B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 32663, jista' l-Ministru jindaga u jara għaliex tlieta mill-iskejjel imsemmija ma ressqux studenti għall-eżami tas-SEC ta' ftit ġimgħat oħra fl-Istorja ta' Malta? Is-sillabu tas-SEC qed jiġi mgħallem kif jitlob il-Kurrikulu Nazzjonali? L-istudenti f'dawn l-iskejjel qed jingħataw l-oppurtunita' li jersqu għal dan l-eżami jekk jixtiequ hekk?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32470 u cioe, jista' jgħid x'qed isir biex dawk li jkunu riabilitati mid-droga jsibu xogħol?
Kif qed jiġi inkoraġġiti sidien biex jagħtu chance lil dawn in-nies u jagħtuhom impieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għandha unit fi ħdan is-sezzjoni tas-Supported Employment li taħdem mal-kategorija ta' persuni ndikati mill-Onor. Interpellant. Klijenti li jkunu għadhom kif spiċċaw minn programmi ta' riabilitazzjoni mid-droga li jmorru jirreġistraw għax-xogħol għandhom aċċess għall-iskemi kollha li toffri l-Korporazzjoni sew fejn jirrigwarda x-xogħol kif ukoll it-taħriġ.
Waħda minn dawn l-iskemi hija l-Bridging the Gap fejn min iħaddem jiġi nkoraġġit jagħti ċ-ċans lil dawn il-persuni billi jagħtuhom taħriġ fuq ix-xogħol għal żmien ta' mhux anqas minn tlettax-il ġimgħa u mhux aktar minn tnejn u ħamsin ġimgħa. Klijenti li jibbenefikaw minn din l-iskema jingħataw sussidju ta' ħamsa u tletin lira fil-ġimgħa mill-Korporazzjoni filwaqt li min iħaddem ma jħallas xejn. Minbarra li permezz ta' dan it-taħriġ il-persuna konċernata tkompli tibni l-fiduċja fiha nfisha, dan it-taħriġ jgħinha biex tkabbar il-possibilita' li tiġi mpjegata. Il-Korporazzjoni għandha wkoll ftehim ma' Caritas biex din l-entita' tħarreġ u ssib ix-xogħol lil mill-anqas erbgħa u għoxrin ex-drogat/a.
Minn naħa tagħha, l-Aġenzija Sedqa tipprovdi programm ta' riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga fil-Komunita' Santa Marija li fih tipprepara dawk li jipparteċipaw għad-dinja tax-xogħol. Il-programm fih innifsu jagħti mportanza kbira lix-xogħol biex il-persuna konċernata tkun tista' tintegra ruħha fis-soċjeta'. Lejn l-aħħar tal-programm isiru kuntatti ma' employers u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex jinstab xogħol adattat għal dik il-persuna. F'din il-fażi tal-programm uffiċjali tal-Korporazzjoni jiltaqgħu ma' kull klijent biex jgħinuh f'dan ir-rigward tant li fil-fażi tar-re-entry dawn kollha jkollhom impjieg.
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm studenti li qed jattendu is-sixth form 1) tal-Gvern 2) tal-Knisja 3) tal-iskejjel indipendenti.
Kemm l-istudent beda din is-sena skolastika fis-Sixth Form u sal-lum telaq u m'għadux jattendi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni dwar kemm hemm studenti b'kollox li qed jattendu s-sixth forms, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija stazzjonati bħalissa f'Għawdex?
Ta' liema rank huma?
Dawn il-membri tal-korp kollha għandhom ir-residenza normali tagħhom f'Għawdex?
Kemm hemm għasses f'Għawdex miftuha fuq bażi taż 24 siegħa?
Kemm hemm għasses li ftit li xejn jinfetħu forsi anki biss darba fis-sena bħal matul il-festa tar-raħal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm stazzjonati Għawdex - Supretendent 1; Spetturi 2; Surġenti 23 u Kuntistabbli 96. Dawn kollha huma residenti permanentement f`Għawdex, ħlief għas-Supretendent. Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija, it-tagħrif mitlub huwa kif ġej:
Miftuħa l-ħin kollu
Miftuħa skond l-esiġenzi
Kemmuna
Fontana
Marsalforn
Għajnsielem
Mġarr
Għarb
Nadur
Għasri
Victoria
Kerċem
Xagħra
Munxar
Xewkija
Qala
Ramla
San Lawrenz
Sannat
Ta` Pinu
Xlendi
Żebbuġ
Wara d-deċiżjoni tal-commonwealth li tissospendi lil Zimbabwe u li ministri u uffiċjali għolja tal-gvern tal-President Robert Mugabe ma jitħallewx isiefru u li jiġu iffurzati l-assi tagħhom, jista' jgħid jekk il-banek f'Malta ġewx mogħtija struzzjonijiet f'dan is-sens?
