Nirreferi lill-Ministru għad-diskors li ġie irrapurtat li għamel dan l-aħħar f'laqgħa tal-WHO fil-Polonja dwar 'Ewropa ħielsa mit-Tabakk?
1. Jista' jpoġġi kopja tad-diskors fuq il-Mejda tal-Kamra?
2. Skond rapporti fil-gazzetti, l-Ministru huwa irrapurtat li lmenta li mhux qed isir biżżejjed mill-Health Promotion Unit, jista' jgid għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Membru li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tad-diskors mitlub.
Ma jirriżultax li fid-diskors hemm xi kritika li mhux isir biżżejjed minn naħa tal-Health Promotion Unit.
Jista' l-Ministru x'inhu n-numru ta' għalliema li applikaw biex imexxu l-eżamijiet oprali fid-diversi lingwi fis-SEC li se jibdew f'April? Jista' jgħid kemm hemm għalliema għal kull suġġett? Jista' l-Ministru jara li l-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni tiżgura li l-persuna li tkun qed tagħmel eżamijiet orali u speċjalment tal-listening comprehension ikollha pronunzja tajba tal-lingwa għaliex ħafna drabi il-persuna ma tkunx xi għalliema tas-suġġett partikolari u dan fil-listening?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' għalliema (minn Malta u Għawdex) li applikaw sabiex imexxu l-eżamijiet orali tal-lingwi kollha taċ-ĊES li se jibdew f'April 2002, huwa kif se nsemmi:
Lingwa Applikaw Eżaminaturi
(*total ta' kemm applikaw) (*kemm hemm bżonn)
L-Għarbi 0 2
L-Ingliż 61 35
Il-Franċiż 27 22
Il-Ġermaniż 9 8
It-Taljan 62 28
Il-Malti 81 30
Ir-Russu 0 1
L-Ispanjol 6 5
Total 246 131
Informat ukoll li l-eżaminaturi li ntgħażlu (It-tielet kolonna) kollha huma għalliema kkwalifikati fis-suġġett tagħhom, jiġifieri għandhom il-warrant u ilhom żmien jgħallmu fl-iskejjel: u ntgħażlu bil-għajnuna ta' l-Uffiċjali Edukattivi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kif imqabbdin mill-Bord tal-Matsec.
Jista' l-Ministru jara li matul din is-sena skolastika s'issa, jista' jgħid liema huma l-iskejjel f'Malta u Għawdex li talbu lill-Health Promotion Unit biex jingħataw lectures fuq:
1) Is-sessualita u l-mard li jittieħed mis-sess?
2) It-tipjip u l-ħsara li jġib?
3) Suġġetti mediċi oħra li jinteressaw liż-żgħażagħ? Meta saret kull taħdida? Minn min?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta` skejjel f'Malta, fost oħrajn, li matul din is-sena skolastika sallum talbu lill-Health Promotion Unit sabiex jingħataw lectures fuq diversi suġġetti ta` interess indikati mill-Onor. Interpellant. Dettalji fuq dawn is-suġġetti huma inklużi fil-lista.
Infurmat, pero`, li l-HPU s'issa għadha ma rċevietx talbiet simili għal interventi fi skejjel dwar is-suġġett ta` tipjip u l-ħsara li jġib.
S'issa, matul l-istess perjodu ma saret l-ebda talba lill-Health Promotion Unit minn skejjel f'Għawdex għal tali lectures fuq xi suġġett indikat fil-Mistoqsija.
Nirreferi għall-mistoqsija parlamentari nru. 31064 lil Ministru tas-Saħħa fejn irreferieni għall-Ministeru tiegħek dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija u ċioe: F'liema skejjel instabu nuqqasijiet ta' ndafa u affarijiet oħra, x'passi ittieħdu? X' tip ta' nuqqasijiet instabu? Jista' għaldaqstant l-Ministru jirrispondi?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32000.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, minn Jannar 2002 qed jitnaqqsulha Lm 16.145 fix-xahar u dan mingħajr ebda avviż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie nvestigat u l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat tal-Malta Racing Club minn Settembru 2001 sallum? Meta saru dawn il-laqgħat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru 2001 sal-lum saru 5 laqgħat tal-Kunsill tat-tmexxija tal-Malta Racing Club. Il-laqgħat saru fis-7 ta' Settembru 2001, 17 ta' Ottubru 2001, 24 ta' Ottubru 2001, 12 ta' Diċembru 2001 u 15 ta' Frar 2002.
