Wara l-eżamijiet tal-SEC, MATSEC u Intermediate li saru f'Mejju u Ġunju, kemm il-student talab li issir revision of paper fl-liema suġġett? Kemm min dawn it-talbiet ġew milqugħa u l-marki għollew biex issa jfissru pass? Kemm kien il-marka oriġinali u kemm saret wara r-revision.
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid minn Ġunju sa Settembru 2001, kemm il-persuna inqabdet: 1 Tbiegħ is-sigaretti lit-tfal taħt l-eta' stipulata bil-liġi? 2 Tbiegħ xorb alkoħoliku minn ħwienet bħal tal-grocer etc, iżda mhux magħduda bħala post ta' divertiment? 3 Fl-istess żmien kemm il-persuna inqabdet tbiegħ xorb alkoħoliku fid-diversi postijiet ta' divertiment? 4 Jistgħu jingħataw il-figuri ukoll għall-Għawdex? 5 X'passi ittieħdu fejn instab ksur ta' liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, filwaqt li ma kien hemm ebda persuna li nqabdet tbiegh sigaretti lil tfal taħt l-eta`, kien hemm 4 persuni li nqabdu jbiegħu xorb alkoħoliku lill-persuni taħt is-16-il sena f`postijiet ta` divertiment. Dawn il-każi kollha kienu f`Malta, u qed jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti kontra dawn l-istess persuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti minn dawk li jmexxu iċ-Ċentri fejn saru l-eżamijiet tar-resits fuq xi ilmenti u/jew nuqqasijiet? Jista' jelenka in-nuqqasijiet u ilmenti prinċipali?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi tagħmel l-Air Malta biex tipproteġi u tħares il-passiġieri tagħha minn dak magħruf bħala economy class syndrome? X'tagħrif qed jingħata lill-passiġieri dwar din il-ħaġa li tista' twassal għall-mard serju fil-vini tas-saqajn (trombosi)? Jaf li Kumpaniji ferm akbar mill-Air Malta qed jiffaċċjaw talbiet għall-mijiet ta' eluf ta' liri mill-qraba li mietu minnħabba din il-kundizzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kemm ilha topera l-Air Malta, l-ebda każ ta' din il-kundizzjoni ma ġie rrapurtat, peress li l-Air Malta topera fuq "short haul flights", filwaqt li din il-kundizzjoni ġiet irrapurtata li tista' taffetwa passiġġieri li jkunu predisposti meta jivvjaġġaw fuq "long haul flights".
B'danakollu, s'issa l-agenziji internazzjonali tal-mediċina fl-avvjazzjoni li qed jistudjaw din il-problema għadhom ma waslu għal ebda konklużjoni. Iċ-Chief Medical Officer ta' l-Air Malta qiegħed f'kuntatt ma' dawn l-agenziji internazzjonali u meta joħorġu xi direttivi, dawn jiġu applikati.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasslu l-preparamenti għat-twaqqif ta' kumpanija bejn l-Universita' u l-pixxina għat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumpanija għat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali ser titwaqqaf skond il-Memorandum and Articles tal-1995 wara li sarulu xi emendi. Kien hemm diversi proposti u kontro proposti għall-abbozz ta' ftehim. L-aħħar abbozz, li tlesta wara li saru konsultazzjonijiet man-Nutar tal-Gvern u l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika, ġie mgħoddi lill-awtoritajiet ta' l-Universita`.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx impjegati nies ġodda mal-Pixxina Nazzjonali sa l-aħħar ta' Awissu 2001? Jekk iva, kemm u x-xogħolijiet qed jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għall-informazzjoni li tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26046. Informat li minn dak iż-żmien ġew impjegati dawn il-persuni mal-Pixxina Nazzjonali.
Isem Xogħol
Full Time:
Joseph Tabone Supervisor
Frans Gafa' Cleaner
Charmaine Aquilina Cleaner
Part Time:
Michael Micallef Gym Attendant
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasslu t-'tenders' għal xogħol fil-University Sports Hall? Jista' jgħid kemm ġew mitfugħa 'tenders' u min kien li ntagħżel? Jista' jgħid ukoll x'kienu l-ispeċifikazzjonijiet mitluba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħarġu diversi tenders għax-xogħol biex titlesta il-University Sports Hall. Dawn it-tenders jinkludu:
Structural Steel Roof:
B'kollox kien hemm sitt tenders għal dan ix-xogħol. It-tender ġiet allokata lil Pillow Space Frame Ltd li tefa' żewġ offerti. Għadha għaddejja diskussjoni dwar id-disinn li se jiġi użat. Ix-xogħol għandu jitlesta fi żmien 5 xhur minn meta toħroġ l-ordni biex jinbeda.
