Jista' l-Ministru jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 27073?
Jista' jgħid jekk id-diffikultajiet waqt il-proċess tat-tender għal provista tal-photocards ingħalbux?
Lil min ingħatat din l-offerta?
Kemm applikaw għall-offerta u kemm talbet kull kumpanija eċċ?
Meta hu maħsub li jintbagħtu l-liċenzji l-ġodda tas-sewqan bil-photocard?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-diffikultajiet waqt il-proċess tat-tender għall-provista tal-liċenzji tas-sewqan photocard ġew superati u t-tender ingħatat mid-Dipartiment tal-Kuntratti lid-ditta Joseph Cachia & Sons Ltd.
Kien hemm żewġ offerti mingħand:
A.G. Packaging Systems Ltd.
Joseph Cachia & Sons Ltd.
Peress li din it-tender ġiet proċessata skond it-Tmien Skeda tar-Regolamenti ta` l-1996 dwar akkwisti li jsiru mis-Servizz Pubbliku, jiġifieri li l-offerti jsiru fi tliet pakketti separati, jista` jingħata biss tagħrif dwar l-offerta finanzjarja tad-ditta li ġiet mogħtija l-kuntratt, Joseph Cachia & Sons Ltd. li offriet Lm1.29c għal kull Liċenzja tas-Sewqan photocard.
L-offerta finanzjarja ta` A.G. Packaging Systems Ltd. mhux magħrufa għaliex skond it-Tmien Skeda msemmija l-pakkett finanzjarju ma jiġix miftuh jekk l-offerta ma tiġix rikkommandata wara li jkunu nfetħu l-ewwel żewġ pakketti.
Mis-27 ta` Settembru 2001 bdew jintbagħtu l-ewwel liċenzji tas-sewqan photocard.
Jista' l-Ministu jikkonferma li l-Istorja ta' Malta hija obbligatorja fl-iskejjel tagħna - tal-Istat, indipendenti u tal-Knisja? Jikkonferma pero' li mhux l-iskejjel kollha iwasslu lis-studenti biex joqgħodu għall-eżami tas-SEC f'dan is-suġġett? Jista' jara jekk hemm xi skola tal-bniet tal-Knsija li neħħiet l-Istorja ta' Malta mill-kurrikulu tagħha f'livell sekondarju (l-isem tal-iskola qed jintbagħat separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istorja ta' Malta hija obbligatorja fl-iskejjel tagħna, ta' l-Istat, Indipendenti u tal-Knisja.
Fl-iskejjel ta' l-Istat, studenti li għandhom lezzjoni waħda biss fl-Istorja ta' Malta jaslu għall-eżami tas-SEC fl-Environmental Studies (li fih taqsima fuq l-Istorja ta' Malta) u mhux għall-eżami tas-SEC fl-Istorja ta' Malta. Għall-eżami tas-SEC fl-Istorja ta' Malta jaslu dawk l-istudenti li jkunu għażlu dan is-suġġett speċifikament u jkollhom erba' lezzjonijiet fih.
Informat ukoll li l-iskola msemmija tgħallem l-Istorja ta' Malta fl-ewwel u t-tieni klassi ta' l-iskola sekondarja. Fit-tielet sena toffri għażla ta' suġġetti biex jiġu studjati mit-tielet sena 'l fuq, fost dawn is-suġġetti hemm l-Istorja ta' Malta.
Jirriżulta li f'din l-iskola n-numru ta' studenti li għażlu l-Istorja ta' Malta kien tant żgħir li ma setgħetx tifforma klassi. L-eżami tas-SEC f'din iċ-ċirkustanza ma jistax isir.
