Jista' l-Ministru jgħid x' passi kien diskuss fil-laqgħa li saret fid-Depot tal-Pulizija u li fiha attendew kemm il-Kummissarju, l-Prim Ministru u hu stess, liema laqgħa derhu rapporti dwarha fl-Orizzont u fit-Times? Kienet konnessa ma' l-investigazzjoni li għaddejja fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ma hix prattika li laqgħat bħal dawn wieħed jikxef is-suġġett tagħhom; iżda il-laqgħa ma kellhiex x`taqsam mas-suġġett imsemmi fid-domanda.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Kummissarju tal-Pulizija Ġorġ Grech għadda xogħol konness mas-Servizz Sigriet lil mara Pollakka b' ċittadinanza Maltija u ngħatat l-ordni biex parti minn dan ix-xogħol tiddepożitah f' kaxxa tal-posta ta' post fin-naħa ta' fuq ta' Malta? X' kien dan ix-xogħol u xi ħlas ingħata għal dan is-servizz?
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Kunsill Lokali tal-Imdina li kenna partijiet minn dak li qabel kien l-Isptar Connaught u li fejn illum hemm l-uffiċji tal-Kunsill Lokali u l-Mużew tal-Istorja Naturali biex isir tieġ privati nhar is-Sibt 15 ta' Settembru? Kemm tħallset kera? Jista' jgħid jekk il-Kunsill Lokali huwiex lest biex jikri l-istess partijiet ta' dan il-bini għat-tiġijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-użu tal-bitħa tal-bini imsemmi fil-15 ta' Settembru 2001, sar bil-kondizzjoni ta' spiża meħtieġa ta' tiswija, tibjid u żebgħa ta' bibien tal-bitħa tal-Mużew ta' l-Istorja Naturali flimkien ma' għotja ta' Digital Camera (Olympus) li tiswa madwar Lm200.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għar-reparatarju (resits) tal- eżami tas-SEC fil-bidu ta' dan ix-xaħar? Jista' jagħti l-figuri suġġett, suġġett? Kemm kienu minn skejjel statali, tal-knisja u indipendenti? Kemm għaddew minn kull suġġett? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kemm il-student ġab grad 1,2,3 eċċ
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li tlabt li jinġabar ħafna mit-tagħrif mitlub, m'hinix ċert li nista' nagħti t-tagħrif kollu mitlub.
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tajjeb jingħad li dawn l-impjegati jitħallsu direttament mill-kumpanija jew entita' li jaħdmu magħha u għaldaqstant il-Maltacom mhix f'pożizzjoni tagħti dettalji ta' ħlas u benefiċċji li qed jirċievu.
Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-mistoqsija nru 27777, f' kull każ fuq min ħarġu ċ-ċekkijiet jew fuq min sar il-pagament? Jekk tħallsu b' ċekk u, huwa possibli, jista' jpoġġi kopja fuq il-Majda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' Lm110,104,46 għax-xogħol ta' l-iskavar fuq il-proġett tal-bini tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera saru lil Bonniċi Bros. Ltd. Dan il-ħlas sar f'żewġ pagamenti u minn dan l-ammont tnaqqsu Lm5,505.22 bħala retention money.
Il-ħlas tal-kostruzzjoni li jammonta għal Lm210,526.50 sar lil G.V. Xuereb Ltd bħala Head tal-joint Venture (G.V. Xuereb Ltd / Polidano Bros Ltd / Steel Structures Ltd). Dan il-ħlas kien maqsum f'żewġ pagamenti - wieħed ta' Lm164,000 li sar bħala advance payment u t-tieni pagament ta' Lm46,526.50 bħala ħlas għax-xogħol li kien sar sat-22 ta' Ġunju 2001. Minn dan l-aħħar pagament tnaqqas l-ammont ta' Lm2,326.325 bħala retention money u 15% tas-somma li tħallset bħala advance payment li hija ekwivalenti għal Lm6,978.975.
