Fitness Gym tal-Pixxina Nazzjonali. Din l-għajnuna hija stmata li tlaħħaq Lm12000. Ta' min isemmi wkoll l-għajnuna li ngħatat fl-2000 lill-Kumitat Olimpiku Malti li kienet tlaħħaq Lm115,000 li minnhom ukoll ibbenefikaw l-Assoċjazzjonijiet preżenti f'San Marino.
Il-Gvern ta l-għajnuna tiegħu ukoll permezz ta':
* uffiċini ġodda mgħoddija lill-Kumitat Olimpiku Malti li servew bħala l-headquarters fejn ġiet ippjanata l-preparazzjoni kollha,
* l-użu kontinwu tal-Functional Diagnostic Laboratory li l-apparat tiegħu inxtara mill-Gvern. Il-Kumitat Olimpiku Malti jagħmel użu regolari minn dan il-post mingħajr ħlas,
* diversi Assoċjazzjonijiet Nazzjonali ġew allokati uffiċini fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali minn fejn setgħu jagħmlu l-preparamenti tagħhom għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar,
* l-użu tal-Matthew Micallef St John Athletic Track mill-Malta Amateur Athletic Association,
* l-użu ta' faċilitajiet fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali għat-taħriġ mill-Malta Table Tennis Association,
* intervent mis-Segretarjat biex il-membri tal-Boċċi Federation setgħu jużaw is-sala tal-Junior Lyceum Carlo Diacono għat-taħriġ,
* għajnuna finanzjarja lill-Hibernians Association biex isir wiċċ ġdid tal-volleyball court ta' Kordin u ftehim biex il-Volleyball Association jitħallew jagħmlu użu ta' dan il-court mingħajr ħlas tas-sena 2002,
* għajnuna loġistika u amministrattiva lill-Kumitat Olimpiku Malti biex jinħarġu dokumenti meħtieġa lil atleti ex-patriates Maltin,
* bonus scheme lir-rebbieħa tal-medalji. Din in-nefqa se tammonta għal Lm14,650,
* sponsorship ta' Lm5000 li jingħata kull sena lill-Kumitat Olimpiku Malti mill-Ministeru tal-Finanzi.
Is-Segretarjat ta sehmu wkoll, flimkien mad-Dipartiment tal-Mużewijiet, fil-preparamenti biex intbagħtet esibizzjoni ta' oġġetti arkejoloġiċi li saret f'San Marino bħala waħda mill-attivitajiet kulturali organizzati għal din l-okkażjoni. Permezz ta' kuntatti li saru minn uffiċjali tas-Segretarjat ingħata sponsorship mill-Air Malta li jkopri l-ispejjeż ta' l-impjegati tad-Dipartiment tal-Mużewijiet li telgħu ma' l-esibizzjoni. Id-Dipartiment għamel tajjeb għall-ispejjeż tat-trasport ta' l-oġġetti esibiti u għall-akkomodazzjoni ta' l-istaff ġewwa San Marino. Din l-ispiża laħħqet Lm7000.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-assistent personali tiegħu ġiex maħtur bħala human resource manager fil-Maltacom? Jista' jgħid ukoll jekk din il-persuna hix l-istess waħda li qed tinnegozja f'isem il-gvern sabiex ma jingħatawx żidiet fil-ftehim kollettiv ta' diversi azjendi pubbliċi u parastatali? Jista' jgħid ukoll jekk is-salarju ta' din il-persuna hux marbut b'xi mod jew ieħor ma żidiet fil-produttivita'?
Response (DALLI, JOHN)
Jien nfurmat li l-Assistent Personali tiegħi kien inħatar Assistant General Manager (Human Resources) mat-TeleMalta Corporation b’kuntratt ta’ tliet snin f’Jannar 1995. Fl-1997, taħt amministrazjoni Soċjalista dan il-kuntratt ma ġiex imġedded bla ma ngħata raġuni għaliex. B'danakollu hu baqa’ jservi bħala Acting General Manager għal xi xhur. F'Jannar 1998, hu nħatar Resources and Precedural Auditor u f'Mejju 1998 wara li kien hemm sejħa għall-applikazzjonijiet, intgħażel għal Business Development Executive (scale 4).
F'Settembru 1998 aċċetta li jassenti ruħu temporarjament mill-Maltacom u jservi bħala assistent personali fis-segretarjat tiegħi.
Is-sena l-oħra, l-Bord tad-Diretturi għamel eżerċizju ta’ ristrutturar fil-management tal-Kumpanija. B’dan l-ezerċiżju, l-Assistent Personali tiegħi, flimkien m’oħrajn, ġie identifikat sabiex jassumu dmirijiet ġodda fil-Maltacom. L-assistant personali tiegħi ġie magħżul, sabiex meta jirritorna l-Maltacom, hu jassumi d-dmirijiet ta’ human resource executive.
Is-salarju tal-assistent personali tiegħi hu dak ta' skala 4 bħal ta' l-assistenti personali ta' ministri oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fis-sena skolastika li jmiss (2001-2002) liema se jkunu s-suġġetti obbligatorji fl-iskejjel primarji u sekondarji? Se jidħlu xi suġġetti kif stipulat fil-kurrikulu nazzjonali? X'kuntatti/diskussjonijiet saru f'dawn l-aħħar ħames xhur dwar dan ma' l-iskejjel privati u tal-knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru 2001 Focus Groups TO2 "Primary Education' u TO3, "Secondary Education' se jkunu qegħdin jaħdmu ma' l-iskejjel Statali, tal-Knisja u Indipendenti dwar id-dħul ta' suġġetti ġodda bħal dak tat-Teknoloġija.
Sadanittant, beda l-proċess għat-taħriġ meħtieġ li wkoll se jkun offrut lill-iskejjel Statali, tal-Knisja u Indipendenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir fl-iskejjel ta' l-Istat biex studenti jiġu mħajjra jieqfu mit-tipjip jew li ma jibdewx ipejpu? Sar xi survey f'dawn l-aħħar ħames snin biex jiġi aċċertat kemm studenti jpejpu? X'riżultati kien hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija tiegħi dwar iż-żgħażagħ Maltin li żaru ċ-Ċina, jista' l-Ministru jagħtini lista taż-żagħżagħ li żaru ċ-Ċina u min liema organizzazzjonijiet taż-żagħżagħ ġew magħżula?
Jista' jikkonferma li se jkun hemm aktar bdil ta' żjarat bejn żgħażagħ Ċiniżi u żgħażagħ Maltin? Jekk hu hekk xi kriterju se juża s-Segretarjat taż-Żgħażagħ u Sport biex jgħażel lil min imur iċ-Ċina? Jista' jara li l-istedina miċ-Ċina tkun ċirkolata lill-għaqdiet kollha membri tal-Kunsill taż-Żgħażagħ biex jiġi assigurat li l-għażla tkun waħda ħielsa u ġusta?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista taż-żgħażagħ li żaru ċ-Ċina s-sena li għaddiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li din is-sena se jkun hemm żewġ gruppi li se jieħdu sehem fi skambji ta' żjarat bejn żgħażagħ Maltin u dawk Ċiniżi. Kif isir kull sena d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport diġa` ħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal żjart f'diversi pajjiżi, inkluża ċ-Ċina. Din is-sejħa dehret fil-ġurnali lokali li joħorġu matul il-ġimgħa.
Qatt ma kienet policy tad-Dipartiment li tkun ċirkulata stedina lil xi għaqda partikolari propju biex dawn iż-żjarat ikunu miftuħa għaż-żgħażagħ Maltin kollha bejn is-16 u s-26 sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-Enemalta sabiex il-problema li teżisti fix-shooting range tal-bidnija tiġi solvuta? Meta hu mistenni li jittieħdu l-passi neċessarji għal ġid ta' dan l-isport popolari?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-problema ta' vultaġġ baxx.
Jiena nfurmat li biex tissolva din il-problema fil-Bidnija, il-Korporazzjoni Enemalta qed tipproġetta xogħol estensiv li mistenni jibda fi żmien mhux il-bogħod.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemmsaru spezzjonijiet mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ matul din l-aħħar sena fid-diversi postijiet tax-xogħol? Jista' jgħid liema kienu dawn il-kumpanniji / postijiet tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni dwar in-numru ta' spezzjonijiet li saru mill-Korporazzjoni għat-Taħriġ u x-Xogħol u n-numru ta' stabbilimenti spezzjonati skond is-settur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati bħalissa fil-Pixxina Nazzjonali? X'inhu ix-xogħol tagħhom? Min fejn hu kull impjegat? Meta daħal jaħdem għall-ewwel darba mal-pixxina?
Għaliex se jiddaħħal xi ħadd biex jissorvelja dawn l-impjegati metadawn huma relativament ftit fin-numru? Ic-chairman li jkun għall-siegħat twal fil-post ma jsitax jgħamel dan flok jintefqu mijiet ta' liri oħra? X'rekwisiti qed jintalbu għall-dan il-post ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-impjegati li hemm mal-Pixxina Nazzjonali huma dawn:
Isem Bidu ta' Mpieg Xogħol Lokalita`
Full Time
Franklin Axisa April '98 Aquatic Facility Operator San Ġwann
Emanuel Reitano April '98 Security/Maintenance Tarxien
Elisabeth Valentine April '98 Cleaner Tarxien
Alan Falzon April '98 Aquatic Facility Operator San Ġiljan
Simone Żammit April '98 Receptionist/Clerk Mellieħa
William Galea April '98 Receptionist/Clerk Kalkara
Melvin Micallef Marzu '00 Aquatic Facility Operator Santa Lucia
Larkin Pisani Marzu '00 Aquatic Facility Operator Ħamrun
Alfred Grima Ġunju '00 Security/Maintenance Paola
Edwin Buttiġieġ Awissu '00 Gym Instructor Żabbar
Patrick Attard Mejju '01 Front Office Staff Sliema
Part Time
Rachid Chouhal Settembru '00 Gym Attendant Marsa
Part Time / Casual
Etienne Gatt Frar '01 Messenger/Driver Paola
Il-volum tax-xogħol fil-Pixxina żdied konsiderevolment wara t-tlestija tal-gym, l-isquash courts u uffiċini ġodda. Barra minn hekk qed ikun hemm aktar użu tal-Pixxina kemm mill-Iswimming Promotion Unit kif ukoll minħabba l-fatt li qegħdin noqorbu lejn is-Sajf u l-Pixxina qegħda tkun frekwentata aktar. Barra minn hekk kien hemm xi ħaddiema oħra li spiċċaw. Għalhekk inħass il-bżonn li jiddaħħal supervisor. Ir-rekwisiti ta' dan il-post kienu jinkludu l-kapaċita` li jmexxi u jikkontrolla ħaddiema fuq sistema ta' roster u li jkollu esperjenza f'dan il-qasam, li jkun jaf juża computer, ikun kapaċi jaħgmel xogħol relatat ma' customer relations u li jkun dispost jaħdem flexi hours.
Għalkemm iċ-Chairman ikun fuq il-post tax-xogħol għal siegħat twal, dan ikun okkupat b'xogħol ieħor relatat mat-tmexxija u amministrazzjoni tal-Pixxina.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma kienx hemm biżżejjed medalji tar-rebħ biex jitqassmu lit-tfal li ħadu sehem fil-Kampjonati tal-Għawm organizzati nhar il-Ġimgħa, 18 ta' Mejja fil-Pixxina Nazzjonali?
X'se jsir issa għall dawk li suppost ħadu medalja kull wieħed fit-tlilaq tar-relay? Peress li t-taqsima sport tal-Ministeru tiegħek kient l-organizzatur ewlenija għaliex tħalla li jsir dan l-iżball?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-organizzazzjoni tas-Swimming Festival fl-Olympic YouthFest ma kenitx f'idejn is-Sezzjoni ta' l-Edukazzjoni Fiżika tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni iżda f'idejn l-Amateur Swimming Association.
Is-sehem tas-Sezzjoni ta' l-Edukazzjoni Fiżika kien li ssir promozzjoni fl-iskejjel dwar dan l-avveniment sportiv u li tiġbor l-applikazzjonijiet tal-parteċipanti.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip taż fuel qed jintuża fil-Pixxina Nazzjonali? Kemm ġie ordnat fuel mill-1 ta' Jannar 2001 sal-15 ta' Mejja? Kemm kien jiswa? Kemm tħallas? Meta beda ix-xogħol fuq id-diving pool fil-Pixxina Nazzjonali? Meta se jintemm? Kemm hu stmat li se jiġi iffrankat fuel sakemm jitlesta dan ix-xogħol? Min huwa l-kuntrattur li jissupplixxi l-fuel? Meta l-aħħar saret sejħa pubblika għall dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tip ta' fuel li qed jintuża fil-Pixxina Nazzjonali huwa pitrolju. Bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Mejju 2001 ġew ordnati 279,315 litru. Dawn jiswew Lm35,007. Din is-sena l-kuntrattur tħallas Lm16,906. Il-kuntrattur huwa Mark Cassar Fuel Supplies. L-aħħar sejħa pubblika saret f'April 2000.
Ix-xogħol fuq id-diving pool beda fit-23 ta' April u mistenni jitlesta sat-18 ta' Ġunju 2001. Dan ix-xogħol ma sarx biex jiġi ffrankat il-fuel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kliniċi Ċiniżi li jagħtui messaggi u kura ta' akupuntura, li bħalissa qed joperaw Malta? Jista' jgħid fejn jinsabu dawn il-kliniċi Ċiniżi u meta fetħet kull waħda minnhom?
Billi l-kura ta' messaggi Ċiniżi u l-akupuntura għandha valur kbir għall-fejqan ta' uġiegħ u mard ieħor, billi fl-isptar San Luqa kien hemm din il-kura b'xejn u llum ma għadiex u billi l-pazjenti li jixtiequ jużaw dan il-mezz ta' fejqan qed ikollhom iħallsu mijiet ta' liri biex iżuru l-kliniċi Ċiniżi, jista' l-Ministeru tiegħek herġa jiftaħ il-klinika tal-messaggi u akupuntara Ċiniża u għall-anqas joffri dan is-servizz b'xejn lil dawk li m'għandhomx mezzi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Preżentament jeżistu tlett 'Acupuncture Clinics' joperaw f'Malta. L-informazzjoni hija kif ġej:
Post fejn tinstab
Sena meta fetħ
et
1.
The Mediterranean Regional Centre for Traditional Chinese Medicine,
Corradino, Paola
1994
2.
Aethenaeum
Corinthia Palace Hotel
De Paule Avenue, Attard
1998
3.
125, Room 4,
St. George's Road,
St.Julian's
1997
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz ta` akupuntura mogħti mill-gvern qatt ma waqaf. Il-klinika ta` l-Isptar San Luqa ġiet trasferita għaċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana fid-29 ta` Awissu 1994. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Ġunju 2000 dan is-servzz ġie estiż ukoll għall-Isptar Ġenerali ta` Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-review ta' l-embellishment projects li bdew fi żmien Gvern Laburista tlesties? Jekk iva, x'irriżulta minn dan l-istess review?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika għal liema "review ta' l-embellishment projects" qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol fuq l-għaxar toroq maqbula mal-Kunsill Lokali ta' M'Scala għal din is-sena?
Jista' jgħid wkoll x'inhi r-raġuni li l-għaxar toroq maqbula s-sena li għaddiet ma sarux?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol f'dawn it-toroq irid isir wara li jiġu ppubblikati sejħiet għall-offerti.
Jien infurmat ukoll li t-tender documents qed jiġu ppreparati wara li saru diversi laqgħat ma' l-entitajiet konċernati dwar it-tqegħid ta' servizzi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux xi problemi fi Triq ta' Gidwiet ġewwa M'Scala, speċjalment fil-bidu tat-triq fejn id-dħul għal din it-triq huwa dejjaq u konsegwenza ta' hekk it-triq ma tistax tingħata t-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed f'diskussjoni mal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn biex jiġi stabbilit il-programm tax-xogħol għall-lokalita'. u t-triq ta' Gidwet tkun tista' tiġi asfaltata skond il-prijoritajiet li jkunu mifthema bejn id-Dipartiment u l-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu jew inkella ser jittieħdu mid-Dipartiment tad-Drenaġġ fil-każ imsemmi b'mod separat, minħabba li minn diversi studji rriżulta li din il-materja trid tiġi solvuta mill-istess dipartiment għax jirriżulta li fil-bir hemm wkoll id-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sar survey bil-Closed Circuit Television Camera u qiegħda tkun studjata biex tinstab il-ħsara li hemm.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed titħallas il-kordinatrici tal-Youth Programme? Jista' jgħid jekk għandhiex kariġi jew responsabilitajiet oħra? Jekk iva, kemm qed titħallas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dan l-istadju l-kordinatriċi ta' l-E.U. Youth Programme ma tirċievi ebda ħlas għal dan ix-xogħol. Din il-persuna ma tokkupa ebda kariga jew responsabbilita` oħra fi ħdan il-Youth Programme jew fil-Ministeru tiegħi.