Jista' l-Ministru jgħid fejn qed imur l-ilma li jinżel fil-culvert taħt il-bankina fi Triq l-10 ta' Settembru 1797 ġewwa Ħaż-Żebbuġ? Jikkonferma l-Ministru li dan l-ilma, snin ilu kien imur ġewwa ġibjun u dan issa ma jistax isir għax il-ġibjun ġie magħluq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-toroq indaga dwar il-każ mas-Segretarju tal-Kunsill ta` Ħaż-Żebbuġ u ġie nfurmat li m'hemmx triq li jisimha 10 ta` Settembru 1797 ġo Ħaż-Żebbuġ. Għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jiċċekja sew għal liema lokalita` l-mistoqsija qed tirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid x' għajnuna għandhom studenti li jbatu mill-epilepsja?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li jbatu mill-epilepsja?
Jekk għandi din l-informazzjoni, jista' jagħtiha skond is-sess u l-eta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-epilepsja hija kundizzjoni medika, l-informazzjoni mitluba tista' tingħata biss mill-iSchool Medical Service tad-Diviżjoni tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-iskola ta' M'Scala , minħabba li din issa hija żgħira wisq sabiex tilqa' għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni dejjem tikber ta' M'Scala?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kmieni din is-sena, saret applikazzjoni ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għat-tkabbir ta' din l-iskola. Ix-xogħol hu mistenni li jibda hekk kif joħorġu l-permessi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġie deċiż wara li l-kuntrattur G.V. Xuereb ma baqax jaħdem fuq is-sit tal-kumpless sportiv tal-Cottonera? Ser jintgħażel xi ħadd ieħor u jekk iva kif ser jintgħażel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li l-kuntrattur G.V. Xuereb Ltd ma baqax jaħdem fuq is-sit tal-Kumpless Sportiv tal-Cottonera, ix-xogħol baqa' miexi xorta bl-istess ritmu ta' qabel. Wara li l-amministratur tal-kumpanija G.V. Xuereb Ltd informa uffiċjalment lid-Dipartiment tal-Kuntratti li G.V. Xurereb Ltd aċċettaw li jinħallu mill-obbligi tagħhom bħala parti mill-Joint Venture oriġinali, ġiet emendata l-Letter of Acceptance u l-kuntratt ġie mogħti liż-żewġ partijiet l-oħra tal-Joint Venture jiġifieri Polidano Bros Ltd u Steel Structures Co. Ltd.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li għandna persuni f'Malta u Għawdex li jbatu bl-epilepsja? Jekk għandu din l-informazzjoni, jista' jaqsamha f'kategoriji skond is-sess u l-eta'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma żżomx l-istatistika mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-għaqda sportiva u bl' liema ammont ibbenefikaw minn xi għotja mogħtija mill-lotterija tas-Super 5 jew xi lotterija oħra organizzata mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku u dan matul din is-sena finanzjarja?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għal din is-sena finanzjarja hija kif ġej:
Logħba Għaqda Sportiva Ammont
Presto Ministry of Youth & Sport Lm 200,000
Super 5 Malta Football Association Lm 10,000
Super 5 Malta Racing Club Lm 5,000
Super 5 Malta Olympic Committee Lm 5,000
Super 5 Malta Triathon Association Lm 40
Super 5 Malta Basketball Association Lm 4,000
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hux qed issir traduzzjoni tal-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropeja għall-Malti?
Jekk iva, min qed jagħmel dan ix-xogħol u kemm qed jitħallas?
Jista' jgħid ukoll x'xogħol tlesta s' issa?
Response (BORG, JOE)
Ix-xogħol indikat mill-Onorevoli Interpellant qed isir minn persuni li jaqgħu taħt id-direzzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali, u għalhekk nissuġġerixxi li l-Mistoqsija issir lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-mistoqsija numru 27992, mill-liema logħob/logħba tqassmu l-fondi msemmija u kemm kien l-ammont globali?
Jista' jagħti lista ta' kemm ġiet mogħtija kull għaqda msemmija?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont li tqassam lill-għaqdiet sportivi u oħrajn hu ta' Lm 334,708. Dawn il-fondi ttieħdu mill-logħob tas-Super Five u l-Presto.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kif tqassmu dawn il-fondi.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-istaġun 2000 -2001 kemm saru b' kollox laqgħat tal-Malta Racing Club?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm saru laqgħat fit-tlett staġuni ta' qabel separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-istaġun 2000/2001 saru 12-il laqgħa formali tal-Kumitat tat-tmexxija tal-Malta Racing Club. Saru wkoll diversi laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv b'medja ta' waħda fil-ġimgħa.
