B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27556, jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu u x'inhuma l-kunsiderazzjonijiet li għamlet jew qed tagħmel il-Maltacom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li mill-investigazzjoni li għamlet il-Maltacom, jirriżulta li meta twaqqfet il-Korporazzjoni Telemalta fl-1975, għadd ta' impjegati li kienu jaħdmu mad-Dipartiment tal-Posta u Telephones ġew trasferiti mal-Korporazzjoni. Għal dan il-għan kienet intbagħtet lista bl-ismijiet ta' dawn il-ħaddiema trasferiti mal-Korporazzjoni u li, permezz ta' l-Att XVI ta' l-1975 (Telemalta), kellhom iżommu l-benefiċċji li kienu jgawdu bħala mpjegati tal-Gvern.
Fost dawn il-benefiċċji kien hemm id-dritt tat-Treasury Commuted Pension Sum kif jirriżulta mit-Taqsimiet 30 u 33 ta' l-imsemmi Att.
Madanakollu l-isem tal-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant mhux inkluż fil-lista msemmija aktar 'l fuq. Id-data ta' l-impjieg tiegħu mal-Korporazzjoni kienet il-25 ta' Ġunju 1979 u għalhekk ma huwiex intitolat għal dan il-benefiċċju.
B'referenza għal mistoqsija numru W 220, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ETC irreġistrat lill-persuna msemmija fuq Part 2 u mhux Part 1?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna ndikata kienet ġiet reġistrata fuq it-tieni parti tar-reġistru peress li fit-8 ta' Jannar 2001 kienet inqabdet taħdem mill-ispetturi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ waqt li kienet tirreġistra għax-xogħol.
Wara li għaddew is-sitt xhur minn meta nqatgħet minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru, tqegħdet mill-ġdid fuq din il-parti.
B'referenza għal-mistoqsija parlamentari nru. 26485, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament ħaditx dak li hu dovut lilha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata qed titħallas kif suppost u skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). L-istess persuna ġiet infurmata dwar dan bil-miktub.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti anzjani f'Marsascala li qegħdin fuq il-lista tad-dipartiment sabiex imorru jgħixu f'xi dar ta' l-anzjani? Jista' jgħidu wkoll għal liema homes qed japplikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 7 residenti anzjani f'Marsascala li qegħdin fuq il-lista tad-dipartiment sabiex imorru jgħixu f'xi dar ta' l-anzjani. Dawn għamlu t-talba tagħhom biex jidħlu f'dawn id-djar:
1 Mtarfa
1 Zejtun
1 Mosta
2 Floriana
2 Bormla
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27615, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar kopja tal-pjanta u disinn tas-servizzi tal-kumpless sportiv tal-Kottonera?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-pjanti u d-disinn tas-servizzi tal-kumpless sportiv tal-Kottonera tlestew. Peress li dawn il-pjanti se jkunu suġġetti għal sejħa ta' offerti, ma jidhirlix li f'dan l-istadju ikun opportun li jiġu ppublikati.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27716, jista' l-Ministrtu jagħti l-etajiet tal-persuni li huma fuq probation għal kull probation officer kif mogħtija fit-tweġiba msemmija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex intnefqu l-flus taħt vot 4185 taħt item Programmes and Initiatives?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus ivvutati taħt Item 4185 - Programmes and Initiatives s'issa ntefqu hekk:
Lm
Direttorju Għaqdiet Żgħażagħ 110
Youth Specialisation Studies Scheme 9,198
Youth Support Programme 7,690
Għarfien Nazzjonali Żgħażagħ 1,495
Youth Exchange Programme 8,519
National Youth Day 6,820
Youth Empowerment Centre 1,248
Youth Net 7,529
Youth Song Festival 350
EMCY Concerts 2,415
Youth for Drama 757
NSTS Projects 2,000
Għajnuna għal Counselling Service Projects 2,000
Infieq ieħor konnes ma' attivitajiet varji 13,958
Jista' l-Ministru jgħid kif tqassmu l-flus taħt vot 4178 Programmes and Initiatives?
Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li ftit aktar minn Lm30,000 li kienu vvotati sabiex tingħata għajnuna lill-għaqdiet sportivi ma tqassmux? Jista' jgħid fiex intnefqu dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus li kienu vvutati taħt Item 4178 - Programmes and Initiatives kienu mqassma hekk:
Ammont Allokat Nefqa s'issa
Lm Lm
Malta Olympic Committee 145,000 130,000
Sport for All 10,000 2,243
Skolasport 30,239 27,981
Doping 4,000 -
International Tournaments 6,000 6,000
Għajnuna lill-għaqdiet sportivi 140,000 128,215
Seminars / Conferences 128 75
Adventure Sport 4,000 2,819
Sport Activities 1,966 1,964
Skolasajf 6,000 239
Swimming Promotion Unit 6,500 2,000
G.S.S.E 2001 Bonuses 14,650 14,650
Infieq ieħor konness ma' attivitajiet varji 14,000 13,812
Ma jirriżultax li fl-estimi tad-Dipartiment kien hemm ivvutata somma ta' Lm30,000 biex tingħata għajnuna lill-għaqdiet sportivi. L-ammont li d-Dipartiment alloka għal dan il-għan kien ta' Lm140,000. S'issa diġa' ingħata total ta' Lm128,265 bħala għajnuniet.
Jista' l-Ministru jgħid item 24 Rent taħt vot 21 Youth and Sport għal xiex kienet ivvotata u peress li dan il-vot ma ntnefaqx, jista' l-Ministru jgħid jekk il-flus intnefqux taħt vot ieħor? Jekk iva, jista' jgħid taħt liema vot?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' Lm6,000 li hemm ivvutat f'Item 24 Rent taħt il-vot 21 Youth and Sport huwa intiż biex ikopri l-valur dovut għal kiri ta' faċilitajiet, propjeta` tal-Gvern, li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport jikri mingħand id-Dipartiment ta' l-Artijiet. Il-flus ivvutati taħt dan l-item ma jistgħux jintużaw għajr għal dan il-għan.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27103, b'mod partikolari dwar alterazzjonijiet strutturali ta' l-Olympic Diving Stand, jista' l-Ministru jgħid ta' min kienet l-unika offerta u l-prezz li kkwota? Fiż-żewġ każi l-oħra d-dipartiment għamel stima? Jekk iva, ta' kemm kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-unika offerta biex isiru alterazzjonijiet strutturali ta' l-Olympic Diving Stand kienet minn għand il-kuntrattur Gordon Ellul. Il-prezz li ġie kkwotat kien Lm4,137. L-istima tad-Dipartiment kienet Lm3,000. Din l-offerta ma setgħetx tiġi aċċettata minħabba li kienet għolja aktar mir-rata stabbilita ta' 10% fuq l-istima tad-Dipartiment.
Fil-każ tar-refurbishment ta' l-Olympic Diving Stand l-istima tad-Dipartiment kienet ta' Lm1,250. L-istima għax-xiri u stallazzjoni ta' diving boards kienet ta' Lm13,000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx mogħtija l-assistenza (SAB) skond deċiżjoni li ħa l-bord ta' l-għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjonijiet tal-Bord għall-Għajnuna Soċjali huma kunfidenzjali. Ta' min ifakkar li fost il-membri tal-Bord hemm rappreżentant miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Il-persuna ndikata ser tiġi nfurmata bil-miktub bid-deċiżjoni tal-Bord.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbgħatu separatament minn April 2001 sa ftit żmien ilu kien qed jirreġistra f'part 2 u dan mingħajr ma jingħata l-għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond l-artikolu 30 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, biex persuna tingħata l-Assistenza Soċjali, trid tkun qed tirreġistra taħt l-ewwel parti tar-reġistru miżmum skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Att dwar is-Servizzi ta' l-Impjieg u Taħriġ.
Il-persuna ndikata ma kienetx tissodisfa din il-kundizzjoni u għalhekk mhix intitolata għall-Assistenza Soċjali.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ċ-Ċina ser tagħti jew tat somma flus lit-Tarzna ta' Malta sabiex din tixtri tagħmir ġdid? Jekk dan hu minnu, jista' jgħid kemm hi din is-somma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaż-żewġ għotjiet (grants) ta' tlitt miljun RMB kull waħda li ċ-Ċina offriet lil Malta. Dawn, flimkien, jammontaw għal madwar Lm300,000.
