Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26967?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport, bħalissa hemm tmien persuni li qegħdin jittieħdu passi kriminali mill-pulizija kontrihom.
F'kull każ kienu ttieħdu passi dixxiplinari kontra dawn l-individwi skond il-proċeduri taċ-Ċivil. Fuq il-parir ta' l-Avukat Ġenerali tittieħed azzjoni kriminali kontra dawn il-ħaddiema.
Fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm disa' persuni li qed jittieħdu passi kriminali mill-pulizija kontrihom. Fil-każijiet kollha, il-proċeduri kriminali mbdew mill-pulizija.
Fid-Dipartiment tal-Mużewijiet, bħalissa hemm tlitt ħaddiema li qegħdin jittieħdu passi kriminali kontrihom.
Fil-każ imsemmi, l-passi kriminali bdew mill-pulizija wara li dawn għamlu investigazzjonijiet indipendenti mid-Dipartiment.
Kif jitolbu l-Proċeduri tad-Dixxiplina (1999) tal-PSC ebda azzjoni dixxiplinarja ma tkun tista' tittieħed mid-Diviżjoni sakemm jiġi konkluż il-każ quddiem il-Qorti. Wara l-konklużjoni tal-każ, kopja tas-sentenza tintbgħat lill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku għal konsiderazzjoni tagħha u għal xi rakkomandazzjonijiet li tkun tixtieq tagħmel.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li fl-iskola privata, li isimha qed jintbagħat separatament, qed jiġi mgħallem l-Istorja ta' Malta bl-Ingliż peress li l-għalliem in kwestjoni ma jafx bil-Malti? Jista' jgħid jekk dan l-għalliem li jgħallem it-tfal tal-Form III u l-Form IV fit-taqsima sekondarja għandux il-permess li jgħallem dan is-suġġett? Jista' l-Ministru jgħid jekk kellux ilmenti dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 22899, tlabt lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tassigura li l-iskola konċernata tottempora ruħha mal-permessi maħruġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'tibdil se jsir fit-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-skolasport? Min qed jaħdem fuq dan il-pjan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programm ta' Skolsport joffri tagħlim fi 3 skemi li huma:
1. Il-Fondazzjoni għat-tfal bejn il-5 u 7 snin
2. Il-Parteċipazzjoni għat-tfal bejn it-8 u l-10 snin
3. Performance għat-tfal bejn il-11 u 16-il sena.
It-tfal li japplikaw għall-Programmi tal-Fondazzjoni u l-Parteċipazzjoni ser ikunu segwiti minn għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika filwaqt li t-tfal li japplikaw għall-program ta' Performance ikunu mgħallma minn coaches kwalifikati fil-qasam sportiv tagħhom u rakkomandati mill-Assoċjazzjoni Sportiva relevanti.
L-għalliema ta' l-ewwel 2 programmi ser ikollhom programm skematiku dettaljat fil-ġinnastika edukattiva, fl-għawm u fl-atletika, jew aħjar attivita` motorja filwaqt li l-coaches tal-Programm ta' Performance għandhom skema mħejjija mill-Assoċjazzjoni Sportiva tagħhom. Barra minn hekk it-tfal ta' bejn it-8 u l-10 snin ser ikollhom il-possibilita` li jipparteċipaw f'kull tip ta' sport ieħor offrut minn Skolasport.
Dan il-pjan ġie mfassal minn uffiċjali tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-mistoqsija numru 27044, jista' l-Ministru jikkunsidra li jbiddel il-prassi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-board tal-manteniment lill-istudenti minħabba li dak li suppost ġie u qed jiġu diskuss huwa ta' nteress l-aktar għall-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jidhirlix li għandi nbiddel il-prassi wisq aktar meta l-istudenti għandhom ir-rappreżentanti tagħhom fuq il-Bord.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta' ftehim ma' l-Italja f'dak li għandu x'jaqsam ma' trapjanti ta' organi? Jekk iva, x'fih dan il-ftehim?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li jeżisti ftehim dwar trapjanti ta` organi mall-'Policlinico Umberto Primo' ta` Ruma. Dan il-ftehim jaħseb biex testijiet ta` 'crossmatching' fuq demm ta` pazjenti li jgħatu jew jirċievu l-organi isiru bla ħlas fil-laboratorji tagħhom, biex dak inhar stess isiru l-operazzjonijiet ta` trapjanti tal-kliewi f'Malta.