Surface Water Drainage:
Intefgħu żewġ tenders. Ix-xogħol ġie mogħti lil Camray Contractors Ltd. Ix-xogħol tlesta f'Mejju u ġie jiswa Lm15,862.
Concrete Subfloor:
Għal dan ix-xogħol intefgħu 11-il tender. Id-Dipartiment tal-Kuntratti diġa' ħareġ il-'letter of intent' biex jingħata x-xogħol lil Schembri & Sons Ltd li tefgħu l-orħos tender bil-prezz ta' Lm40677. Ix-xogħol mistenni jkun lest fi żmien 6 ġimgħat minn meta toħroġ l-ordni biex jinbeda.
Plastering / Rendering Works:
Għal din is-sejħa intefgħu 5 tenders. Ix-xogħol ġie mogħti lil Ideal Dwellings Ltd bil-prezz ta' Lm11,247. Ix-xogħol diġa' nbeda u mistenni jkun lest fi żmien 7 ġimgħat.
Plumbing / Drainage works (including structural alterations for showers):
Intefgħu 3 tenders. Ix-xogħol ingħata lil Camray Contractors Ltd bil-prezz ta' Lm14,600. Ix-xogħol mistenni jibda fl-aħħar ġimgħa ta' Settembru u jkun lest fi żmien 7 ġimgħat.
Electrical / Mechanical Services:
Id-dokumenti tat-tender għadhom qed jiġu proċessati mill-uffiċjali ta' l-Universita`.
Doors and Windows:
Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet ġiet mitluba titfa' offerta għax-xogħol biex isiru l-bibien u t-twieqi. Din l-offerta tammonta għal Lm23,922. Hu maħsub li x-xogħol fuq din l-offerta jingħata lid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fil-ġranet li ġejjin. Kemm ix-xogħol fuq il-bibien kif ukoll fuq it-twieqi mistenni jitlesta fi żmien 12-il ġimgħa minn meta tinħareġ l-ordni biex jinbeda.
It-tenders għall-finishes, seating u equipment għadhom qed jiġu preparati.
L-ispecifications tat-tenders ta' l-Istructural Steel Roof, Surface Water Drainage, Concrete Subfloor, Rendering / Plastering u Plumbing / Drainage kienu ġew publikati fil-Gazzetta tal-Gvern meta ħarġet is-sejħa għall-offerti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħalliet il-persuna li isimha qed jintbgħat separatament li għamlet ir-rapport dwar l-U.E. lill-Kunsill Nazzjonali taż-żgħażagħ u mill-liema vot tħalliet? Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlet u jekk kienx hemm xi sejħa pubblika jew inkella persuni oħra li ġew avviċinati?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ huwa kumitat awtonomu. Il-Ministeru ma għandux kontroll fuq l-esperti li jistgħu jiġu nkarigati biex jagħmlu xi studju għall-istess Kunsill. Dwar kemm tħallset il-persuna li ġiet inkarigata tagħmel dan ir-rapport nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27877.
Informat li l-ammont dovut lill-kredituri tal-Pixxina Nazzjonali għal din is-sena fit-30 ta' Ġunju 2001 jammonta għal Lm58,836. Minn dan l-ammont ma hemm ebda kontijiet li ilhom aktar minn sitt xhur.