Fit-tlett staġuni ta' qabel in-numru ta' laqgħat kien hekk:
Staġun
1977 / 1998 45
1998 / 1999 23
1999 / 2000 38
Ta' min jgħid li r-riżultat aħħari ma jiddependix min-numru ta' laqgħat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat matul l-istaġun 2000 - 2001 sal-lum bejn il-Malta Racing Club u għaqdiet oħra li jinsabu fil-Marsa Sports Ground?
Liema huma dawn l-għaqdiet li l-MRC iltaqgħu magħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru għadd ta' laqgħat informali ma' waħda mill-assoċjazzjonijiet tal-Malta Sports Ground jiġifieri dik li għandha l-aktar konnessjoni mal-Malta Racing Club u li tieħu ħsieb il-Polo Club. Saru wkoll xi diskussjonijiet bejn membri ta' l-Eżekuttiv u tal-Marsa Sports and Country Club.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-istaġun 2000 - 2001, kemm intefqu flus f' pagi lill-ħaddiema full-timers u part-timers tal-Malta Racing Club?
Jista' jagħti din l-informazzjoni għaż-żewġ staġuni preċedenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' flus li ntefqu f'pagi matul l-istaġun 2000 / 2001 huwa hekk:
Ħaddiema full time Lm30,750
Ħaddiema part time Lm54,702
L-informazzjoni dwar id-dettalji taż-żewġ staġuni preċedenti qegħda tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jgħin jew hux ser jgħin finazjarjament lill-Malta Racing Club fil-proġetti li qed jagħmel jew li ser jagħmel?
Jekk iva, liema huma dawn il-proġetti u kemm hi l-għajnuna finanzjarja li l-Gvern ser joħroġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġett li qed iwettaq jew li se jwettaq il-kumitat tal-Malta Racing Club se jsiru fil-kwadru tar-responsabbilita` tal-Club, jiġifieri bir-riżorsi li l-Club jirnexxielu jamministra b'mod sostenibbli. Jekk u meta jinħass il-bżonn ta' għajnuna finanzjarja, il-Gvern lest li jikkonsidra l-proposti.
Mhuwiex għaqli li clubs bħal Malta Racing Club jistennew li l-Gvern jidħol għal kull spiża finanzjarja għaliex b'hekk tinqatel il-motivazzjoni ta' min ikun qiegħed imexxi.
Ninsab infurmat li sal-llum, 15 t'Ottubru, 2001, in-numru ta' inkjesti pendenti huwa ta' 513. Din il-figura ma tinkludix numru ta' inkjesti, li xi whud mill-Maġistrati ma jixtiequx jgħaddu nformazzjoni dwarhom lill-Amministrazzjoni tal-Qrati.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mogħtija mill-Maġistrati Inkwirenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti b' referenza għal PQ 28139 dettalji dwar l-etajiet tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-etajiet tal-persuni li l-każ tagħhom ġie verifikat matul Jannar u Awissu ta' din is-sena u ta' dawk li sofrew korrimenti fatali.
It-tagħrif dwar in-numru ta' studenti li qagħdu għall-eżami tas-SEC/MATSEC fis-Sessjoni ta' Settembru u r-riżultati miksuba suġġett b'suġġett kif mgħoddi lili mill-Uffiċċju tal-MATSEC ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mogħti l-parir mill-Bord tal-MATSEC biex ma nagħtix it-tagħrif mitlub skola skola.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-siġar li nqalgħu dan l-aħħar mill-Marsa tneħħewx bil-permess fil-awtoritajiet konċernati?
Jista' jgħid ukoll x' sar minnhom dawn is-siġar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan l-aħħar inżabru xi siġar fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Xi friegħi mejta inqatgħu waqt l-istess eżerċizzju. Ma jirriżultax li nqalgħu xi siġar ħajjin.