Jista' l-Ministru jgħid x' superviżjoni qed issir ma' l-istudenti li jattendu l-iskola Ġużeppi Despott f' Bormla meta jkunu qed jistennew il-privates wara li jtemmu l-iskola?
Jista' l-Ministru jara ma' l-awtoritajiet konċernati biex dan l-istess post fejn jkunu qed jistennew l-istudenti jitnaddaf mill-iskart li jinġemma' hemm u li dan isir b' mod regolari għaliex jista jkun hemm ħsara għas-saħħa ta' l-istudenti?
Jista' l-Ministru jgħid l-awtoritajiet ta' l-Universita' jikkunsidraw li l-eżami tal-Malti fil-livell SEC jinqasam f' dak tal-lingwa u ieħor tal-letteratura - żewġ eżamijiet - kif isir fl-Ingliż?
Jista' l-Ministru jikkonferma li perċentaġġ għoli ta' dawk l-istudenti li jeħlu huwa minħabba li jmorru ħażin fil-letteratura u allura jekk isru żewġ eżamijiet jkun hemm studenti li almenu jkunu għaddew mil-lingwa Maltija u mhux jispiċċaw l-iskola mingħajr ebda ċertifikat fil-Lingwa Nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord tal-MATSEC qed jistudja proposta bħal din.
Biex wieħed iqabbel kif qiegħdin imorru l-istudenti fl-ewwel karta (li hi lingwa) u t-tieni karta (li hi letteratura), wieħed irid jistudja l-korrelazzjoni ta' bejniethom, kif se nsemmi f'din it-tabella:
Il-Korelazzjoni bejn l-Orali u l-ewwel
Karta u t-tieni Karta u t-totali
Karta 1 u 2A
ORALI : KARTA 1 0.35
ORALI : KARTA 2A 0.29
ORALI : TOTAL 0.43
KARTA 1 : KARTA 2A 0.71
KARTA 1 : TOTAL 0.85
KARTA 2A : TOTAL 0.93
Karta 1 u 2B
ORALI : TOTAL 0.42
ORALI : KARTA 1 0.34
ORALI : KARTA 2B 0.28
KARTA 1 : KARTA 2B 0.64
KARTA 1 : TOTAL 0.83
KARTA 2B : TOTAL 0.91
Din it-tabella turi li:
* Hemm korrelazzjoni pożittiva, imma żgħira, bejn l-Orali, u l-ewwel karta, it-tieni karta u t-totali. Dan jiġri għaliex qegħdin neżaminaw żewġ fatturi differenti tal-lingwa: Il-lingwa mitkellma u l-lingwa miktuba.
* Hemm korrelazzjoni pożittiva, imma ferm akbar minn dik ta' qabilha, bejn l-ewwel karta u t-tieni karta. Dan ifisser li min imur tajjeb fl-ewwel karta (il-lingwa) aktarx qiegħed imur tajjeb ukoll fit-tieni karta (il-letteratura). Daqstant ieħor min imur ħażin fil-lingwa aktarx imur ħażin ukoll fil-letteratura.
* Hemm korrelazzjoni pożittiva, imma aktar qawwija mill-oħrajn, bejn l-ewwel karta, u t-tieni karta separatament mat-totali (Orali + lingwa + letteratura). Dan ikompli juri li min imur tajjeb fl-ewwel karta aktarx imur tajjeb ukoll fl-eżami kollu.
Minn dan wieħed jasal biex jikkonkludi li min qiegħed imur ħażin fl-eżami, aktarx li jkun batut fit-tlett taqsimiet (Orali, lingwa u letteratura), u mhux fil-letteratura biss.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qed isir mal-boundary tal-Marsa Sports Ground hux kopert bil-permessi neċessarji?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll min qed jagħmel dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment għandu l-permessi kollha meħtieġa biex isir ix-xogħol fil-Marsa Sports Ground. Ix-xogħol ġie allokat lil Polidano Group wara li ħarġet sejħa għat-tenders.
Il-ħamrija skavata mis-sit, flimkien ma' xi siġar li tneħħew mill-istess post qegħdin jitpoġġew biswit Triq Aldo Moro biex ikun żgurat li ma ssirx ħsara lil dawn is-siġar u ma tinħeliex ħamrija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ġew boarded out f' dawn l-aħħar tlett snin, lokal b' lokal?
