Peress li fl-istrateġija tiegħu l-Gvern preċedenti kien qal li kien determinat li jħaddem mekkaniżmu biex jiżgura li dawk il-Ministeri li ma jiġbdux ħabel wieħed dwar l-iskart kienu se jiġu ċċensurati mill-Kabinett, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan sarx?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Prim Ministru.
Peress li l-istrateġija dwar l-iskart kienet titlob li kull Ministeru u stakeholder jappunta uffiċjal eżekuttiv li flimkien miegħu l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali kellu jiddjaloga fl-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar l-iskart, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-mekkaniżmu twaqqafx u tħaddimx?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma sibna ebda evidenza dettaljata li dan sar - speċjalment li l-mekkaniżmu nnifsu twaqqafx u tħaddimx kif il-Gvern preċedenti kien mistenni u marbut li jagħmel- ħlief għall-Green Leaders li kellhom jiġu ko-ordinati mill-Uffiċju tal-Prim Ministru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern preċedenti kienx kommess li jikkummissjona reviews perjodiċi indipendenti dwar il-progress tal-istrateġija dwar l-immaniġġar tal-iskart? Jista’ jgħid jekk dan sarx u kemm kien effettiv?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preċedenti kien kommess li jagħmel dawk li jissejħu periodic reviews iżda ma sibna ebda evidenza li dan l-aġġornament u jekk dawn r-reviews indipendenti qattx saru dwar il-progress tal-istrateġija nnifisa, lanqas meta tlabna tagħrif mir-regolatur.
Peress li l-istrateġija dwar l-iskart kienet bassret li sas-sena 2015 ir-rata tat-tkabbir kellha titnaqqas għal 1.5% fis-sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan it-target hux se jintlaħaq?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex ġentilment jispeċifika għal liema tnaqqis ta’ 1.5% fis-sena qed jireferri.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien ix-xogħol tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qabel dan ġie magħżul għal dan ix-xogħol? Kemm ilu f'din il-kariga u xi kriterji ntużaw biex ġie magħżul għal dan ix-xogħol? Xi kwalifiki marbuta mal-human resources kellu meta ġie magħżul?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-individwu msemmi kien ħaddiem tal-Kumpanija Kalaxlokk qabel ma’ dan kien ġie deployed mal-IPSL fejn kien iwettaq dmirijiet fis-sezzjoni tal-Personnel taħt l-Administration Manager. L-Executive Chairman tal-IPSL kien talab, f’Settembru 2008, biex dan il-ħaddiem jingħaqad bħala Human Resources Manager mal-IPSL b’mod formali permezz ta’ redeployment bis-saħħa ta’ Art 15A tal-Att dwar l-Employment & Training Services., talba li ġiet approvata fit-2 ta’ Ottubru 2008.
Minħabba li Triq il-Palazzi fiż-Żejtun qatt ma ġiet mogħtija tarmak, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-Awtorità qed tgħid li parti minnha hija responsabbiltà tal-kunsill lokali? Hemm xi indikazzjoni meta l-parti tat-triq li hija responsabbiltà tal-Awtorità se ssir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li parti minn Triq il-Palazzi, Żejtun għandha wiċċ u għalhekk taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali. Il-parti l-oħra li baqa’ f’din it-triq qatt ma ġiet mogħtija wiċċ u għalhekk sakemm l-obbligi kollha tal-iżvilipputari huma mwettqa, ir-responsabbilta’ li jingħata l-wiċċ f’din il-parti ta’ triq hija ta’ Transport Malta. Għaldaqstant, din it-triq ser tiġi kkunsidrata fil-programm tax-xogħlijiet li jmiss li qed jippjana il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ encroachment permits, kirjiet u trasferimenti ta’ proprjetà tal-Gvern b’ċens, bejgħ jew permute li saru bejn l-1 ta’ Frar 2003 u t-8 ta’ Marzu 2003? Jista’ jgħid kull trasferiment meta sar, lil min sar, għalxiex sar u kemm intalab ħlas għalih?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ encroachment permits, kirjiet u trasferimenti ta’ proprjetà tal-Gvern b’ċens, bejgħ jew permute li saru bejn l-1 ta’ Frar 2013 u t-8 ta’ Marzu 2013 bl-informzzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proprjetajiet li ġew trasferiti fil-leġiżlatura li għaddiet, wara li ġiet imsejħa aktar minn sejħa waħda għall-offerti għat-trasferiment ta’ dik l-istess proprjetà? Fir-rigward ta’ kull proprjetà inkluża f’din il-lista, jista’ l-Prim Ministru jgħid b’kemm tniżżel il-valur rikjest fid-diversi sejħiet għall-offerti għall-istess proprjetà, u jagħti r-raġuni għaliex kien hemm tali tnaqqis?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proprjetajiet li ġew trasferiti fil-leġislatura li għaddiet, wara li ġiet imsejħa aktar minn sejħa waħda għall-offerti għat-trasferiment ta’ dik l-istess proprjetà bid-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Ir-raġuni għalxiex kien ikun hemm tali tnaqqis fil-valur oriġinarjament rikjest kien minħabba l-prassi li jsegwi d-Dipartiment f’każijiet fejn l-istima tad-Dipartiment ma tintlaħaqx jew inkella ma jkunx hemm offerti għall-proprjetà li tkun ser tiġi trasferita.
