Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27675 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Miżbla

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu sabiex ma tkomplix tikber il-miżbla li tinsab qrib l-Impjant tar-Riċiklaġġ ġewwa M'Scala?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li qed jitħejja pjan biex dan id-depożitu ta' skart jitneħħa u l-wied jiġi riabilitat.

Għajnuna Legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm avukati għall-għajnuna legali? Dan huwa numru suffiċenti jew kemm bżonn li jiżdiedu? Jista' jgħid xi ħlasijiet jieħdu dawn l-avukati mingħand il-Gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Bħalissa hemm avukat għal Għajnuna Legali li għandu onorarju ta' Lm6026 u Assistent Avukat għal Għajnuna Legali li għandu onorarju ta' Lm3000 fis-sena. Dawn jagħmlu użu wkoll minn 12-il Avukat tal-Elenku f'Malta (kull wieħed b'onorarju ta' Lm500 fis-sena) u 2 avukati tal-Elenku f'Għawdex (kull wieħed b'onorarju ta' Lm500 fis-sena) kif ukoll minn 6 Prokuraturi tal-Elenku f'Malta u Prokuratur tal-Elenku f'Għawdex (kull wieħed b'onorarju ta' Lm170 fis-sena). Jidher li n-numru hu suffiċenti.
Leg 9 PQ #27613 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta College of Arts, Science & Technology

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-folder li tqassam dan l-aħħar dwar il-Malta College of Arts, Science & Technology? Saret sejħa għall-offerti, jekk iva x'kienu offerti mitfugħa? Kemm saru kopji f'dan il-folder?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Prospectus il-ġdid tal-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija sewa Lm1.63 'il wieħed u ġew stampati 7000 kopja. Dawn tqassmu lill-istudenti Maltin u Għawdxin kollha li spiċċaw il-Ħames sena ta' l-iskola sekondarja kif ukoll lil ħafna individwi u organizzazzjonijiet li għandhom interess fil-Korsijiet li se jiġu offruti fis-sena akkademika l-ġdida, bħalma huma Unjons, Għaqdiet ta' min Iħaddem eċċ. Fl-istadju tal-formazzjoni tal-kulleġġ il-Bord tal-Gvernaturi ried jassigura li l-Prospectus jasal f'idejn l-istudenti viċin ta' l-għeluq tas-sena skolastika. Għaldaqstant ix-xogħol ta' produzzjoni ingħata b'ordni diretta lill-kumpanija ewlenija midħla f'dan il-qasam ta' xogħol u li iggarantiet li tlesti l-ktejjeb fiż-żmien stipulat.
Leg 9 PQ #27614 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Youth Net Info 2001

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa flus il-ktieb Youth Net Info 2001 - A Guide Book for Young People? Jista' jgħid kemm saru kopji ta' dan il-ktieb? Jista' jgħid jekk dan il-ktieb tqassamx inkella nbiegħ? U jekk inbiegħ kemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ktieb Youth Net Infor 2001 - A Guide for Young People ġie jiswa Lm1970. Ġew stampati 5000 kopja. Il-ktieb tqassam liż-żgħażagħ u għaqdiet taż-żgħażagħ.
Leg 9 PQ #27615 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kottonera — Kumpless Sportiv

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27429?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġett tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera huwa fdat f'idejn periti mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Inġinerija fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport. Ma hemm ebda ħlas ieħor minbarra s-salarji normali ta' dawn il-periti. Il-perit li għamel il-pjanta huwa s-Sur Emanuel Buttiġieġ filwaqt li l-periti John Valentino u l-Inġinier Frederick Ellul huma responsabbli mill-istruttura. Il-perit Frederick Ellul huwa s-site manager. Id-disinn tas-servizzi qeigħed isir ukoll minn inġiniera impjegati mad-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Inġinerija fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Leg 9 PQ #27556 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Somma ta' l-Irtirar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27428, il-post tax-xogħol tal-persuna msemmija kienet il-kumpanija Maltacom, ex-Telemalta. Jista' issa jekk jogħġbu jwieġeb il-mistoqsija oriġinali?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Maltacom sabiex tingħata l-attenzjoni xierqa.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-ispetturi ta' l-ETC fis-sit ta' Villa de Fremaux fi Triq Santa Katerina fiż-Żejtun dwar ħaddiema barranin li qed jaħdmu bla permess f'dan l-istess sit? X'instab minn dawn l-ispezzjonijiet, jekk saru u x'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma kien waslilha ebda rapport dwar is-sit indikat mill-Onor Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li qed isiru l-arranġamenti biex dan is-sit jiġi spezzjonat kemm jista' jkun malajr.
Leg 9 PQ #27558 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li huwa ċar li dawk il-kriminali li jġorru klandestini u /jew joperaw vjaggi ta' kuntrabandu għandhom opri tal-baħar li joperaw b'ħeffa kbira, x'qed isir biex l-iskwadra Marittima tal-Forzi Armati tiġi modernizzata aħjar b'laneċ li kapaċi jlaħħqu? Żdiedu operazzjonijiet bl-ajru u bil-baħar biex issir sorveljanza mal-kosta u 'l hemm minħabba attivitajiet kriminali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt waqt is-Seduta Parlamentari Numru 416, fl-1 ta’ Novembru 2000 għall-Mistoqsija Numru 20741. Fil-fatt, is-sena l-oħra kienu nxtraw tliet “fast-rigid hull dinghies” li jinġarru fuq il-laneċ il-kbar proprju biex ikunu jistgħu jwettqu xogħol ta’ interċettazzjoni b’ċertu ħeffa u “board & search” f’każ ta’ ħtieġa. L-Iskwadra Marittima tuża’ wkoll “power boat” kull meta tidħol informazzjoni dwar attivitajiet suspettużi f’bajjiet diversi. Xogħol ta’ sorveljanza kien u għadu jsir frekwentament kemm bil-baħar kif ukoll mill-ajru u kemm mal-kosta kif ukoll ’il barra minnha.
Leg 9 PQ #27559 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Villa Francia