Ma' dawn hemm ukoll pendenzi li jammontaw għal Lm44,226 li ilhom aktar minn sitt xhur. Minn dan l-ammont, Lm42,215 huma dovuti lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dan l-ammont jinkludi Lm16,153 għal kontijiet ta' l-ilma matul l-1997 u l-1998. L-ammont dovut mill-Pixxina Nazzjonali jinkludi wkoll Lm6,000 li qed jiġu kkontestati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont (f'siegħat u flus) ta' xogħol 'extra' li sar mill-membri tal-Korp tal-Pulizija mill-1 ta' Jannar 2001? Kemm-il pulizija se jibbenefika minn dan il-ħlas? Hemm pulizija li għad iridu jitħallsu ta' xogħol li għamlu qabel 1 ta' Jannar 2001?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif disponibbli huwa kif jidher fuq it-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi għad hemm dovuti Lm16,425 bħala ħlas ta` extra duty on payment li nħadem qabel Jannar 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lukandi (stabbilimenti) kummerċjali u bini ieħor li huwa inmiżżel fuq ir-reġistri tal-Awtorita' tal-Ippjanar li inbnew mingħajr il-permessi meħtieġa? Jista' jelenka liema huma dawk li nbnew mingħajr il-permessi meħtieġa jew li parti mill-proġett ma kellux permess u fejn saret din il-kostruzzjoni fl-1999 - 2000 u 2001 s'issa? X'passi ttieħdu/se jittieħdu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi li bejn is-snin 1999 – 2001 kien hemm 2,263 bini li huma mniżżla fuq ir-reġistri tal-Awtorita` ta` l-Ippjanar u li kellhom xi ħaġa irregolari. Meta wieħed iqis il-permess maħruġ, uħud minn dawn inbnew bla permess. Uħud, għalkemm meta nbew ma kellhomx permess, inħareġ permess wara peress li l-iżvilupp kien wieħed li għalih jista` joħroġ permess. Lista oħra turi sena b`sena mill-1999 sa 2001 dawk l-istabbilimenti kummerċjali li ma kellhomx il-permess meħtieġ jew mhux mibnija skond il-permessi maħruġa, fejn sar il-proġett u x`azzjoni ttieħdet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-ditti/banek/individwi eċċ kollha ħallsu għax-xogħol extra li għamlu l-pulizija magħhom mill-1 ta' Jannar 2001? Minn dak li tħallas, kemm diġa' għadda lill-memrbi tal-Korp tal-Pulizija? Jista' jelenka dawk li għadhom ma ħallsux għax-xogħol extra li sar fl-ewwel sitt xhur tas-sena u kemm għandu jagħti kull wieħed?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-Dipartiment ta' l-Artijiet irrifjuta talba mill-Kunsill Lokali ta' B'Buġia sabiex propjeta' magħrufa bħala Batterija Ferretti fil-Qajjenza tgħaddi f'idejn l-istess Kunsill Lokali? X'inhi r-raġuni li l-istess dipartiment dam madwar sena u nofs sabiex irrisponda l-ittra mibgħuta mill-Kunsill Lokali ta' B'Buġia? Hemm xi ħadd ieħor li qed juri xi nteress f'din il-Batterija? Jekk iva, min?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba tal-Kunsill Lokali ta` Birżebbugia għad-devoluzzjoni favur tiegħu tal-Batterija Ferretti ġiet rifjutata wara li d-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` ikkunsidra l-valur tal-istess proprjeta`, il-potenzjal kummerċjali tagħha u l-ispiża li hemm bżonn biex l-istess Batterija tiġi restawrata u tinżamm fi stat tajjeb.
Infurmat ukoll li ma jirriżultax li d-dipartiment qatt dam sena u nofs biex jagħti risposta lill-Kunsill Lokali għal xi talba tiegħu; infatti jirriżulta li kull talba da parti tal-Kunsill ġiet mogħtija risposta għaliha fi ftit ġranet.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, kien hemm sitt talbiet oħra minn individwi għal kiri tal-Batterija fosthom waħda mill-Iscouts Group ta` Birżebbugia, liema talbiet ġew kollha rrifjutati. Peress li sejrin jissejħu offerti biex din il-Batterija tiġi mogħtija b`ċens, mhux prudenti li jissemmew l-ismijiet ta` l-individwi li diġa` wrew interess.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 26297, jista' jgħid x'kien l-istħarriġ li sar fost l-avukati maltin dwar il-problema ta' tipjip passiv? F'liema stadju waslet it-tħejjija tal-liġi biex jkun hemm projbizzjoni tat-tipjip f'postijiet pubbliċi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-istħarriġ li sar fost l-avukati Maltin dwar il-problema ta' tipjip passiv fil-qrati w postijiet pubbliċi ġie miġbur f'rapport dettaljat li jagħti konklużjonijiet u rakkommandazzjonijiet konkreti bbażati fuq riċerka xjentifika.
Dwar il-liġi biex jiġi projbit it-tipjip fil-Qrati nixtieq nagħmel referenza għall-liġi sussidjarja 12.03 li tgħid li m'għandux isir tipjip fl-inħawi tal-Qrati tal-Maġistrati.
Abbozz ta' liġi ġdida qed tiġi diskussa mill-awtoritajiet kkonċernati.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport kif ukoll kopja ta' SL 12.03.