Fil-fatt, sa’ Awissu 2010, l-prassi tad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern kienet li meta tinħareġ sejħa għall-offerti, l-istima tal-proprjetà ma kinitx tkun magħrufa peress li din kienet tinfetaħ meta jinfetħu l-offerti mitfugħa. Kemm-il darba l-offerti ma kienux iqarbu l-istima magħmula mill-Perit tad-Dipartiment, l-offerti jiġu rifjutati u terġa’ tissejjaħ sejħa oħra għall-offerti. Jekk anke wara t-tieni sejħa l-offerti mitfugħa jkunu inqas mill-istima tad-Dipartiment, l-offerti kienu jergġħu jiġu miċħuda u toħroġ it-tielet sejħa għall-offerti bid-differenza li ssir stima ġdida tal-proprjetà in kwistjoni magħmula minn żewġ periti differenti. Wara l-offerti milqugħa kienu jintbagħtu lid-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex issir l-aġġudikazzjoni tal-aħjar u l-ogħla offerta.
Wara li ġie maħtur it-Tender Committee fid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern sabiex dan il-Kumitat jibda jaġġudika l-offerti milqugħa għat-trasferiment tal-proprjetà, tbiddlet il-prassi u l-istima tal-proprjetà kienet tkun imniżżla fl-Avviż tas-Sejħa tal-Offerti fejn il-pubbliku kien ikun infurmat li offerti anqas mill-ammont indikat ma kienux ser jiġu milqugħa. Meta ma kienx ikun hemm offerti mitfugħa għall-prezz li kien qed jintalab fis-Sejħa għall-Offerti, dan il-Kumitat kien jiddeċiedi li jerġa’ joħroġ sejħa oħra għall-offerti bid-differenza li l-prezz mitlub f’din is-sejħa ikun 10 fil-mija (10%) inqas mill-prezz mitlub oriġinarjament. Il-Kumitat jista’ jiddeċiedi wkoll li jitlob stima mingħand perit ieħor jekk anke f’dan il-każ ma jkun hemm l-ebda offerta mitfugħa.
Minħabba l-fatt li hemm numru sostanzjali ta’ każijiet ta’ trasferimenti li għalihom ħarġet iktar minn sejħa waħda għall-offerti kif tixħed il-lista mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra, mhuwiex possibli li tiġi ndikata ir-raġuni dwar it-tnaqqis li setgħa kien hemm f’kull każ peress li trid ħafna ħin u riżorsi biex tinġabar l-informazzjoni. Madankollu jekk l-Onorevoli Membru irid aktar dettalji fuq xi proprjetà partikolari indikata fil-lista, ma nsib l-ebda problema li ngħaddielu tali informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li sar studju mill-Gvern l-ieħor mill-Ministeru tal-Finanzi dwar l-operat tal-Wasteserv? Jista’ jgħid jekk dan qattx ġie studjat mill-Wasteserv infisha? Hemm xi ħjiel kemm ġie jiswa? Jista’ jgħid jekk il-Wasteserv imxietx fuq il-linji strateġiċi tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nista nikkonferma li sar dan l-istudju li jismu “WasteServ Malta Ltd – Financial Review 2011 – reducing net cost to Government”. Dwar kemm ġie jiswa, l-aħjar li l-mistoqsija ssir lill-Ministeru tal-Finanzi li kkummissjonaħ taħt amministrazzjoni preċedenti.