Rigward l-ispejjeż anċillari li jammontaw għal Lm16,473 dawn jinkludu diversi pagamenti li jkopru overtime, xiri ta' materjal, servizz, permessi u oħrajn. Kopji tal-vouchers li juru ħlasijiet konnessi ma' l-iskavar u l-kostruzzjoni qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru għid jekk ingħatax permess speċjali lill-Kummissarju tal-Pulizija Ġorġ Grech biex waqt il-ħin tax-xogħol juża apparat tad-Depot bħat-telephone u l-mobile biex jiġġieled l-allegazzjonijiet li saru kontrih u li għaddejja inkjesta' dwarhom? Qiegħed jingħata time off biex ikun jista' jattendi l-qorti waqt il-ħin tax-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf l-Onor. Interpellant il-Kummissarju tal-Pulizija m`għandux ħinijiet fissi tax-xogħol peress li l-kariga tiegħu titlob li jaqdi dmiru f`kull ħin tal-ġurnata; bħal kull ċittadin ieħor għandu dritt li jiddefendi ruħu u ta` dan jaħseb hu personalment; bl-ebda mod is-servizz tal-Korp tal-Pulizija ma intuża għal skop privat. L-użu tat-telefon u mobile hu użat taħt l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal persuni li għandhom dan l-użu.
Jista' l-Ministru jgħid meta sar jaf bl-allegazzjonijiet li kienu qegħdin isiru mill-koppja Azzopardi? X' passi ħa?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm id-dettalji speċifiċi, inkluża l-akkuża - li ma ġietx konfermata - ta` tentattiv ta` stupru, sar jaf biha minn rapporti li dehru fil-gazzetti, huwa ġie informat mill-Prim Ministru xi żmien qabel li dehru ir-rapporti fil-gazzetti, b`allegazzjonijiet magħmula mis-Sur John Azzopardi; dawn bl-ebda mod ma kienu jinkludu l-akkuża fuq imsemmija; huwa ġie wkoll informat biċ-ċaħda tal-Kummissarju ta` kull aġir bi ksur tal-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-mistoqsija nmr 28008, minn fejn huma l-impjegati msemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-impjegati li d-dettalji tagħhom ingħataw fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28008 huma mil-lokalitajiet kif se nsemmi:
Joseph Tabone Marsaxlokk
Frans Gafa` Gudja
Charmaine Aquilina Marsa
Michael Micallef Gżira
Jista' l-Ministru jgħid hemmx obbligu fuq tobba, dentisti eċċ li jżommu reġistri b' dettalji ta' mard ta' kull pazjent tagħhom? Japprezza li dawn jistgħu jkunu utili f' każ ta' xi inċident serju jew f' xi omiċidju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Filwaqt li ma hemmx l-ebda liġi li tobbliga professjonisti li jżommu reġistri jew notamenti dwar il-pazjenti tagħhom, din illum hja kkunsidrata bħala prassi stabbilita fil-professjonijiet kollha.
Jista' l-Ministru jgħid jeżistux tariffi għall-Kirurġi, anestetisti eċċ li joperaw f' sptarijiet privati? Hemm xi linji ta' gwida jew kullħadd jagħmel it-tariffi tiegħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li ma jeżistux tariffi jew linji ta` gwida għal servizzi fl-isptarijiet privati.
Jista' l-Ministru jgħid peress li l-Ministeru tiegħek huwa responsabbli għall-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina, ġie ikkonsultat dwar l-għotja b' kera ta' parti ta' dan il-bini għal tieġ privat li sar fil-15 ta' Settembru?
Jista' l-Ministru jgħid peress li l-Ministeru tiegħek huwa responsabbli għall-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina, ġie ikkonsultat dwar l-għotja b' kera ta' parti ta' dan il-bini għal tieġ privat li sar fil-15 ta' Settembru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi mhux responsabbli għall-Mużew ta` l-Istorja Naturali fl-Imdina.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Kunsill Lokali tal-Imdina li kenna partijiet minn dak li qabel kien l-Isptar Connaught u li fejn illum hemm l-uffiċji tal-Kunsill Lokali u l-Mużew tal-Istorja Naturali biex isir tieġ privati nhar is-Sibt 15 ta' Settembru? Kemm tħallset kera? Jista' jgħid jekk il-Kunsill Lokali huwiex lest biex jikri l-istess partijiet ta' dan il-bini għat-tiġijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Kunsill Lokali tal-Mdina hu biss responsabbli mill-parti tal-bini fejn hemm l-Uffiċji Administrattivi tiegħu, liema uffiċji la jistgħu jinkrew u l-anqas inkrew. Jien ukoll assigurat mill-istess Kunsill illi l-Kunsill ma kellu x`jaqsam xejn ma l-okkazzjoni msemmeja mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid mill-liema data ġew jew ser jiġu fis-seħħ l-arranġamenti bejn id-Dipartiment tat-Taxxi Interni Malti u Ingliż dwar bdil ta' informazzjoni dwar min ikollu investimenti fil-pajjiżi rispettivi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jeżisti ftehim bejn Malta u r-Renju Unit għall-ħelsien minn taxxa doppja u biex tiġi evitata evażjoni fiskali dwar taxxi fuq l-income u qligħ kapitali. Permezz ta' dan il-ftehim l-awtoritajiet kompetenti ta' Malta u r-Renju Unit jistgħu jibdlu dik l-informazzjoni kollha neċessarja biex tiġi evitata l-evażjoni fiskali u għalhekk huwa possibbli li jkun hemm bdil ta' nformazzjoni dwar min ikollu nvestimenti fil-pajjiżi rispettivi.
Li forsi qed jirreferi għaliħ l-Onorevoli Interpellant hu li l-banek se jiġu mġegħla jgħatu l-informazzjoni. Kif għidt fil-pubbliku dan hu suġġett ta' diskussjonijiet li qed isiru fuq bażi nternazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Maltacom li huma 'on secondment' ma' xi kumpanija jew entita' oħra?
Min huma dawn il-ħaddiema u liema hi l-kumpanija jew l-entita' li qed jaħdmu magħha fil-preżent?
Kemm ilhom 'on secondment' u xi ħlas u benefiċċji qed jieħdu?
Jista' jgħid ukoll meta dawn il-ħaddiema bdew jaħdmu mal-Maltacom?
Jista' l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li d-dawl li jinsab fil-ground tal-Marsa mhux qed jiġu mixgħula b' detriment għal dawk li jkunu qed jagħmlu użu minn din il-faċilita?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sistema tad-dawl fil-Kumpless tal-Marsa hija mqassma fi tlett sezzjonijiet.
L-ewwel sezzjoni sservi l-courts tan-netball u basketball. Din tinxtegħel kuljum bejn is-7.00 p.m u s-1.00 a.m.
It-tieni sezzjoni tixgħel il-ground Nru 2 u r-Rugby Area. Hawnhekk id-dawl jinxtegħel kuljum mis-7.45 p.m sa' l-10.00 p.m.
Fix-xitwa l-ħinijiet jinbidlu skond il-ħtieġa.
It-track fil-Matthew Micallef St John Stadium tiġi mixgħula fuq talba tal-Malta Amateur Athletic Association kull meta jkun hemm xi attivita`. Fix-xitwa tinxtegħel kuljum b'saħħa ta' dawl inqas mis-7.00 p.m sas-6.45 a.m.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-eżami tal-Malti Intermediate li sar fis-6 ta' Settembru intbagħtu biss tmien karti għal dan l-eżami meta kien hemm 25 student li qagħdu għalih u dan fil-Kulleġġ ta' San Aliugi. Veru li kienet persuna tal-Kulleġġ ta' San Aluigi li ħadet inizjattiva u għamlet photocopies u b'hekk l-eżami ittardja biss b'għaxar minuti.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta l-Kap taċ-Ċentru ta' l-Eżamijiet flimkien ma' l-invigilator f'San Alwiġi (Ground Floor) fetħu l-pakkett issiġillat ta' l-eżami tal-Malti Intermedjarju għaxar minuti qabel il-bidu ta' l-eżami fil-preżenza ta' l-istudenti, instab li kien hemm tmien karti biss u ma kienx hemm biżżejjed karti għan-numru ta' studenti li qadu f'dan l-eżami.
B'hekk biex ma jintilifx ħin ġie nkarigat persuna mill-Kulleġġ ta' San Alwiġi li matul l-eżamijiet ikun qed jassisti fit-tmexxija ta' l-eżamijiet f'dan iċ-Ċentru sabiex jagħmel il-fotokopji neċessarji biex b'hekk l-eżami beda għaxar minuti biss wara l-ħin preskritt.
Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet informa lill-Matsec Board dwar dan l-inċident.
Jista' l-Ministru matul Ġunju - Lulju -Awissu u Settembru separatament jagħti dettalji dwar kemm il-persuna taħt l-eta' tal-liġi inqabdet taħdem? F' liema xogħol? X' passi ittieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul Ġunju, Lulju u Awwissu 2001, l-Ispetturi tal-Korporazzjoni ta' l-Impjieg u Taħriġ sabu jaħdmu erbatax-il tifel u tifla ta' eta' minuri. Minn dawn, tlettax kienu qed jaħdmu fis-settur turistiku u wieħed fis-settur tal-ġarr ta' l-għamara. L-istatistika dwar ix-xahar ta' Settembru 2001 għad trid tiġi kompilata.
Il-passi li qed jittieħdu mill-Korporazzjoni f'dawn il-każijiet huma dawk kontemplati fil-liġi.
Dwar ir-resits li saru fl-eżamijiet tal-intermediates, jista' l-Ministru jgħid għaliex fiċ-Ċentru fil-Kulleġġ San Aliwiġi fit-3 ta' Settembru bdew bdew tard minħabba diversi raġunijiet? X'kienu dawn ir-raġunijiet? X'passi ttieħdu fuq min naqas u b'hekk eżamijiet bdew 50 minuta tard?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-raġunijiet prinċipali li l-eżamijiet li saru t-Tnejn 3 ta' Settembru 2001 fiċ-Ċentru ta' l-Eżamijet fis-sular t'isfel fiċ-Ċentru ta' San Alwiġi, kienu dawn:
1. Numru ta' kandidati ma kienux jafu l-'candidate number' tagħhom.
2. Xi kandidati qalu li ma rċevewx il-pre-avviż bil-posta.
3. Xi kandidati li kienu ser joqgħodu għall-eżami fl-Informatika
marru għalxejn għax insew li kienu eżentati milli jersqu għall-
ewwel karta ta' dan l-eżami.
4. Il-Kap taċ-Ċentru ma ħasibx biex jipprepara sinjali ta' direzzjoni
ċari biex il-kandidati setgħu jsibu posthom mingħajr konfużjoni.
5. Għoxrin karta differenti ta' eżamijiet differenti, b'rikjesti differenti
riedu jinfetħu fl-istess ħin. B'hekk billi kienet l-ewwel sessjoni
din is-sitwazzjoni ħolqot konfużjoni fiċ-ċentru sakemm il-
kandidati sabu l-postijiet tagħhom.
Għalkemm l-eżamijiet f'dan is-sular bdew 50 minuta tard, id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet aċċerta ruħu li l-istudenti jiġu mogħtija l-ħin sħiħ ta' l-Eżami.
Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet għarraf lil Matsec Unit dwar dan l-inċidenti kif ukoll ħa l-passi meħtieġa biex sa fejn huwa possibbli każijiet bħal dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.