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Villa Francia f'Ħal Lija li tħalliet biex tkun residenza għall-Prim Ministru tal-ġurnata għal x'hiex se tintuża? X'inhu ix-xogħol li qed isir fiha bħalissa? Huwa minnu li matul dawn l-aħħae snin saru diversi serqiet mill-villa li kien jinkludi wkoll ġebel dekorattiv?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda rapport ta’ serq minn Villa Francia f’dawn l-aħħar snin mindu l-Gvern ħadha f’idejh. Rigward l-ewwel żewġ partijiet tad-domanda nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10373.
Leg 9 PQ #27560 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Nawtika

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex tiġi modernizzata l-Iskola Nawtika? X'qed isir biex jħajjar studenti barranin, speċjalment minn pajjiżi fil-qrib biex jattendu? Kemm kien hemm studenti li attendew is-sena skolastika li għadha kemm intemmiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif tħabbar fil-pubbliku għadu kif twaqqaf l-Istitut Marittimu fi ħdan l-MCAST bi ftehim ma' l-Awtorita` Marittima u li se jopera mill-Kalkara.
Leg 9 PQ #27561 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Hold Ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru hold ups bejn 1 ta' Jannar 2001 u 15 ta' Lulju? Fejn saru? f'Kull każ x'insteraq? Kemm il-persuna tresqet il-Qorti? Fuq liema każi?

Response (BORG, TONIO)

B`żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25969, ninsab infurmat illi sal-15 ta` Lulju ta` din is-sena ġew irrappurtati lill-Pulizija 7 każi. Fil-każi li seħħew bejn l-1 ta` Jannar u l-15 ta` Lulju 2001, kien irrappurtat li nsterqu ammonti differenti ta` flus Maltin, deheb, mobile phones, sigaretti, apparat tal-kompjuter, etc. Infurmat ukoll illi n-numru ta`persuni li tressqu l-Qorti kien ta` 2.
Leg 9 PQ #27510 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill ta' l-Ewropa — Laqgħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-segretarju parlamentari attenda laqgħa ta' ġurnata għal esperti li jifformaw working group dwar l-isport u l-ambjent tal-Kunsill ta' l-Ewropa meta din ma kenitx għal ministri iżda għal esperti? Jista' jgħid x'ġie diskuss u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-diskors tas-Segretarju Parlamentari?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li waqt id-9 Konferenza għall-Ministri Ewropej responsabbli mill-Isport li kienet saret Bratislava f'Mejju tas-sena 2000, kienet approvata Riżoluzzjoni Nru 5/2000 fuq Abbozz ta' Kodiċi għas-sostenibilita` fl-isport. Is-Segretarju Parlamentari kien attenda din il-Konferenza u pparteċipa fid-dibattitu dwar din il-kodiċi. Din il-kodiċi ġiet addottata bħala Rakkomandazzjoni mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa. L-istess Kunsill tal-Ministri ddeċieda li jitwaqqaf grupp ta' esperti sabiex jistudja kif din ir-rakkomandazzjoni għandha tkun implementata fil-pajjiżi membri. Minħabba li Malta wriet interess partikolari f'din il-ħidma, is-Segretarju Parlamentari ġie mistieden jipparteċipa fil-ħidma ta' dan il-grupp ta' esperti. Ma sarux diskorsi formali fil-laqgħa imma diskussjoni ġenerali dwar il-ħidma u strateġija tal-grupp fix-xhur li ġejjin. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta jkun hemm xi dettalji żbaljati fuq id-dokument li jintbagħat mid-dipartiment tal-liċenzji sabiex isir it-test tal-VRT, minflfok jiġi korrett mid-dipartiment qed jitħalla f'idejn is-sidien tal-karozzi biex ma joqogħdux jiġu ħalli jikkoreġuh, u dan minkejja li jkun żball tad-dipartiment?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet ma jirriżultalux li jkun hemm xi dettalji żbaljati fuq id-dokument li jintbagħat mill-istess Dipartiment. Madankollu l-Onor. Interpellant hu mitlub jindika xi tipi ta' żbalji li setgħu ħarġu fuq l-istess dokumenti.
Leg 9 PQ #27428 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Somma ta' l-Irtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu b'mod separat, huwiex intitolat għas-somma issa li spiċċa bl-eta' u dan skond ftehim li kien sar fis-snin sebgħin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ikun apprezzat jekk ml-Onorevoli Membru jagħtini aktar dettalji dwar il-persuna, b'mod partikulari l-post tax-xogħol fejn kien jaħdem qabel irtira.
Leg 9 PQ #27429 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kottonera — Kumpless Sportiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-perit responsabbli mill-kumpless sportiv tal-Kottonera? Kemm tħallas s'issa u kemm huwa maħsub li jitħallas? Jista' jgħid ukoll min kien il-perit li għamel il-pjanta ta' l-istess kumpless u kemm tħallas?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #27430 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Overdosages