Jekk sarx studju mill-WasteServ innifisha huwa diffiċli li jinstab traċċja ta’ dan. Li huwa ċert huwa li l-WasteServ f'ħafna każi baqgħet tagħmel il-maqlub ta' dak li rrikmanda r-rapport. L-ewwel abbozz ta’ dan ir-rapport kien tlesta f’Lulju 2012. Wara konsultazzjoni mal-WasteServ, fejn l-aspetti varji tal-operat ġew spjegati u diskussi, ir-rapport ġie ppreżentat f’Dicembru 2012 in ‘
draft form’
lis-Segretarju Permanenti tal-Finanzi u s-Segretarju Permanenti tal-MRRA, b’uffiċjali tal-WasteServ preżenti. Filwaqt li xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet kienu jinsabu fi proċess ta’ implimentazzjoni, intqal li l-maġġjor parti riedu jiġu diskussi fuq livell inter-Ministerjali għax kienu jinvolvu bidliet strateġiċi fil-
policy
tal-Gvern.
Li huwa ċert ukoll huwa li filwaqt li l-Ministru responsabbli għall-WasteServ taħt l-amministrazzjoni preċedenti wera riżervi serji dwar l-istudju nnifsu, f'artiklu riċenti tiegħu, l
-ex
Ministru tal-Finanzi lanqas jidher li kien f'qagħda li jiċħad jew jikkonferma jekk qattx qraħ- dejjem skont kummenti fil-ġurnali lokali. Tant li huwa ġie kkwotat li qal li lanqas biss jiftakar jekk dan ir-rapport qattx ġie għall-attenzjoni tiegħu meta skont l-istess rapport dan kien abbozz għad-diskussjoni li kien ġie ppreżentat għal kunsiderazzjoni tal-Gvern f' Lulju 2012.
Il-Ministru tal-Finanzi ta' dak in-nhar kien ġie kkwotat li qal li għalkemm jiftakar li kien inbeda review process dwar il-WasteServ ma jeskludix li billi dan kien abbozz għad-diskussjoni seta’ baqa’ fuq il-livell tal-għola uffiċjali tal-Ministeru.
Il-Ministru kien ġie kkwotat li qal li lanqas jiftakar jekk xi tibdiliet finanzjarji u amministrattivi rrikmandati fir-rapport ġewx implimentati jew le għax qal li f'dak ż-żmien aktar kien qed jiffoka fuq il-Budget innifsu. Huwa qal li x'aktarx ma waqafx minn xogħlu f'Settembru biex jindirizza il-kwistjoni tal-WasteServ.
Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol għall-Wasteserv kellu maħsub il-Gvern preċedenti fejn jidħol is-settur privat? Mill-konsultazzjonijiet li kellu, fejn kienu waslu l-pjanijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont is-SOLID WASTE MANAGEMENT STRATEGY FOR THE MALTESE ISLANDS il-Gvern preċedenti kien ikkommetta ruħu kif ġej - Il-WasteServ issa għandha l-ħsieb li tkun biss katalista għas-settur privat u ser taġixxi biss fejn ma jkunx hemm alternattiva oħra bħala dak li jissejjaħ an operator of last resort.
Fil-konsultazzjonijiet li kelli mall-korpi kostitwiti anki qabel ma assummejt r-rwol li għandi llum fil-Gvern, il-feedback unanimu li kelli kien li l-WasteServ, kuntrarju għal dak li ntqal fid-dokument ta’ strateġija, aktar deher moħħu li jagħmel bil-maqlub - li jżid mal-operazzjonijiet li għandu flok jagħti aktar spazju lill-privat.
F'parti oħra tar-rapport jingħad li biex jiġi żgurat li l-użu tal-WasteServ ma jxekkilx l-operat tas-settur privat u s-sehem potenzjal tiegħu, kellha ssir evalwazzjoni tal-aġenzija sabiex tara kemm kien effettiv is-servizz offrut mill-WasteServ sal-lum kif ukoll id-direzzjoni strateġika li kellha tittieħed sabiex din tkun tista’ tiġi addottata ħalli jkun hemm facility devolution mifruxa sew. Li huwa ċert huwa li d-dokument kien jistqarr kategorikament li “AT THIS POINT IN TIME GOVERNMENT WISHES TO REITERATE THAT IT DOES NOT INTEND TO INVOLVE WASTESERV IN ACTIVITIES THAT COMPETE WITH OR IMPINGE UPON THE SERVICES THAT COULD BE OFFERED BY THE PRIVATE SECTOR". Iżda xorta waħda kienu ħallew it-tieqa mbexxqa billi żiedu jgħidu li minħabba il-mandat tiegħu bħala operatur ta' last resort, il-Gvern ta' dak in-nhar ma kienx jeskludi li il-WasteServ tista’ tiġi sfurzata biex tidħol f'servizzi addizzjonali kemm il-darba s-settur privat jagħżel li ma jindirizzax l-opportunitajiet u t-talbiet li setgħu jsirulu.