Saret riċerka biex jiġi żgurat jekk ministri/uffiċjali ta' Zimbabwe għandhomx flus investiti hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Mill-1 ta' Jannar 2002 sa llum jista' l-Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet minħabba ksur tal-liġi f'dawn il-grounds tal-football:
1 l-istadium nazzjonali
2 ic-centenary stadium
3 il-Gozo stadium
4 il-Victor Tedesco stadium
5 il-Hibernians ground f'Kordin
Lema huma l-akkużi prinċipali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat mill-Onorevoli Interpellant, kien hemm 14-il persuna li ttieħdu proċeduri kriminali kontra tagħhom minħabba ksur ta` liġi fi grounds tal-football. Dawn kienu jinvolvu 3 persuni fl-Istadium Nazzjonali, 2 fis-Centenary Stadium, 2 fil-Gozo Stadium, 6 f`Victor Tedesco Stadium u 1 fil-Hibernians Ground. L-akkużi prinċipali kienu dwar imġieba abbużiva, kliem u ġesti oxxeni, dagħa u insulti.
Nirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsijja tiegħi nru. 32252. Jista' l-Ministru jgħid kemm s'issa hija l-ispiża għar-referees għal din is-sena tal-football?
Din is-sena żdiedu l-fees?
Kemm jitħallsu l-uffiċjali għal kull logħba?
Peress li l-istaġun se jispiċċa dal-waqt, il-gvern se jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlas tar-referees normalment isir fl-aħħar ta' l-istaġun. S'issa saru 88 logħba u mistenni li jsiru 20 logħba oħra sa' l-aħħar ta' l-istaġun. Il-miżati għal kull logħba din is-sena żdiedu minn Lm7 għal Lm8 fil-każ tar-referees u minn Lm5 għal Lm5.50 fil-każ ta' l-assistenti tar-referees. Il-Malta Employees Sports Association għamlet talba lid-Direttur taż-Żgħażagħ u Sport biex tingħata xi forma ta' għajnuna biex tagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż. Din it-talba għadha qed tiġi kkunsidrata.
Mill-1 ta' Jannar sa llum jista' l-Ministru jgħid kemm il-persuna ittellgħet il-qorti talli inqabdu ipejjpu:
1 f'karozzi tal-linja?
2 fl-isptarijiet?
3 fis-swali ta' divertiment/ċinema eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien hemm erba' (4) persuni li nqabdu jpejpu f'post fejn it-tipjip huwa projbit. Dawn kienu fl-isptar San Luqa.
Jista' l-Ministru jgħid dawk li jissejħu bouncers jew għassiesa tas-sigurta f'postijiet ta' divertiment għandhom bżonn liċenzja tal-pulizija?
Jekk le, ma jaħsibx li dawn jieħdu sehem f'xi kors organizzat mill-pulizija dwar kif jittrattaw in-nies, dwar kontroll fi ġlied, koperazzjoni mal-pulizija eċċ?
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumitat li jmexxi l-malta employees sports association qed jipproponi li biex jitnaqqsu l-ispejjes tal-uffiċjali, jintużaw kemm jista' jkun uffiċjali tal-football (referees) li jaħdmu mal-gvern?
Saru xi taħdidiet uffiċjali mal-awtoritajiet tal-football dwar dan?
Jiffkonferma li hemm uffiċjali li jieħdu sehem fil-logħob waqt li jkunu xogħol u b'hekk qed jieħdu l-paga l-istess u anke ħlas għal logħba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat tat-tmexxija tal-Malta Employees Sports Association ilu jagħmel użu minn uffiċjali tal-football li jaħdmu mal-gvern u korpi parastatali għal diversi snin. Ir-referees dejjem kienu u għadhom jitħallsu għal-logħbiet kollha li jirrefjaw inkluż dawk organizzati mill-Malta Employees Sports Association. Bħalissa għaddejin taħditiet bejn il-Kumitat tat-tmexxija tal-M.E.S.A. u uffiċjali tal-Malta Football Association u Malta Football Referees Association bl-iskop li jintlaħaq ftehim biex jitnaqqsu l-miżati tar-referees.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm barijiet, nightclubs, discos u postijet oħra ta' divertiment
a f'Paceville
b f'Wied il-Għajn
c f'Buġibba
li huma liċenzjati skond il-liġi?