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25217, jista' l-Minsitru jispjega xi jfissru l-kategoriji msemmija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 25217 kont spjegajt xi jfissru l-kategoriji A, B u C. Nitlob lill-Onor. Interpellant jerġa' jara t-tweġiba li kont tajt.
Leg 9 PQ #27379 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti Universitali — Work phase

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-istudenti ta' l-Universita' li applikaw għall-work phase fis-sajf hux kollha ser jingħatalhom ċans li jaħdmu mal-gvern jew mal-parastatali? Jista' jgħid ukoll jekk in-numru ta' ġranet tax-xogħol hux ser ikun ugwali għal kulħadd?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Bord għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti jiffaċilita r-reklutaġġ ta' studenti universitarji li xtaqu jaħdmu fis-Sajf ma' dipartimenti, korpi parastatali u kumpanniji privati li offrew esperjenzi ta' xogħol lil dawn l-istudenti. Il-Bord mhux f'pożizzjoni jiggarantixxi dan ix-xogħol jekk ma jkunx hemm employers li lesti joffruh u jħallsu għalih. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, billi din is-sena kull min offra opportunita` ta' mpjieg lill-istudenti hu marbut li jħallashom hu, il-Bord ma setax jimponi kemm ikun twil il-perjodu tax-xogħol. Fi kwalunkwe każ, il-Bord ma jirriżultalux li hemm xi ħadd li se jħaddem studenti għal anqas minn erba' ġimgħat. Għal kuntrarju, xi dipartimenti, korpi parastatali u anke ndustriji privati offrew perjodu ta' xogħol itwal minn erba' ġimgħat lill-istudenti.
Leg 9 PQ #27380 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Student Cards

Question

Peress li meta persuna tagħlaq is-16-il sena trid tapplika u tingħata ID card, għaliex allura meta pulizija/uffiċjali ta' nightclubs jitolbu identifikazzjoni biex ikunu jafu jekk persuna tkunx għalqet is-16-il sena ma titlobx l-ID card ta' l-Istat li hija dik uffiċjali u jkunu sodisfatti jekk jintwerew biss ID card ta' l-istudenti maħruġa mill-ISTS? Il-kummissarju tal-pulizija huwa sodisfatt b'din is-sitwazzjoni? L-istess kummissarju huwa sodisfatt bil-mod li joħorġu dawn l-istudent cards?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13848.
Leg 9 PQ #27381 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Students Card

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għandhiex xi kontroll fuq kif joħorġu f'Malta International Students Card lill-istudenti Maltin? Jekk iva, huwa sodisfatt kif qed jinħarġu? Jekk le, ma jaħsibx li għandu bżonn ċertu kontroll biex ikun żgurat li kollox qed jinħareġ kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

La d-Diviżjoni u lanqas il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni qatt ma kellhom x'jaqsmu mas-suġġett imsemmi.
Leg 9 PQ #27382 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Donazzjoni Volontarja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27272?

Response (GALEA, LOUIS)

L-iskejjel tal-Knisja huma finanzjati parti mill-Gvern u parti mill-Knisja. L-istaff fl-iskejjel tal-Knisja (akkademiku u mhux) jipprovdi għalih il-Gvern. Il-Gvern jipprovdi wkoll 10% ta' din l-istess somma għall-ispejjeż ġenerali. Il-Knisja tipprovdi l-bini u l-faċilitajiet l-oħra. Waqt li d-donazzjoni volontarja hemm skop għaliha biex dawn l-iskejjel iżommu l-istandard li għandhom u jtejbuh, m'hemmx dubju li ħadd ma għandu jiġi sfurzat biex jagħti donazzjoni. Informat li meta ġiet ikkuntattjata l-kap ta' l-iskola, waqt li qalet li kienet fakkret lill-ġenituri biex iħallsu d-donazzjoni għax l-iskola jkollha bżonnha, hi stqarret li qatt ma nsultat lil ħadd u ċaħdet li qalet dak id-diskors. Qalet ukoll li huma jagħtu rendikont ta' fejn jintefqu l-flus li jidħlu mid-donazzjoni.