servizzi għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 845, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jwaqqaf aġenzija (bħal Aġenzija Sapport) biex toffri servizzi professjonali għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ma’hemm l-ebda ħsieb li titwaqqaf aġenzija biex tipprovdi servizzi ta’ saħħa mentali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul is-sajf f’Wied il-Għajn, meta l-popolazzjoni tkun aktar minn 20,000 resident, l-Għassa tal-lokalità hix se tkun miftuħa l-ħin kollu u jekk hux se jkun hemm biżżejjed pulizija biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tar-residenti tal-lokalità?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun miftuħa regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm ħinijiet fejn l-eżigenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xi doveri oħra barra mill-Għassa, bil-konsegwenza li l-Għassa jkollha tingħalaq temporanjament matul dak il-ħin.
Infurmat ukoll illi bħal ma sar fis-snin ta’ qabel, anke’ matul ix-xhur tas-sajf li ġej, il-Pulizija ser issaħħaħ il-preżenza tagħha f’din il-lokalita’ matul tmiem il-ġimgħa, billi torganizza ronda permezz ta’ pulizija mit-Taqsima tal-klieb u taż-żwiemel dawk tal-klieb u kavallerija. Dan b’żieda mar-ronda li ssir regolarment kemm mill-pulzija tad-Distrett flimkien ma’ dawk tat-Taqsima tat-Traffiku u tal-Mobile.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk koppji jew individwi jistgħux jibbenefikaw mill-ispecialised fostering benefit minħabba li t-tfal li huma ffosterjaw għalqu 21 sena u għadhom jgħixu magħhom billi għandhom xi forma ta’ diżabilità?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-beneficcji tal-ispecialised fostering jingħataw sakemm il-minuri kkoncernati jagħlqu t-18 il-sena, filwaqt li l-Child in Care Benefit sal-eta ta’ 21 sena.
Fondi tal-Unjoni Ewropea – Sussidju lill-Bdiewa u Raħħala
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 587, jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' fiex waslu l-affarijiet? Jista' jgħid ukoll jekk sarux xi pagamenti dovuti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Miżura 121 qiegħda fl-istadju ta’ evalwazzjoni tal-appelli mitfugħa, liema evalwazzjoni qiegħda ssir mill-Bord tal-Appell. Meta jitlesta dan il-proċess, il-Ministeru jħabbar ir-riżultat finali bil-gradwatorja tal-applikazzjonijiet. Il-kuntratti mall-bdiewa u r-raħħala jsiru mmedjatament wara it-tħabbir ta’ dan l-istess riżultat. Ninsab infurmat ukoll li l-pagamenti jistgħu jibdew jiġu pproċessati meta l-bdiewa u r-raħħala li jkunu kkuntrattati jressqu l-fatturi u l-irċevuti li juru l-ispejjeż li jkunu wettqu relatati mal-investiment propost fl-applikazzjonijiet relattivi tagħhom.
Ninsab infurmat ukoll li ġew identifikati ammont ta’ fondi limitati li permezz tagħhom, wara li jkunu nstemgħu l-appelli mmsemija, numru ta’ applikanti li kienu tpoġġew
‘on reserve’
fuq il-lista oriġinali jkunu jistgħu jiġu moqdija wkoll.
Jista' l-Ministru jgħid kif ġie magħżul l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X'kompetenzi għandu fil-qasam tal-agrikoltura? Jista' jgħid ukoll x'xogħol qed jagħmel u kemm għandu nies taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru intbagħtu separatament, beda jokkupa il-kariga ta’ Direttur tal-Agrikoltura mid-9 ta’ Awwissu 2011, wara sejħa pubblika. Ġie maħtur f’din il-ħatra mil-grad sostantiv ta’ Senior Principal Officer (skala 7) wara li serva ta’ Technical Attache (Agriculture) mar-rappreżentanza permanenti Maltija fi Brussell bejn l-2004 – 2010.
Ninsab infurmat ukoll li għandu 121 persuna taħt ir-responsabbiltà tiegħu u x-xogħol marbut mal-ħatra huwa kif elenkat fl-Appendiċi A tal-kuntratt tiegħu bħala Direttur tal-Agrikoltura, li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — kompożizzjoni tal-bordijiet ta' entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub rigward il-WasteServ, miġbur f’tabella.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — kompożizzjoni ta’ bordijiet ta' entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — kompożizzjoni ta’ bordijiet ta' entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma — kompożizzjoni ta’ bordijiet ta' entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.