Dawk l-oragani bħal fwied li ma jintużawx fuq pazjenti Maltin jingħataw lil dan l-isptar ta` Ruma.
Jista' l-Ministru jagħti definizzjoni ta' x'qed jifhem meta jingħad influss kbir ta' ħaddiema minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid ukoll jekk din tapplikax bl-istess mod għal setturi u oqsma differenti?
Jista' jgħid ukoll min se jiddeċiedi jekk hux influss kbir jew le?
Response (BORG, JOE)
Il-ftehim li ntlaħaq mal-Unjoni Ewropea dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema jgħid li mid-data ta' sħubija Malta se żżomm is-sistema eżistenti tal-permessi tax-xogħol. Il-permessi se jinħarġu awtomatikament għal ħaddiema li huma ċittadini ta' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea. Madankollu, għal perjodu ta' seba' snin żmien wara sħubija, il-Gvern Malti se jżomm id-dritt li japplika salvagwardji jew limiti fuq id-dritt ta' ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu Malta. F'każi ta' influss, jew biża ta' influss, ta' ħaddiema minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, sew jekk ġejjin mill-ħmistax il-pajjiż membru eżistenti jew minn dawk ġodda, li jista joħloq effett negattiv ta' natura urġenti jew eċċezzjonali fuq is-suq tax-xogħol f'Malta, il-Gvern Malti jkollu d-dritt kollu li jdaħħal dawn is-salvagwardji billi jissospendi l-applikazzjoni tal-acquis u ma' joħroġx permessi tax-xogħol. Huwa biss wara li jkun ħa din l-azzjoni ta' salvagwardji li l-Gvern jinnotifika lill-Kummissjoni bl-azzjoni li jkun ħa.
Din is-salvagwardja tista tiġi applikata għal settur partikolari jew għas-suq tax-xogħol kollu skond il-bżonn. Huwa l-Gvern Malti illi, minn jeddu, jiddetermina meta u kif għandha tiġi applikata s-salvagwardja. Huwa l-Gvern Malti li waħdu jiddetermina jekk influss joħloqx problemi jew le. Dan jagħmlu skond il-ħtiġijiet u ċirkustanzi tal-mument.
Meta jieħu din it-tip ta' azzjoni, kuntrarjament għal dak li ntqal minn xi wħud, il-Gvern Malti ma' jkunx jista' jittieħed quddiem il-Qorti Ewropea minn xi ħadd li jrid jikkontesta d-deċiżjoni tiegħu. Dan għaliex l-azzjoni tal-Gvern Malti tkun koperta bl-arranġament negozjat kif imsemmi hawn fuq.
Wara li jintemm dan il-perjodu transitorju ta' seba' snin, f'każ li jinqalgħu diffikultajiet fil-futur bil-moviment ħieles tal-ħaddiema, il-Gvern Malti xorta se jkun jista' jressaq din il-kwistjoni quddiem l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni. F'dan il-każ, il-Gvern u l-Unjoni Ewropea ifittxu flimkien soluzzjoni fil-qafas ta' l-istituzzjonijiet ta' l-istess Unjoni.
Hija l-fehma tal-Gvern li bit-tisħih tal-ekonomija li ġġib magħha sħubija fl-Unjoni Ewropea, is-suq tax-xogħol Malti se jkollu l-kapaċita li jassorbi mingħajr problemi il-ħaddiema li jiġu mill-Unjoni Ewropea. Madankollu, minħabba l-biżgħat li seta kien hemm f'dan ir-rigward, il-Gvern ħass li kellu jindirizza din il-kwistjoni. Bir-riżultat miksub, il-bażi ta' dawn il-biżgħat m'għadhiex teżisti.
Il-fatt li l-arranġament negozjat jippermettielna nieħdu azzjoni kemm b'mod ġenerali kif ukoll b'mod settorjali jfisser ukoll li nistgħu nħallu ħaddiema barranin jidħlu f'dawk is-setturi fejn għandna bżonnhom, filwaqt li nżommu l-kontrolli, skond il-bżonn, f'setturi oħra.
Għandu jingħad ukoll li l-kontrolli eżistenti fuq ħaddiema li jiġu minn pajjiżi li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea jibqgħu fis-seħħ anke wara sħubija u ma jiġux effettwati bl-ebda mod bi sħubija. Dak li ġie negozjat japplika biss għal ħaddiema minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u mhux għal ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea.