Tajjeb jingħad li dawn l-għotjiet ingħataw fil-kuntest tal-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku mħallat bejn iż-żewġ pajjiżi, liema laqgħat inżammu għall-ewwel darba f'Settembru ta' l-1999. Dawn l-għotjiet huma ntiżi għax-xiri ta' tagħmir u materjal ieħor miċ-Ċina bil-għan li jkomplu jissaħħu l-kuntatti kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Kien il-Gvern Malti li għażel li dawn il-flus jintefqu fuq tagħmir għat-Tarzna, liema proposta ntlaqgħet b'mod pożittiv ħafna mill-Gvern Ċiniż. Minn dakinhar saru bosta kuntatti fuq livell tekniku sabiex tiġi finalizzata lista dettaljata tat-tagħmir meħtieġ u issa ninsabu viċin li dan jintbagħat Malta.
Jista' l-Ministru jgħid billi f'Ottubru ta' din is-sena jaħbat il-25 sena anniversarju minn meta nfetaħ ic-China Dock, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx maħsuba xi ċelebrazzjonijiet sabiex ifakkru dan l-avveniment storiku, aktar u aktar meta wieħed iqis li dan id-dock baqa' l-akbar wieħed fil-Mediterran u ġab miljuni kbar ta' xogħol fit-tarzna ta' Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s'issa t-Tarzna għad ma għandhiex pjanijiet sabiex jiġi ċċelebrat dan l-avveniment.
Jista' l-Ministru jgħid billi s-sena d-dieħla jaħbat it-30 sena anniversarju minn meta Malta u ċ-Ċina waqqfu r-relazzjonijiet diplomatiċi ta' bejniethom, jista' jgħid hemmx il-ħsieb li din id-data tiġi mfakkra?
Jekk iva, kif ser isir dan?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser jiġi kkommemorat is-sena d-dieħla it-30 anniversarju mit-twaqqif ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-mod kif dan l-anniversarju ser jiġi ċċelebrat jitħabbar aktar qrib id-data tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 24739, jirriżultalu li ħamrija, anke jekk mhux tajba għal skop agrikolu, intremiet fil-baħar, kif fil-fatt ġara?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sezzjoni tal-ħamrija tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għamlet superviżjoni kull meta kien hemm bżonn fuq dan il-proġett u jiena nfurmat li qatt ma ntremiet ħamrija fertili. Nżid ngħid li kien hemm xi każijiet fejn materjal li kien fih kontenut ta' ħamrija, ittieħed mill-kuntrattur biex il-ħamrija tiġi sseparata fl-impjant tiegħu.
B'referenza għall-artiklu li deher f'ġurnal bl-ingliż (The Malta Independent - 05/07/01) dwar il-Pixxina nazzjonali f' Tal Qroqq, jikkonferma l-Ministru li fost l-oħrajn, żdied il-vandaliżmu u l-ħsara u li żdied is-serq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalkemm jirriżulta li żdiedu l-vandaliżmu u l-ħsara fil-Pixxina Nazzjonali, mhux minnu li s-serq fil-Pixxina Nazzjonali żdied. Fil-fatt minn Jannar ta' din is-sena sal-lum ġew rappurtati biss 4 każi ta' serq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-folder li tqassam dan l-aħħar dwar il-Malta College of Arts, Science & Technology? Saret sejħa għall-offerti, jekk iva x'kienu l-offerti mitfugħa? Kemm saru kopji ta' dan il-folder?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija ta' l-istess Interpellant 27613 li ingħatat fis-Seduta tal-bieraħ.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u / jew qed jittieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex miżbla li teżisti qrib l-Impjant ta' Sant' Antnin ġewwa M'Scala tiġi mwaqqfa u titnaddaf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret jirriżulta li hemm tfiegħ ta` materjal tal-bini u ta` xorta oħra. Dan kien inbeda żmien ilu meta sar il-bini ta` l-impjant ta` Sant`Antnin, u jidher li żdied dan l-aħħar.
Ser isiru nvestigazzjonijiet u superviżjonijiet biex jitwaqqaf dan l-abbuż, u jittieħdu dawk il-passi neċessarji skond il-liġi. Sadanittant ġie kkuntattjat id-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent ħalli jkun hemm ko-ordinazzjoni fl-azzjoni meħtieġa.