Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija numru 32674 u ċioe wara d-deċiżjoni tal-commonwealth li tissospendi lil Zimbabwe u li ministri u uffiċjali għolja tal-gvern tal-President Robert Mugabe ma jitħallewx isiefru u li jiġu iffurzati l-assi tagħhom, jista' jgħid jekk il-banek f'Malta ġewx mogħtija struzzjonijiet f'dan is-sens?
Saret riċerka biex jiġi żgurat jekk ministri/uffiċjali ta' Zimbabwe għandhomx flus investiti hawn?
Response (BORG, JOE)
Bid-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kumitat ta' Presidenti tal-Commonwealth fid-19 ta' Marzu 2002, Żimbabwe ġiet sospiża għal sena, b'effett immedjat, mill-Kunsilli tal-Commonwealth. Is-sanzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Membru kienu ittieħdu mill-Kunsill għal Ħwejjeġ Ġenerali (General Affairs Council) ta' l-Unjoni Ewropea madwar xahar qabel u mhux mill-Commonwealth. Malta assoċjat ruħha mal-miżuri li tħabbru li kellhom jittieħdu, liema miżuri effettivament ġew implimentati mill-awtoritajiet Maltin konċernati.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ta' l-Ministru tal-Finanzi għall-Mistoqsija Parlamentari magħmula mill-istess Onorevoli Interpellant numru 32990 fis-seduta numru 730.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mitlub lura bħala rifussjoni tal-VAT minn passiġieri barranin matul l-2001 mill-
1 l-ajruport
2 mill-port?
Kemm tħallas lura matul l-ewwel tlett (3) xhur ta' din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' rifużjoni tal-VAT mitlub lura minn passiġġieri barranin kien hekk
Sena Ajruport Port
2001 Lm 150,086 Lm 20,482
Jannar - Marzu 2002 Lm 67,726 Lm 2,418
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti bħalissa?
Liema hu l-aktar wieħed li ilu jistenna biex jibda?
Kemm hemm każijiet ta':
1 omiċidju
2 attentat ta' omiċidju
3 traffikar/pussess eċċ ta' drogi
4 serq
5 akkużi oħra
li qed jistennew biex l-akkużati jitressqu għall-ġuri?
Kemm saru ġurijiet s'issa din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bhalissa hemm tnejn u tletin(32) guri pendenti u li l-aktar wiehed li ilu jistenna jibda, jmur lura tnax-il sena - dan minhabba kawzi kostituzjonali pendenti.
Il-kazijiet huma mqassma hekk:
Omicidju 5
Attentat ta' Omicidju 5
Traffikar /pussess ecc ta' drogi 12
Serq 7
Akkuzi ohra 3
Din is-sena s'issa inqatghu 5 gurijiet u bhalissa ghaddej guri iehor.
Jista' l-Ministru jgħid quddiem l-awtorita' ta' l-ippjanar kemm hemm applikazzjonijiet g]al-bini ta' korsa tal-golf?
Minn min saret kull waħda?
F'liema lokalita'?
Meta saret kull waħda?
F'liema stadju hija kull applikazjoni quddiem l-awtorita?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija nru. 32674 (u cioe, wara d-deċiżjoni tal-commonwealth li tissospendi lil Zimbabwe u lil ministri u uffiċjali għolja tal-gvern tal-President Robert Mugabe ma jitħallewx isiefru u li jiġu iffurzati l-assi tagħhom, jista' jgħid jekk il-banek f'Malta ġewx mogħtija struzzjonijiet f'dan is-sens? Saret riċerka biex jiġi żgurat jekk ministri/uffiċjali ta' Zimbabwe għandhomx flus investiti hawn) li oriġinarjament għamilt lill-ministru għas-servizzi ekonomiċi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-Centru għas-Servizzji Finanzjarji ta' Malta, wara konsultazzjoni mal-Bord ta' Sorveljanza dawr is-Sanzjonijiet ma' uffiċjali mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, ħarġet ċirkulari fejn infurmat lil kull min għandu liċenzja maħruġa minnha sabiex jipprovdi servizzi finanzjarji, inklużi l-banek, bil-miżuri li ha l-Gvern fejn aqddotta l-Common Position u r-Regolament li ħadet l-Unjoni Ewropeja fir-rigward taż-Żimbabwe.