Inoltre, ta' min ifakkar li l-ftehim li ntlaħaq jagħti wkoll lok għall-Maltin u l-Għawdxin li jmorru għal esperjenza ta' xogħol, studju jew taħriġ fi kwalunkwe pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea sa mill-ewwel ġurnata tas-sħubija. Dan japplika wkoll għall-pajjiżi l-ġodda li se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll għan-Norveġja, l-Islanda, Liechtenstein u l-Isvizzera (fir-rigward ta' din ta' l-aħħar, ladarba jidħlu fis-seħħ l-arrangamenti li l-iSvizzera għadha kif għamlet ma' l-Unjoni Ewropea).
Din hija l-faċċata l-oħra ta' dan il-ftehim u hija kisba kbira għaliex ċittadini Maltin ser jingħataw dritt li s'issa ma' kellhomx.
L-ebda pajjiż kandidat ieħor ma talab w akkwista arranġament simili għal Malta. Dan ikompli juri kemm il-Gvern qed jinnegozja bis-serjeta' skond l-interessi ta' Malta u kemm in-negozjati jistgħu jsiru skond iċ-ċirkustanzi u l-ħtiġijiet ta' kull pajjiż individwali.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26291, jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu impjegati tad-dipartiment tal-mużewijiet ma' l-esebizzjoni u min kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-impjegati tad-Dipartiment tal-Mużewijiet li kienu involuti fit-twettiq ta' l-esebizzjoni ġewwa San Marino kienu kif ġej:
Armar ta' l-esebizzjoni:- 14-20 ta' Mejju 2001
Pierre Bonello - Responsabbli mill-esebizzjoni f'isem id-Dipartiment tal-
Mużewijiet u mid-disinn ta' l-esebizzjoni inkluż l-armar tagħha.
Michael Spiteri - Għajnuna għall-armar ta' l-esebizzjoni.
14 ta' Mejju - Vjaġġar Malta-Ruma-San Marino u superviżjoni fuq ir-runway.
15 ta' Mejju - Spakkjar, dwana u verifika li l-materjal ma sostniex danni.
16-18 ta' Mejju - Armar ta' l-esebizzjoni u superviżjoni tad-dawl.
17 ta' Mejju - Amministrazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali.
19 ta' Mejju - Ftuħ għall-pubbliku ta' l-esebizzjoni u superviżjoni.
20 ta' Mejju - Vjaġġar San Marino-Ruma-Malta.
Żarmar ta' l-esebizzjoni:- 15-19 ta' Lulju 2001
Pierre Bonello - Responsabbli mill-esebizzjoni f'isem id-Dipartiment tal-
Mużewijiet u mid-disinn ta' l-esebizzjoni inkluż iż-żarmar tagħha.
Mario Coleiro - Għajnuna għaż-żarmar ta' l-esebizzjoni.
15 ta' Lulju - Vjaġġar Malta-Ruma-San Marino
16-17 ta' Lulju - Dwana, spezzjoni mill-Belle Arti, żarmar ta' l-esebizzjoni, pakkjar
ta' l-oġġetti arkeoloġiċi.
18 ta' Lulju - Pakkjar tal-panelli, siġillar tal-kaxxi, vjaġġar San Marino-Ruma u
dwana ġewwa Fiumicino.
19 ta' Lulju - Superviżjoni fuq ir-runway u vjaġġar Ruma-Malta.
It-tlett ħaddiema involuti huma uffiċjali tal-Mużew ta' l-Arkeoloġija, ta' esperjenza fuq dan it-tip ta' xogħol u fuq l-immaniġjar ta' l-oġġetti arkeoloġiċi.
Jista' l-viċi Prim Ministru jgħid jekk qatt sarx studju dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li preżentement qed joffru industriji u kumpanniji konnessi mal-bini?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li għalkemm ma sarx studju dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li preżentement qed joffru industriji u kumpaniji konnessi mal-bini, uffiċċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg jagħmlu spezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol biex jaraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema relatati max-xogħol tal-bini huma konformi mal-liġi.
Barra minn dan, saru diskussjonijiet dettaljati bejn l-ETC u l-FOBC dwar dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26963?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li biex sar ix-xogħol għall-manutenzjoni fuq l-olympic diving stand saru tlett sejħiet għal offerti.