Jista' jgħati l-etajiet ta' kemm kienu dawk li kellhom anqas minn 29 sena, anqas minn 40 u dawk li huma ta' aktar minn 41 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Numru 28729. Inżid li l-istatistika miżmuma ma tindikax l-etajiet ta' dawk il-persuni li ġew mogħtija pensjoni ta' l-Invalidita.
Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-PQ 28947 x' sab id-Dipartiment tat-Toroq u x' soluzzjoni qed jipproponi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għaddej bix-xogħol biex jistabilixxi fejn sejjer dan l-ilma.
Ta` min jinnota illi s-sena l-oħra d-dħulijiet u l-katusi li hemm fil-post tnaddfu mid-Dipartiment tat-Toroq, u mill-ġranet tax-xita li kellna minn dak inhar `l hawn ma deherx li kien hemm għargħar f`dik l-area.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti subien u bniet li qed jattendu is-6th Form tal-:
1) L-Istat
2) Tal-Knisja
3) Indipendenti
Jista' jagħti in-numri mqassmin skola, skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' l-istudenti subien u bniet li qed jattendu is-6th Form huwa dan:
Subien Bniet Total
Skejjel ta' l-Istat
Sir Mikielanġ Refalo Għawdex 111 147 258
Giovanni Curmi HSS 560 723 1283
Institute of Business and
Commerce (MCAST) 214 428 642
Junior College 1503 1118 2621
Total 2388 2416 4804
Skejjel tal-Knisja
Kulleġġ San Alwiġi 116 94 210
Kulleġġ De La Salle 61 39 100
Total 177 133 310
Skejjel Indipendenti
Kulleġġ St Edwards 40 36 76
Verdala International 18 10 28
Total 58 46 104
TOTAL GLOBALI 2623 2595 5218
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-iskola San Franġisk ta' Assisi f'Santa Venera iddum ma tiftaħ il-bibien tagħha? Jaf l-Ministru li kważi kulljum qabel is-sebgħa u nofs ta' filgħodu jkun hemm mat-tletin tifel jistenna barra u dan fi triq ferm traffikuża fejn anke jgħaddu trakkijiet kbar? Jista' jara li isir xi ħaġa biex il-bibien jiftħu aktar kmieni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirriżultax li l-iskola "San Franġisk ta' Assisi" f'Santa Venera tkun magħluqa sas-sebgħa u nofs ta' filgħodu. Waħda mill-gates ta' l-iskola tkun miftuħa l-ħin kollu u l-oħra tinfetaħ bejn is-sebgħa u s-sebgħa u ħamsa ta' filgħodu.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex għad hawn ħafna tfal anke ta' eta' tal-primarja li qed jitwasslu l-iskola kmieni ħafna? Jaf li hemm tfal minn diversi inħawi li qed jinġabru qabel is-7.00 ta' filgħodu u jkunu l-iskola siegħa qabel? Jkun hemm supervizzjoni f'kull skoal għall dawk li jaslu hekk kmieni? Min hu responsabbli għal dawn it-tfal la jitwasslu l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tagħmel użu minn tliet assoċjazzjonijiet għat-trasport tat-tfal ta' l-iskola. Fil-każ tat-tfal tal-Primarja ma hemm ebda rotta li ssir qabel it-tmienja neqsin kwart ta' filgħodu. Fil-każ tat-tfal tas-Sekondarja għadhom jeżistu problemi ta' xi rotot li jibdew qabel is-sebgħa għalkemm sar kull sforz biex dawn jiġu eliminati.
Hemm skejjel fejn fuq talba tal-kap ta' l-iskola ssir superviżjoni ta' dawk it-tfal li jitwasslu bit-trasport qabel it-tmienja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema li ġew aċċettati biex jgħallmu fl-MCAST iżda wara iddeċidew li ma jaċċettawx l-inkarigu? X'raġunijiet ingħataw? Mill-liema taqsima irtiraw? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm minn ma aċċettax il-kuntratt hekk kif ġie ippresentat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 25 għalliema li ġew aċċettati biex jgħallmu l-MCAST iżda dawn iddeċidew li ma jaċċettawx l-inkarigu.
Ir-raġunijiet kienu preferenza ta' tagħlim fl-iskejjel tal-Gvern, impenji ta' studju, promozzjonijet fit-Taqsima ta' l-Edukazzjoni jew raġunijiet ta' natura personali.
L-għalliema kollha ġew mit-Taqsima ta' l-Edukazzjoni.
Il-Kuntratt ta' l-għalliema fil-gradi ta' Lettur, Assistent Lettur jew Assistent Għalliem huma kollha 'standard' u l-kundizzjonijiet kienu magħrufa qabel saru l-intervisti. Ħadd ma rrifjuta kuntratt kif kien ippreżentat lilu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28516, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet li dawn il-persuni għandhom maqsuma f'dawk li huma anqas minn 29 sena, bejn it-30 u l-45 sena u 'l fuq minn 46 sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28515, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet li dawn il-persuni għandhom maqsuma f'dawk li huma anqas minn 29 sena, bejn it-30 u l-45 sena u 'l fuq minn 46 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpallant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28775, jista' l-Ministru jgħid jekk infurmax ruħu u allura jkun jista' jwieġeb dwar fejn wasslet l-inkjesta dwar il-pixxina tal-waterpool ġewwa San Ġiljan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li saret inkjesta minn uffiċjali tal-Ministeru dwar l-allokazzjoni tal-flus li kienu ngħataw biex isir xogħol fil-pixxina tal-Waterpolo Club ta' San Ġiljan, il-każ kien għadda f'idejn il-Pulizija. Il-Pulizija kienet ressqet kawża quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, liema kawża ġiet deċiża dan l-aħħar. Kopja tas-sentenza qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Sadanittant il-Ministeru ser jara x'passi jistgħu jittieħdu wara din id-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jidħlu rekluti ġodda fl-Akkademja tal-Pulizija? Kemm applikaw fl-aħħar sejħa pubbliku li saret? Jista' jgħid kemm minn dak li applikaw huma bejn it-18 u l-21 sena? Kemm se jiddaħlu rekluti ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 229 applikant għall-aħħar sejħa għal ingaġġ ta` kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn 160 huma ta` eta` bejn it-18 u l-21 sena. Dwar l-ewwel u l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi għad trid issir l-intervista selettiva kif rikjesta fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kemm il-persuna taħt l-eta' ta' sittax il-sena inqabdu f'postijiet ta' divertiment meta l-liġi ma tippermettix dan? Fl-liema inħawi inqabdu? Jista' jgħid x'passi ttieħdu kontra is-sidien ta' dawn il-postijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u s-17 ta` Ottubru 2001, kien hemm 39 persuna taħt is-sittax-il sena li nqabdet f`postijiet ta` divertiment ġewwa San Ġiljan, Rabat u Wied il-Għajn. B`riżultat ta` dan inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra 11-il sid ta` dawn l-istabbilimenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkomplew l-iskavi fil-belt antika tal-Imdina? Jista' jgħid x'instab, ta' liema perjodu etc?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskavi arkeoloġiċi ġewwa l-Belt ta' l-Imdina qed isiru pass pass max-xogħlijiet infrastrutturali mnehdija mill-Ministeru ta' l-Ambjent. Ix-xogħol arkeoloġiku qed jiġi dirett u regolat mid-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Dan ix-xogħol arkeoloġiku qed isir kull fejn hemm il-ħsieb li t-trinek fit-toroq ta' l-Imdina se jmissu b'xi mod ma' xi antikitajiet mirduma. Fil-preżent qed isir xogħol ta' skavar fi Pjazza San Pawl.
F'dawn l-iskavi instabu fdalijiet arkitettoniċi li jiddokumentaw perjodi differenti ta' l-istorja ta' l-Imdina minn żmien ir-Rumani sal-Medjuevu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28507, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet li dawn il-persuni għandhom maqsuma f'dawk li huma anqas minn 29 sena, bejn it-30 u l-45 sena u 'l fuq minn 46 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fejn jirrigwarda d-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28510, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet li dawn il-persuni għandhom maqsuma f'dawk li huma anqas minn 29 sena, bejn it-30 u l-45 sena u 'l fuq minn 46 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-informazzjoni li qed tintalab m'hijiex kollha aċċessibli u nstabu xi diffikultajiet biex tkun magħrufa l-eta` ta' uħud mill-individwi meta ġew avviċinati. Għalhekk ma' tistax tingħata risposta kompleta.