Jista' l-Ministru jikkonferma dak li qal is-Sindku Nazzjonalista, is-Sur Paul Buġeja u li ġie irrapurtat fil-gazzetti fis-26 ta' Awwissu li fid-distrett tiegħi San Pawl il-Baħar/Qawra/Buġibba hemm 1025 stabbilimenti Kummerċjali li 700 minnhomm biss għandhom il-il-permessi meħtieġa bies joperaw? Għaliex l-Awtorita' tal-Ippjanar ma tieħux passi biex tara li dawn l-istabbilimenti jkollom il-permessi kollha?
Response (BORG, TONIO)
Ma nistax nikkonferma iċ-ċifra li ngħatat mis-Sindku ta` San Pawl il-Baħar minħabba li m`għandix informazzjoni ta` kif inħadmet iżda nagħmel referenza għat-tweġiba li jien tajt għad-domanda Parlamentari Nru. 27981 tas-Seduta tal-lum stess.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'użu qed isir mis-sular ta' fuq taċ-Ċentru tal-Persuni b'diżabilita' ta' M'Scala? Huwa minnu li dan is-sular għadu mhux qed jilqa' persuni fih, ħlief għaċ-Ċentru ta' matul il-jum? Jista' jgħid wkoll jekk hemmx direttur wieħed jew aktar f'dan iċ-Ċentru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-sular ta' fuq taċ-Ċentru tal-Persuni b'Diżabilita' ta' M'Scala, li jikkonsisti f'għaxar appartamenti, qed jintużaw temporanjament tlett appartamenti miċ-Ċentru u appartament ieħor bħala uffiċju.
Fi ftit żmien ieħor se jiġi nstallat lift biex il-post kollu jkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita'. Ser jiġi ukoll imħejji pjan komprensiv dwar kif isir l-aħjar użu minn dan il-kumpless kollu.
Rigward min hu responsabbli ta' dan il-kumpless, bħalissa ma hemmx indikat direttur biex imexxi dan il-kumpless.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx inkjesta interna dwar l-inċident li kien ġara waqt logħba waterpolo fil-Pixxina Nazzjonali fejn tifla waqgħat minħabba l-ċeda railing?
X'irriżulta minn din l-inkjesta jekk saret? Jista' jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara l-inċident il-Board tal-Pixxina Nazzjonali iltaqa' b'urġenza. Matul din il-laqgħa ġie diskuss x'passi jistgħu jittieħdu. Peress li kienet għaddejja inkjesta minn espert tal-Qorti ma nħassx il-bżonn li ssir inkjesta interna dwar l-inċident. Saret ukoll on-site inspection minn surveyor maħtur mill-kumpanija ta' l-assikurazzjoni.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex propjeta magħrufa bħala Batterija Ferretti fil-Qajjenza tgħaddi f'idejn il-Kunsill Lokali ta' B'Buġia, wara li l-istess Kunsill kien għamel talba lid-dipartiment ta' l-artjiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għadu f`korrispondenza mat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern għad-devoluzzjoni ta` Ferretti Battery lill-Kunsill Lokali Birżebbuġa.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 26294, jista' l-Ministru jgħid liema skejjel tal-knisja u indipendenti li aċċettaw it-taħriġ offrut mill-Focus Groups TO2 u TO3? X'inhu t-taħriġ li qed isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa issa t-taħriġ kollu ġie offurt mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għaliex il-'Focus Group' għadhom qegħdin jiġu ffurmati.
L-ewwel taħriġ bi tħejjija għal suġġetti ġodda se jkun kors li jwassal għal 'University Certificate in Technology Education' u li se jibda f'Ottubru 2001. Dan l-ewwel kors seta' jiġi offrut lill-iskejjel ta' l-Istat u dawk tal-Knisja waqt li se jkun possibbli li t-tieni kors li se jibda f'Ottubru 2002 jkun miftuħ għal kulħadd.
Għal dan l-ewwel kors se jattendu 4 applikanti mill-iskejjel tal-Knisja:
2 - Savio College
1 - Sacred Heart Convent
1 - St Elia's College
Jista' l-Ministru jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija tiegħi 27052. Jista' jeleka dawk l-iskejjel privati kollha li għollew ir-miżati għas-sena skolastika li se tiftaħ dalwaqt? B'kemm? Kemm kienu l-miżati qabel?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni li waslitli s'issa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.