Kemm hemm stabbilimenti li għad m'għandhomx permess iżda jiftħu xorta waħda?
Għaliex qed jinħalla li jsir dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Paceville 261
Wied il-Għajn 28
Buġibba 413
Infurmat ukoll illi dawn huma kollha koperti b`liċenzja tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar sal-lum kemm il-persuna taħt l-eta' nqabdet f'xi post ta' divertiment?
X'passi ttieħdu kontra is-sidien jew dawk li jmexxu l-post?
Il-pulizija għanda poteri li tagħlaq post ta' divertiment fejn jinstabu żgħażagħ taħt is-sittax (16) il-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-5 ta` April 2002, kien hemm 49 persuna taħt is-sittax-il sena li nqabdu f`postijiet ta` divertiment. B`riżultat ta` dan, il-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra s-sidien ta` dawn l-istabbilimenti. Infurmat ukoll illi r-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f`Lokalitajiet ta` Divertiment jipprovdu għas-sospensjoni tal-liċenzja li tiġi ordnata mill-Qorti fil-każ li l-akkużat ikun reċidiv.
Jista' l-Ministru jgħid meta żagħżugħ jinqabad f'post ta' divertiment u dan ikollu taħt is-sittax (16) il-sena jittieħdu xi passi kontrih fil-qorti tal-minorenni?
Il-pulizija tipproċedi b'mod kontra dawn iż-żgħażagħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`każijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant il-Pulizija tipproċedi quddiem il-Qorti kontra s-sid, kif hemm provdut fir-Regolamenti ta` l-1995 dwar iż-żamma ta` Bon Ordni f`Lokalitajiet ta` Divertiment.
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm vakanzi ta' `hemm fit-taqsima medika t'Għawdex?
Kemm ila kull vakanza?
Għaliex ma intlewx dawn il-vakanzi?
Tapprezza xi tbatija inħolqot għal dawk li kien ħaqqhom jimlew dawn il-postijiet speċjalment dawk minn Għawdex li kien hemm min saħansitra kellu jirriżenja dan il-grad biex jerġa jmur ħdejn il-familja?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Fit-taqsima medika f’Għawdex bħalissa hemm dawn il-vakanzi :
Konsulent fil-Psikjatrija
Senior Registrar fl-Anestesija
Senior Registrar fir-Radjoloġija
3 Medical Officers
Fil-kas tal-Konsulent fil-Psikjatrija u Senior Registrar fl-Anestesija ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet u bħalissa l-applikazzjonijiet qegħdin jiġu pproċessati filwaqt li saret talba biex toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta’ postijiet ta’ Medical Officer. Fil-kas tas-Senior Registrar fir-Radjoloġija, minkejja li s-sejħa għall-applikazzjonijiet saret kemm il-darba ma kienx hemm applikazzjonijiet.
Ma jirriżultax li kien hemm xi individwi li kellhom jirriżenjaw mill-grad għar-raġunijiet li ta l-Onor. Interpellant.
Minkejja d-diversi mistoqsijiet li għamilt speċjalment dawk nri: 28719 u 30191 dwar is-suġġett tal-għalliema tal-istorja ta' Malta, jista' l-Ministru jgħid x'sar għaliex skond ġenituri li kellmuni dan kien għadu jgħallem is-suġġett sal-aħħar tat-term li għadu kemm spiċċa?
Ma jaħsibx li għadda biżżejjed żmien b'din l-iskola tikser l-att tal-iskola?
Jista' jgħid kemm l-istudent qagħad u għadda minn dan is-suġġett li kienu tressqu minn din l-iskola fl-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kwistjoni tat-tagħlim ta' l-Istorja ta' Malta fil-Kulleġġ li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament, għandha żewġ aspetti:
a) it-tagħlim qed isir bil-lingwa Ingliża
b) l-għalliem konċernat kien oriġinarjament approvat sabiex jgħallem
il-ġografija. Mal-ġografija, qed jgħallem ukoll l-istorja ta' Malta i.e.
suġġġett li għalih qatt ma' ntalab l-approvazzjoi mid-Diviżjoni.
Il-Kap tal-Kulleġġ imsemmi ikkontesta ż-żewġ aspetti. Huwa ddikjara li l-kulleġġ tiegħu kien qed jeżerċita d-dritt li skola għandha li "tiżviluppa strateġija lingwistika li tirrifletti l-bżonnijiet lingwistiċi partikolari ta' l-istudenti tagħha", skond il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali li ġie promulgat f'Ottubru 2001. Huwa jindika wkoll il-mistoqsijiet dwar l-istorja ta' Malta bħala parti mill-eżami SEC tas-suġġett "Environmental Studies" jistgħu jitwieġbu bl-Ingiż. Dinl-asserzjoni ġiet konfermata mill-Bord tal-MATSEC.
Dwar it-tieni aspett, il-kap ta' l-iskola indika li l-għalliem konċernat huwa ta' dixxendenza Maltija u huwa kkwalifikat bħala għalliem mill-Universita` ta' Cambridge. Skond il-kap ta' l-iskola, hu qed jgħallem l-istorja ta' Malta flimkien mal-lezzjonijiet fil-ġografija, b'entużjażmu u b'mod effettiv. Il-Kap ta' l-Iskola wera li dan l-għalliem jista' jersaq għall-eżami "A" Level tal-MATSEC fl-Istorja ta' Malta sabiex juri l-kompetenza fis-suġġett, jekk dan ikun meħtieġ. Il-Kap ta' l-Iskola wera kemm ikun detriment jekk l-għalliem ta' l-Istorja ta' Malta jinbidel f'nofs is-sena.
Mill-fatti sottomessi ma' rriżultax f'dan l-istadju li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kellha timponi rimedi immedjati.
Dwar it-tielet mistoqsija ta' l-Onor. Membru, l-istess Kap ta' Skola informa lid-Diviżjoni illi f'dan l-aħħar ħames snin ebda student fil-Kulleġġ imsemmi ma resaq għall-eżami fl-Istorja ta' Malta MATSEC "O" Level.
Jista' l-Ministru jgħid bħala l-ministru responsabbli mis-sigurta' fit-toroq u allura anke f'lokalitajiet fejn hemm postijiet ta' divertiment, beħsiebu jieħu xi passi biex jsaħħaħ idejn il-pulizija fil-ġlieda biex iż-żgħażagħ tagħna ma jitħallewx jiġu sfruttati minn dawk li jiksru l-liġi billi jdaħħluhom fejn il-liġi ma tippermettix?
Response (BORG, TONIO)
Ir-Regolamenti dwar iż-żamma ta` Bon Ordni f`Lokalitajiet ta` Divertiment, introdotti minni fl-1995 u emendati minn żmien għal żmien skond il-ħtieġa, għandhom bħala skop ewlieni li tiġi msaħħa idejn il-Pulizija fil-ġlieda biex iż-żgħażagħ tagħna ma jitħallewx jiġu sfruttati minn dawk li jiksru l-liġi billi jdaħħluhom fejn il-liġi ma tippermettix.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji qed jingħataw b'mod separat, hux intitolat għall-arettrati tal-bonus ta' Diċembru u Ġunju, minħabba li ġie lura Malta f'April ta' l-1995 u ħa biss tlett bonuses mis-sena 2001 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata ġiet nfurmata bl-eżitu tal-każ tagħha personalment.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji ħalli l-bdiewa li jinsabu f'Ħabel l-Abjad fiż-Żejtun, jibdew jieħdu l-ilma mill-impjant ta' Sant'Antnin, minħabba li sal-lum 28 ta' Marzu 2002 għad ma jistgħux isaqqu l-prodotti tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari tiegħu numru 32506 rigward din il-problema f'Ħabel l-Abjad. Id-Dipartiment qiegħed jieħu passi mad-Dipartiment tad-Drenaġġ li huwa responsabbli għall-ippumpjar ta' l-ilma fil-ġibjuni, sabiex isir tibdil fis-sistema ta' l-ippumpjar ta' l-ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li se joqgħodu għal eżami tas-SEC fil-ġimgħat li ġejjin fl-Istorja ta' Malta minn dawn l-iskejjel:
1 il-kulleġġ San Alwiġi
2 il-kulleġġ De La Salle
3 il-kulleġġ St. Edward's
4 l-iskola tad-Dorotej
5 l-kulleġġ ta' St. Matin's
6 l-kulleġġ ta' San Anton
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li se joqgħodu għall-eżami ta' l-Istorja ta' Malta SEC minn dawn l-iskejjel huwa kif ġej:
A B
Kulleġġ San Alwiġi 22 /
Kulleġġ De La Salle 1 /
Kulleġġ St Edward's / /
L-iskola Tad-Dorotej / /
Kulleġġ St Martin's 6 5
Kulleġġ San Anton 5 /