Il-Kumitat Eżekuttiv iltaqa' kull ġimgħa fuq bażi regolari.
Jista' l-Ministru jgħid min ta' l-permess sabiex isiru tiġrijiet taż-żwiemel fil-korsa l-antika ġewwa l-Marsa? Kemm ilhom isiru dawn it-tiġrijiet u min qed jorganizzahom? X'sigurta u assigurazzjoni qed ikun hemm waqt dawn it-tiġrijiet? Ġew rappurtati inċidenti? Kull meta qed isiru dawn it-tiġrijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-permess biex isiru tiġrijiet taż-żwiemel fil-korsa l-antika ġewwa l-Marsa ingħata wara deċiżjoni tal-Kumitat tat-tmexxija tal-Malta Racing Club.
Dawn it-tiġrijiet ilhom isiru għal dawn l-aħħar 3 ġimgħat u qed jiġu organizzati mis-Sur Marco Azzopardi taħt il-gwida tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Racing Club. Is-sigurta` u assigurazzjoni huma suġġetti ħajja li jitolbu titjib kontinwu bħal ma jsir f'kull sport internazzjonali.
It-tiġrijiet qegħdin isiru kull nhar ta' Ħadd filgħodu. B'hekk qed ikun evitat li jittieħdu inizjattivi personali biex isiru tiġrijiet fit-toroq għad-dannu tal-pubbliku in ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid it-tip ta' ikel u xorb li jinbiegħ lill-istudenti mit-Tuck Shops ta' l-iskejjel huwa tajjeb għalihom?
Kemm saru spezzjonijiet dwar dan fl-iskejjel u f'liema matul din is-sena skolastika?
Instabu xi nuqqasijiet?
Ta' liema tip?
X'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tip ta' ikel u xorb li jinbiegħ lill-istudenti mit-tuck shops/canteens huwa regolat mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Taqsima 6 ta' dawn il-kundizzjnijiet tirregola x'għandu u x'm'għandux jinbiegħ minn dawn it-Tuck Shops. Kopja ta' din it-taqsima qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (Annexe A)
Lista ta' Tuck Shops li sarulhom spezzjonij matul l-ewwel term tas-sena skolastika 2001/2002 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (Annexe B). Il-lista turi wkoll in-nuqqasijiet rappurtati wara kull żjara. Il-kapijiet ta' l-iskejjel konċernati ingħataw struzzjonijiet sabiex jagħmlu r-rimedji meħtieġa. Fit-tieni u tielet term issir spezzjoni oħra sabiex jiġi aċċertat li l-passi rrimedjati jkunu ttieħdu.
Peress li kien hemm żball fil-mistoqsija nru. 30550 u din kellha tirreferi għall-istudenti li se jispiċċaw il-Form 5 u mhux Form 4, jista' issa iwieġeb il-mistoqsija f'dan is-sens?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru t'a studenti li se jispiċċaw il-Form V huwa hekk:
Subien Bniet
Skejjel tal-Knisja 762 579
Skejjel Indipendenti 183 140
Total 945 719
L-informazzjoni mitluba għall-Iskejjel ta' l-Istat qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-partijiet mid-diskors tiegħu li għamel dan l-aħħar fil-laqgħa tal-WHO fil-Polonja, jista' l-Ministru jgħid għaliex qed isibha diffiċli biex jintroduċi restrizzjonijiet fuq it-tabakk fil-Gżejjer Maltin? X'diffikoltajiet u x'resistenza hemm?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma 'l-Onor Interpellant li fi żmien qasir il-Gvern ser iressaq quddiem din il-Kamra Abbozz ta' Liġi ġdida li tikkontrolla t-tipjip.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-2001 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena kemm inqabdu nies li organizzaw lottu klandestin? Kollha tressqu l-Qorti? F'liema lokalitajiet inqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena il-Pulizija qabdet tlettax-il persuna b'konnessjoni ma lottu klandestin. Dawn kollha inbdew jew ser jinbdew proċeduti kontrihom quddiem il-Qorti. Il-lokalitajiet fejn inqabdu huma Sliema, Marsa, Hamrun, Rabat, B'Kara, Sta. Lucia, Haż Żebbuġ u Naxxar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu klandestini li niżlu Malta matul l-2001 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena ? Ta' liema nazzjonalista? Jista' jgħid kemm talbu status ta' refuġjati? Fuq liema bażi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` klandestini li waslu Malta fis-sena 2001 kien ta` seba` u ħamsin (57) persuna maskili. Dawn waslu bil-baħar fl-inħawi taċ-Ċirkewwa fl-1 ta` Novembru 2001. Dawn allegaw li kienu 47 Sudaniż - 3 Palestinjani - 3 minn Sierra Leone - 2 mill-Pakistan - 1 mill-Kongo - u 1 mill-Marokk. Ħlief għal wieħed, dawn kollha talbu għal status ta` refuġjat.
Infurmat ukoll illi fl-ewwel xahrejn tas-sena 2002 waslu Malta bil-baħar żewġ gruppi ta` klandestini. L-ewwel grupp kien ta` ħames adulti rġiel li waslu Malta fid-29 ta` Jannar 2002, ġewwa Birżebbugia. Dawn kienu Tunesini u l-ebda wieħed minnhom ma talab għal status ta` refuġjat.
It-tieni grupp wasal Malta fis-7 ta` Frar 2002. Dawn waslu fl-inħawi ta` Birżebbugia u kienu jikkonsistu f`għaxar persuni. Tmienja allegaw li kienu Iraqqini, wieħed mill-Palestina u wieħed mill-Alġerija. Erbgħa diġa` applikaw għal status ta` refuġjat, ħamsa wrew l-intenzjoni li japplikaw u wieħed ma applikax.
Applikazzjoni għal status ta` refuġjat hija dejjem ta` natura kunfidenzjali u għalhekk ma huwiex possibbli biex jingħad fuq liema bażi saru dawn l-applikazzjonijiet. Ta` min jgħid iżda li numru kbir minn dan l-applikazzjonijiet ġew rifjutati. B`hekk uħud intbagħtu lura pajjiżhom u oħrajn qed jistennew id-deċiżjoni tal-appell.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' klandestini li qed jinżammu mill-pulizija bħalissa? Mill-liema pajjiżi huma? Hemm xi uħud minnhom fejn għada ma ġietx stabbilita in-nazzjonalita tagħhom? Kemm ilu hawn Malta l-aktar wiehed minnhom? Kemm huwa stmat li jiswa lil-Gvern kull wiehed fix-xahar
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` barranin li qed jinżammu mill-Pulizija huwa tnejn u sebgħin (72), li minnhom erbgħa u sittin (64) daħlu Malta klandestinament. In-nazzjonalita` iddikjarata minn dawn il-persuni hi kif jidher f`din it-tabella:
Nazzjonalita` Numru
Libjani 3
Iraqqini 7
Palestinjani 4
Tuneżini 1
Alġerini 3
Niġerjani 1
Torok 1
Pakistani 2
Sierra Leone 2
Congo (jew Chad) 2
Sirjani 1
Marokkini 1
Sudaniżi 44
TOTAL 72
Wieħed u sebgħin (71) minn dawn il-barranin huma mingħajr dokument, u xi wħud minnhom inizjalment iddikjaraw li kienu mis-Somalja jew ic-Chad. Ħamsa u sittin (65) mill-istess total qed jistennew risposta għal talba li għamlu biex jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati jew risposta mill-appell għal istess talba. Għaldaqstant, ikun primatur biex, f`dan l-istadju, wieħed jikkonkludi jekk in-nazzjonalita` iddikjarata hiex korretta jew le. Madankollu, f`kull każ isiru l-indaġini meħtieġa biex l-identita` tiġi ikkonfermata, biex fil-mument opportun jintalab u jinħareġ dokument, mir-rappreżentanza diplomatika ta` dawn il-barranin, biex dawn jintbagħtu lura pajjiżhom.
Fost dawn il-barranin, l-iktar wieħed li ilu Malta huwa wieħed, probabilment Niġerjan li ilu mit-18 ta` Ġunju 1999. Bħalissa qed isiru l-verifiki biex l-identita` tiegħu tiġi kkonfermata, biex eventwalment jinħariġlu id-dokument meħtieġ biex jintbagħat lura pajjiżu.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa fuq dawn il-klandestini u persuni oħra barranin miżmuma mill-Pulizija għal raġunijiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont totali (ta' flus) li intlagħabu fuq il-lotterija nazzjonali is-sena li għaddiet? Kemm il-premju intrebah iżda ma inġabarx? Liema kien l-akbar premju li ma inġabarx? X'isir mill-flus li jintrebħu iżda ma jinġabrux? Jista' jagħti l-figuri f'kull każ għas-sena 2000?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Sena 2000 Sena 2001
Lm Lm
Logħob 1,246,929 1,033,547
Premjijiet mhux miġbura 19,000 11,200
L-akbar premju mhux miġbur 1,000 1,000
L-ammont tal-premijiet li ma jiġux miġbura jgħaddu fil-Fond Konsolidat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont totali (fi flus) li ntlagħbu fuq :
1) il-lottu tas-sibt
2) super five
3) lotterija tal-iscratch
matul is-sena li għaddiet? F'kul każ kemm il-premju ma inġabarx? X'isir mill-flus li jintrebħu iżda ma jinġabrux? Jista' wkoll f'kull każ jagħti il-figuri għas-sena 2000?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid id-dipartiment tal-lottu pubbliku għandux stima ta' kemm intlagħab lottu klandestin matul is-sena li għaddiet? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm ebda mod kif wieħed jista jasal biex jagħmel stima ta' kemm jintlagħab lottu klandestin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba, dentisti eċċ li iservu lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jikkuraw it-tfal fl-iskejjel? Kemm saru żjajjarat fl-iskejjel matul din is-sena skolastika? L-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti jibbenefikaw minn dan is-servizz?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għamlet użu mis-servizz ta' 10 tobba, 17-il infermier, 12-il dentist, 9 Dental Hygenist, 32 Special Therapist u 4 Fiżjoterapisti kif se nsemmi:
Tip ta' impjegat Żjajjar Skejjel tal-Knisja u
Indipendenti
9 Tobba (DOH) Kuljum Iva
1 Tabib (Ministeru Kuljum Iva
Għawdex)
6 Infermiera (Education) Residenti Le
9 Infermier (DOH) Kuljum Iva
1 Infermier (Ministeru Residenti Le
Għawdex)
1 Infermier (Ministeru Kuljum Iva
(Għawdex)
12 Dentisti (DOH) 104 Iva
9 Dental Hygienists (DOH) 214 Iva
32 Special Therapists (DOH) 345 Iva
-- Occupational Therapists 2 Iva
(DOH)
4 Fiżjoterapisti * Iva
* L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu d-diskussjonijiet mal-Universita' dwar il-futur tat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal Qroqq? Meta l-aħħar iltaqgħu iż-żewġ naħat? kemm il-darba iltaqgħu matul l-2001 u s'issa din is-sena? X'inhu jżomm li jintlaħaq ftehim aħħari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadhom għaddejjin it-taħditiet bejn il-partijiet konċernati li min-naħa tagħhom qegħdin jikkonsultaw mar-rappreżentanti legali rispettivi tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm studenti li qed jattendu is-sixth form 1) tal-Gvern 2) tal-Knisja 3) tal-iskejjel indipendenti.
Kemm l-istudent beda din is-sena skolastika fis-Sixth Form u sal-lum telaq u m'għadux jattendi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li bdew jattendu fis-6th Form f'Ottubru 2001 huwa kif se nsemmi:
Studenti li bdew fl-1 ta' Ottubru 2001, fis-6th Form
Studenti li telqu sat-28/02/02
Skejjel ta' l-Istat
G. Curmi Higher Secondary
1453
252*
Sir M.A. Refalo Gozo
240
3
Junior College
1503
55
Matsec Course (MCAST)
121
21
Skejjel tal-Knisja
St Aloysuis
210
0
De La Salle
102
0
Skejjel Indipendenti
Verdala
27
1
St Edwards
66
3
* Numru minn dawn l-istudenti ġew aċċettati f'korsijiet offruti mill-MCAST f'Novembru, oħrajn akkwistaw ċertifikat ta' l-O'Level Ingliż f'Diċembru, oħrajn sabu xogħol.
L-informazzjoni dwar kemm hemm studenti b'kollox li qed jattendu s-sixth forms, qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.