Alterazzjonijiet strutturali ta' l-Olympic Diving Stand:
Kien hemm offerta waħda. Din l-offerta ma setgħetx tiġi aċċettata għaliex kienet 38% ogħla mill-istima tad-Dipartiment u anke wara li ġiet riveduta fuq talba tal-Bord baqgħet 33% ogħla mill-istima. Għalhekk il-Kumpanija Kalaxlokk ġiet mitluba jagħmlu offerta għal dan ix-xogħol. Din l-offerta kienet tammonta għal Lm3468.40 u ġiet aċċettata wara li nkisbet l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
Refurbishment ta' l-Olympic Diving Stand:
Għal din is-sejħa kien hemm żewġ offerti u intgħażlet dik ta' Kalaxlokk Co. Ltd għall-ammont totali ta' Lm1357. L-offerta l-oħra kienet ta' Bayswater Engineering Co. Ltd u kienet tammonta għal Lm2332.
Xiri u Stallazzjoni ta' Diving Boards:
Kien hemm żewġ offerti minn għand M. Malmsten AB li kienet tammonta għal Lm17,674 u A. Flister Ltd. li kienet tammonta għal Lm18,113. Ġiet aċċettata l-orħos offerta ta' M. Malmsten AB. Il-prezz jinkludi 6% dazju.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26296 li oriġinarjament saret lil-Ministru tal-Finanzi u cioe wara d-diskussjonijiet mal-ministeru ta' l-edukazzjoni dwar l-għajnuna mwiegħda lill-ġenituri li jibgħatu t-tfal fl-iskejjel privati, jista' jgħid itteħditx deċiżjoni dwar kif se jsir issa li s-sena skolastika waslet biex tispiċċa? X'inhu n-numru ta' ġenituri li mistennija jibbenefikaw mill-għajnuna mwiegħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26475 f'Seduta 555 ta' l-istess Onor. Membru.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26297, jista' l-Ministru jagħti r-riżultati ta' l-istħarriġ li sar fost l-avukati Maltin dwar din il-problema li tolqot is-saħħa pubblika? Jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-riżultati ta` stħarriġ li sar fost l-avukati Maltin dwar il-problema tat-tipjip passiv inġabbru f'rapport uffiċjali maħruġ mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` dan ir-rapport.
Issa li hemm sewwieqa li ilhom aktar minn tliet xhur li bagħtu l-liċenzja personali tagħhom biex tiġġedded, jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni peress li d-direttur tat-traffiku għadu ma bagħtx lura l-liċenzja l-ġdida? Għaliex hemm dan id-dewmien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mill-ewwel ta` Jannar ta` din is-sena l-liċenzja tas-sewqan tikkonsisti minn żewġ dokumenti, jiġifieri, mil-liċenzja photocard u mill-kontroparti tal-liċenzja.
Billi kien hemm xi diffikultajiet waqt il-proċess tat-tender għal provista tal-photocards id-Dipartiment tal-Licenzji u Testijiet għalissa qed joħroġ biss il-Kontroparti tal-Liċenzji u din weħeda hija valida bħala liċenzja tas-sewqan sakemm il-liċenzja photocard tintbagħat aktar tard din is-sena lil dawk kollha li jkunu ġeddew il-liċenzji tas-sewqan il-qadima.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi każ partikulari nitolbu jirreferi l-każ biex jiġi nvestigat.
Matul din is-sena skolastika, jista' l-Minstru jgħid kemm kien hemm każi rrapportati ta' teħid ta' droga minn studenti subien jew bniet fl-iskejjel Maltin? X'passi ttieħdu? X'tip ta' droga kienet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma kellha ebda rapporti ta' każi ta' teħid ta' droga minn studenti subien jew bniet fl-iskejjel Maltin.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 26961, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti kollha minn kemm ilu jiltaqa' l-board tal-Manteniment lill-Istudenti
Response (GALEA, LOUIS)
Mhix il-prattika li l-minuti ta' bordijiet tal-Gvern jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li bdew jistudjaw fl-Universita' ta' Malta fil-kors BA fl-Istudji Legali u Umanistiċi organizzat mill-Fakulta' tal-Liġi, mill-1990 sal-lum? Kemm minnhom spiċċaw l-kors u mill-liema pajjiż ġejjin? Jista' jgħid wkoll jekk dawn li spiċċaw il-kors hux qed jaħdmu hawn Malta u fejn qed jaħdmu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet ikkalkulata s-somma li se tingħata lill kull ġenitur ta' studenti fi skejjel indipendenti - sekondarji u primarji - jista' jgħid jekk ittieħdux biss in konsiderazzjoni il-miżati jew wkoll ħlas għat-trasport, photocopies eċċ?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni.