Jista' l-Ministru jgħid matul l-istaġun 2000 - 2001, kemm saru laqgħat mill-Malta Racing Club għall-owners u l-membri?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru żewġ laqgħat mill-Malta Racing Club għall-owners u l-membri.
Ta' min jgħid li l-Kumitat tat-Tmexxija tal-Malta Racing Club hemm rappreżentanti ta' l-owners / membri magħżula mill-istess 'owners' wara sejħa għal dan l-iskop. B'hekk l-owners u l-membri għandhom vuċi kontinwa fil-laqgħat tal-Kumitat.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex ġew impjegati aktar ħaddiema fil-Pixxina, meta kien intqal li sakemm titwaqqaf il-kumpanija li ser tmexxi l-Pixxina mhux ser jiġu mpjegati aktar nies?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġie mpjegat ħaddiem part-time fil-gym. Din il-ħtieġa inħasset minħabba ż-żieda fis-sħubija ta' nies li jiffrekwentaw il-gym. Ġew impjegati wkoll żewġ cleaners wara li ttieħdet deċiżjoni li x-xogħol ta' tindif isir min-nies li jkunu taħt il-kontroll tal-Pixxina. Wieħed japprezza li l-użu tal-Pixxina qiegħed dejjem jiżdied u jekk tinħass il-ħtieġa li jiġu mpjegati aktar nies ma tistax tistenna sakemm jiġu finalizzati l-formalitajiet kollha sakemm tibda topera l-kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi direttiva mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jew mill-Ministeru dwar basktijiet bir-roti użati mill-istudenti? Jekk iva, din tapplika wkoll għall-iskejjel tal-privat u tal-knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23288 u ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' ċirkolari bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid b' riferenza għar-rapport ta' ħidma tat-tielet sena tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, taħt Relazzjonijiet Internazzjonali f' paġna 6L, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ftehim imsemmi? Jista' jgħid ukoll fil-qosor x' benefiċċji gawdiet Malta fl-oqsma msemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jintqal fir-Rapport inniffsu l-Ministeru hu responsabbli jagħti l-parir tiegħu fl-abbozzar u jieħu sehem fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet li jsiru mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.
Dawn il-ftehimiet joħolqu qafas li jkun jista' jippermetti fost oħrajn, bdil ta' esperjenzi fl-ambidu edukattiv bejn studenti u lecturers Maltin ma' dawk ta' pajjiżi oħra, promozzjoni ta' Malta f'pajjiżi oħra permezz ta' wirjiet kulturali barra minn Malta, opportunita` biex titkattar id-domanda minn studenti barranin għas-servizzi bi ħlas ta' l-Universita` ta' Malta, twaqqif ta' Ċentri kulturali barranin f'Malta, u minn aspett politiku, tisħiħ ta' relazzjonijiet ma' pajjiżi oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x' xogħlijiet qed isiru fil-korsa tal-Marsa u min qed jaħdem f' kull biċċa xogħol? Jista' jgħid ukoll jekk ħarġu sejħiet għall-offerti u kemm se jiswa kull proġett imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-korsa tal-Marsa jinkludu xogħol ta' manutenzjoni ġenerali li jsir kull staġun kif ukoll xogħlijiet għal entratura ġdida li kien ilu jinħass il-bżonn tagħha.
Il-manutenzjoni qegħda ssir mill-ħaddiema tal-Klabb u minn Philip Agius & Sons Ltd waqt li x-xogħol fuq l-entratura qiegħed isir minn Polidano Brothers. Dawn ix-xogħlijiet ingħataw wara li l-Kumitat talab lil tlett kuntratturi ewlenin biex jissottomettu offerti għal dan ix-xogħol u ntagħżlet l-offerta l-aktar vantaġġjuża.
Ix-xogħlijiet fil-korsa huma stmati li jiswew madwar Lm7,000 waqt li x-xogħol ta' l-entratura hu stmat madwar Lm50,000.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikun lest il-gym ta' l-Universita u fiex wasal bħal issa? Jista' l-Ministru jgħid ukoll meta ser ikun lest il-gym li ser isir fil-Cottonera Sports Complex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol fuq l-iSports Hall tal-Kumpless Sportiv ta' l-Universita` mistenni jitlesta sa Ġunju 2002. Ix-xogħol fuq il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera li jinkludi l-gym hu maħsub li jitlesta sal bidu tas-sena 2003.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 28162, jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għal dawk l-oqsma li hu responsabbli minnhom is-Segretarju Parlamentari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li impjiegi ġodda minn Jannar 2001 sal-lum fid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma kienx hemm filwaqt li kien hemm tlieta mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija. Rigward il-Pixxina Nazzjonali, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet 28008 u 28265.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet dwar proġetti li sar isiru ġewwa M'Scala? Jekk iva, fejn u x'tip ta' proġett u meta se jibda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ippjanat bejn Ottubru 2001 u Ġunju 2002, f'Marsascala bħala parti mill-proġett ta' tisbiħ f'lokalitajiet turistiċi huwa dan li ġej:
Tkomplija ta' xogħol fuq il-promenade fl-inħawi ta' Triq Żonqor.
Xogħol ta' tisbiħ fil-Bajja ta' San Tumas.
Kontinwazzjoni ta' xogħol ta' restawr fit-Torri ta' San Tumas u r-redoubt.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Kummissarju tal-Pulizija bħala ġest ta' ringrazzjament għal xogħol konness mal-kariga tiegħu qattx ingħata arloġġ tal-marka EBEL minn xi ħadd? Min tah dan ir-rigal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`Novembru 1995 kienet ġiet Malta delegazzjoni Libjana għall-taħdidiet mal-Pulizija Maltija. Bħala ġest ta` apprezzament, id-delegazzjoni Libjana tat arloġġ ta` l-idejn lil kull wieħed mill-membri tad-delegazzjoni Maltija, li kienet magħmula mill-Kummissarju, Supretendent u Spettur tas-CID.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Ġorġ Grech qatt saritlu l-proposta mill-Gvern għall-ħatra ta' Ambaxxatur għal Washington, Londra jew l-Olanda?
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' vjaġġi li għamel il-Kummissarju tal-Pulizija, fl-aħħar sentejn bil-baħar u ma' min? Meta saru dawn il-vjaġġi u intalabx permess jew inkella infurmax lill-Ministru bil-vjaġġi li kien qiegħed jagħmel?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x' sehem kellu l-Kummissarju tal-Pulizija biex jitressaq każ il-qorti fil-konfront ta' cittadina Ciniża isimha qed jintbagħat separatament biex din titkeċċa minn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1999 il-Kummissarju tal-Pulizija wasallu lment li l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet qed tirrikatta ċittadin Malti u dan ma xtaqx li jagħmel rapport dwar dan sabiex ma jkissirx il-familja. Meta l-Kummissarju tal-Pulizija iċċekkja mas-subalterni tiegħu l-pożizzjoni immigratorja tal-persuna kkonċernata, sab li din kienet Malta llegalment u għaldaqstant ta ordni sabiex jittieħdu proċeduri neċessarji għat-tkeċċija tagħha. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Dr M Hayman LL.D., ma laqgħetx din it-talba, iżda peress li ċ-ċittadina Ċiniża kienet għadha Malta fi stat illegali, reġgħu ittieħdu passi kontra tagħha quddiem il-Qorti diversament preseduta u nstabet ħatja. Peress li matul il-proċeduri iċ-ċittadina kienet iżżewġet Malti, il-Qorti ma ordnatx it-tkeċċija tagħha.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-avukat ġenerali f' xi perjodu matul din is-sena infurmah li għaddejja investigazzjoni fil-konfront tal-Kummissarju minn Maġistrat?
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Maġistrat inkwirenti infurmat lill-avukat ġenerali meta bdiet l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-Kummissarju? Meta kien infurmat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninstab infurmat mill-Avukat Ġenerali illi hu ġie nfurmat mil-Maġistrat Inkwirenti meta din bdiet l-inkjesta msemmija mil-interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Prim Ministru infurmahx li sar ilment miegħu minn John Azzopardi dwar l-imġieba tal-Kummissarju tal-Pulizija ma' martu? Jista' jgħid jekk il-Prim Ministru infurmahx b' ittra li r-raġel tal-mara kitiblu fejn infurmah li se jieħu passi fil-qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Jiena qatt ma rċevejt ilment minn għand il-koppja Azzopardi, la qatt iltqajt magħhom jew talbu li jiltaqgħu miegħi; kif għidt il-Prim Ministru nformani f`ċertu żmien bl-allegazzjonijiet tas-Sur John Azzopardi, li ma kenux l-akkużi li qed jiġu rapportati li qed jiġu nvestigati llum, liema allegazzjonijiet kienu ġew miċħuda mill-Kummissarju; il-Prim Ministru nformani li irċieva ittra mingħand is-Sur John Azzopardi li fiha qal li ser jittieħdu passi legali minħabba l-aġir li hu kien allega; x`passi legali u ta` liema xorta ma ġiex indikat.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sentejn li għaddew x' karozzi kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija? Jekk f' dawn is-sentejn il-karozzi kienux involuti f' xi inċident tat-traffiku? Meta seħħew l-inċidenti jekk saru u min kien qiegħed isuq il-karozza dak il-ħin li saru l-inċidenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar sentejn, il-Kummissarju tal-Pulizija kellu għad-dispożizzjoni tiegħu dawn il-vetturi - Ford Granada; Opel Record; Opel Vectra u Alfa Romeo. L-inċidenti li kienu nvoluti dawn il-vetturi, huma:
05.06.00 Il-karozza kienet misjuqa mill-Kummissarju, meta karozza oħra baqgħet dieħla fuq il-ġenb tal-karozza tas-servizz.
22.11.00 Il-karozza kienet misjuqa mid-driver u baqgħet dieħla ġol-karozza ta` quddiemha.
18.05.01 Il-karozza kienet misjuqa mid-driver, meta karozza oħra baqgħet dieħla fuq wara tal-karozza tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom permess biex iġorru pistola fuqhom 'to carry'? Kemm minn dawn huma membri ta' xi servizz tas-sigurta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent m`hawn l-ebda persuna li għandha t-tip ta` liċenzja li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed iżommok aġġornat bil-passi li qiegħed jieħu inkonnessjoni ma' l-inkjesta maġisterjali li qiegħda ssir? Bħala Ministru tlabtu rapport dwar l-allegazzjonijiet li saru kontrih? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport, jekk jeżisti?
Response (BORG, TONIO)
L-azzjonijiet li jieħu l-Kummissarju tal-Pulizija fil-kapaċita` personali tiegħu huma responsabbilita` tiegħu li fihom jiena ma ndħaltx; huwa informani bħala fatt bil-passi li ħa; f`laqgħa li kelli miegħu, huwa spjega b`dettal il-pożizzjoni u verżjoni tiegħu tal-fatti, u ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet kontra tiegħu li hu kien wettaq xi reat u ċaħad kull forma ta` abbuż tal-uffiċċju u kariga tiegħu.