Il-licence-holders ingħataw lista ta' għoxrin persuna li kontra tagħhom ittieħdu dawn il-miżuri u ġew mitluba illi jagħtu kull informazzjoni li jista' jkollhom dwar dawn il-persuni jew dwar xi transazzjonijiet finanzjarji li setgħu għamlu. Din l-informazzjoni kellha tiġi rapurtata liċ-Ċentru għas-Servizzji Finanzjarji ta' Malta. Iċ-ċirkulari mibgħuta lil banek u l-operaturi l-oħra kienet tinkludi il-Common Position u r-Regolament ta' l-Unjoni Ewropeja f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jintnefaq fuq l-għases tal-pulizija f'Malta u Għawdex f'din is-sena finanzjarja?
Liema huma dawk l-għases li se jsir xogħol fuqhom?
Liema kienu l-għases li ġew imtejba fis-sena finanzjarja li għaddiet?
Kemm intnefaq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għal din is-sena hemm approvata s-somma ta` Lm180,000 għal manutenzjoni u xogħol ieħor fl-Għases tal-Pulizija. Dan ix-xogħol huwa pproġettat li jsir fl-Għases ta` Sliema, Msida, Mosta, Żabbar, Bormla, Żejtun, Birkirkara u Xagħjra, kif ukoll it-Taqsima tal-Kavallerija, il-kumpless f`Ta` Kandja u l-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra kien sar xogħol fl-Għases ta` Ħal Qormi, Mellieħa, Ħaż Żebbuġ, Żurrieq, San Ġiljan, San Ġwann, Ħal Safi, Ħal Kirkop u Attard. In-nefqa f`dan ir-rigward hija stmata li kienet ta` madwar Lm8,000. Dan l-ammont ma jinkludix affarijiet li jinxtraw mill-vot rikorrenti bħal ma hija żebgħa, cement, injam, etc. Dan ukoll ma jinkludix ix-xogħol ta` l-idejn, peress li dan ix-xogħol isir minn membri tal-Korp stess.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar kemm tressqu nies il-qorti mill-pulizija minħabba inċidenti li nqalgħu f'dawn il-postijiet:
1 f'Paceville
2 f'Buġibba
3 f'Wied il-Għajn
X'kienu l-inċidenti prinċipali li għalihom dawn il-persuni tressqu l-qorti?
Wara dawn l-inċidenti l-pulizija ordnat li jingħalqu xi postijiet ta' divertiment meta l-inċidenti saru fil-post u/jew minn nies li jaħdmu f'dawn il-postijiet?
Kemm hemm każi li fihom il-pulizija talbet lill-qorti biex tordna l-għeluq għall-perjodu ta' xi stabbiliment ta' divertiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-24 ta` April 2002, inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra 110 persuna minħabba inċidenti li b`xi mod jinkwadraw taħt ksur ta` ordni pubbliku fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi f`dawn il-proċeduri ma kienx hemm lok fejn il-Pulizija tordna jew titlob l-għeluq ta` xi stabbiliment skond il-liġi. Pero` kien hemm żewġ każijiet fejn l-istabbiliment inżamm magħluq għal xi żmien minħabba l-inkjesta Maġisterjali.
Wara li Malta ġiet aċċetata bħala destinazzjoni turistika għaċ-Ċinizi flimkien mat-Turkija u l-Eġittu, u allura wieħed jistenna mijiet ta' turisti miċ-Ċina s-sajf li ġej u wara li hu magħruf li f'Malta ma hawn ebda gwida għat-turisti li jitkellmu biċ-Ċiniz ħlief waħda.
Jista' għalhekk il-Ministru b'urgenza jorganizza kors għal gwidi ta' turisti Ċiniżi? Japprezzax li f'Malta hawn numru ta' nisa Ċiniżi miżżewġġa Maltin li huma ħerqana li jibdew jagħmluha ta' gwida għat-turisti Ċiniżi?
Billi f'Malta hawn numru sabiħ ta' studenti miċ-Ċina jistudjaw l-Ingliz u suġġetti oħra, jista' malajr kemm jista' jkun jagħmel crash course għal dawn l-istudenti biex jagħtihom liċenzja temporanja ta' gwidi turistiċi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm applikazzjoni pendenti biex persuna ta’ nazzjonalita’ Ċiniża li għaddiet l-aħħar eżami għall-gwidi turistiċi b’suċċess, tinħarġilha l-liċenzja, skond il-policy eżistenti.
L-aħħar kors intensiv għall-gwidi prospettivi sar bejn Ottubru 1999 u April 2000. Persuna waħda biss applikat għall-liċenzja fil-lingwa Ċiniża. L-MTA iżżomm lista ta’ nies li jixtiequ jattendu kors intensiv ieħor fil-futur, u fost dawn hemm żewg persuni li jixtiequ jiggwidaw biċ-Ċiniż.
Irid isir aktar studju dwar kemm ser ikun it-tkabbir (bħala volum) fl-għadd ta’ turisti minn swieq relattivament ġodda u, jekk ikun hemm id-domanda, jiġi mniedi kors skond il-ħtiega.
Billi wara l-iskandli kbar finanzjarji li faqqgħu fl-Amerika li kixfu l-qerq ta' kumpaniji kbar ta' accountants u billi huma diversi kumpaniji lokali li qed joħorġu l-ishma biex jinxtraw mill-poplu Malti u billi jirriżulta fl-Amerika u fl-Ewropa huwa faċċli li l-investitur jitqarraq bit-tlellix u stampi mpenġija sbieħ min kumpaniji li jvaraw l-ishma fis-suq, qed ibeżża lill-investitur Malti u billi diversi pajjiżi fl-Ewropa, fl-Amerika u anke fiċ-Ċina qed jitħejjew liġijiet biex meta kumpanija ssejjaħ għall-ishma tkun marbuta li taħtar għas-spejjeż tagħha, ditta ta' accountant indipendenti biex tassigura li ma jkun hemm qerq; Jista' l-Ministru jikkunsidra li jagħmel regolament f'dan is-sens jew jekk hemm bżonn jemenda l-liġi biex dawk li jinvestu jkunu mħarsa min xi qerq jew ingann?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-liġijiet tal-pajjiż diġa jieħdu ħsieb biex jipproteġu l-investitur meta jixtri ishma u securities oħra li jiġu offruti lill-pubbliku. Apparti l-liġijiet ġenerali ċivli u kriminali li japplikaw għal kul kas ta' qerq jew deskrizzjonijiet kummerċjali foloz, hemm liġijiet aktar speċifiċi li ilhom iż-żmien jipproteġu lill-investituri li jixtru dawn it-tipi ta prodotti finanzjarji meta jiġu offruti lil-pubbliku.
L-ewwel pass kienet il-Commercial Partnerships Ordinance li daħlet fis-seħħ fl-1965. Din kienet tirrikjedi pospectus kull meta kumpannija toħroġ isma għall-pubbliku u waqfet diversi parametri u regoli kif dan għandu jsir. It-tieni pass importanti kien l-Investment Services Act tal-1994 li għandu regoli speċifiċi fuq il-reklamar ta prodotti finanzjarji u dwar il-prospectus. Din il-liġi importanti ġdida kient akkompanjata mat-twaqqif ta'awtorita' pubblika ġdida, u b'saħħitha - cioe l-MFSC, sabiex tamministra din il-liġi u liġijiet oħra. It-tielet pass kienet l-adozzjoni ta' liġi dwar il-kumpanniji ġdida fil-1995 li saħħet il-qafas legali dwar offerti ta ishma lill-pubbliku. Ilum din il-liġi ukoll hi amministrata mill-MFSC .
Hemm ukoll il-Malta Stock Exchange li apparti għandha ir-responsabbilta' li tilliċenzja u tissorvelja l-istockbrokers, tissorvelja it-tħaddim tal-Borsa, tifli il-pubbliċita' u il-kontenut tal-offerti li jsiru lill-pubbliku u
tagħmel monitoring kostanti tal-andament tas-suq. Dan iservi biex jeħles is-suq minn atteġġjamneti frawdalenti bħal fil-kas ta' insider dealing.
Nista nżid ukoll, illi dalwaqt ser ikollna liġi ġdida li ser tiġi diskussa f'dal il-Parlamant fil-ġimgħat li ġejjin u li din tikkomprendi ħafna għodda ġodda li permezz tagħhom l-investitur ser igawdi minn ħarsien aktar estensiv, fuq il-bażi ta' standards adottati fl-Unjoni Ewropea. Ser jitkomplu jissaħħu l-istrutturi legali u amministrattivi ħallli nkunu nistgħu naċċertaw li s-suq finanzjarju jkompli jaħdem b'mod korrett u trasparenti għall-aħjar interes tal-investituri. Il-liġi il-ġdida sejra twessa' il-kunċett ta insider dealing ħalli tikkomprendi diversi abbużi oħra li jistgħu jwasslu għal manipulazzjoni tas-suq. Għalhekk ser jiġu ntrodotti diversi miżuri sabiex inħarsu aktar l-interessi tal-investitur u l-fiduċja fis-suq.
Dwar il-professjoni tal-accountants, din hi marbuta li timxi skond accounting standards adottati internazzjonalment. Il-membri ta din il-professjoni huma sorveljati kemm mill-għaqda professjonali tagħhom kif ukoll mill-Accountancy Board li huwa imwaqqaf mill-Gvern skond il-liġi li tirregola din il-professjoni, u li għandha s-setgħa teżerċita dixxiplina.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Foundation of International Studies tal-Universita' ta' Malta se tispiċċa b'telf ta' aktar min nofs miljun lira? Il-Ministru jaqbel li għandu jinvestiga għaliex l-F.I.S. spiċċat b'dan it-telf kbir meta din qed tiġi sostnuta mit-taxxi tal-poplu Malti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'hemmx it-telf indikat mill-Onor. Membru. Ma jidhirlix li hemm x'tinvestiga, fil-fatt il-Gvern Laburista kien naqqas il-Budget tal-Fondazzjoni minn Lm150,000 għal Lm90,000 liema Budget baqa' fl-istess livell għall-aħħar sitt snin.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija nru. 32667:
kemm kien hemm ħwienet u b'hekk sidien involuti fejn inqabdu tfal taħt l-eta fil-postijiet tad-divertiment, bars, eċċ.?
F'liema lokalitajiet kienu?
Kemm minn dawn is-sidien ġew akkużati li huma reċidivi?
Response (BORG, TONIO)
B`żieda mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32667, ninsab infurmat illi n-numru ta` stabbilimenti kien ta` 6, li s-sidien ta` ħamsa minnhom kienu diġa` ġew misjuba ħatja ta` ksur tar-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f`Lokalitajiet ta` Divertiment u għalhekk saret it-talba għas-sospenzjoni tal-liċenzja relattiva skond kif provdut fl-istess regolamenti. Infurmat ukoll illi dawn l-istabbilmenti huma f`San Ġiljan u l-Mellieħa.
Peress li d-direttorju tal-kodiċi postali ġie ippubblikat ħdax (11) -il sena ilu, jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li jiġi ippublikat wieħed aġġornat peress li l-posta tesiġi il-kodiċi postali biex ittri jitqassmu aktar malajr?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Maltapost qed taħdem biex id-Direttorju tal-Kodiċi Postali jiġi aġġornat u fi żmien mhux il-bogħod jiġi pubblikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti b'każijiet soċjali li qed jinżammu fl-isptar ġenerali t'Għawdex?
Tista' tagħti r-raġunijiet prinċipali għal dan?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
In-numru ta’ pazjenti meqjusa bħala każijiet soċjali huwa sbatax (17). Dawn huma maqsuma hekk
Is-sala tan-nisa 8
Is-sala ta’ l-irġiel 9
Ir-raġunijiet prinċipali għal dan ikun x’aktarx għax ikunu joqogħdu weħidhom u ma jkollhomx min jieħu ħsiebhom meta jerġgħu lura d-dar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati inċidenti lill-pulizija u b'hekk kellhom jieħdu azzjoni:
1 f'Paceville
2 f'Buġibba
3 f'Wied il-Għajn
Jista' jagħti l-figuri għal din is-sena mill-1 ta' Jannar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-24 ta` April ta` din is-sena fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kien hemm 74 rapport li b`xi mod jinkwadraw taħt ksur ta` ordni pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm:
1 immigranti illegali
2 nies oħra barranin
li huma taħt il-kustodja tal-pulizija?
Kemm jiġi jiswa kuljum kull wieħed minnhom f'dak li huwa ikel, ħwejjeġ, eċċ?
Fil-każ ta' (1) u (2) kemm ilu l-aktar wieħed/waħda li ilhom f'pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 280 immigranti illegali li qed jinżammu taħt il-kustodja ta` l-Awtoritajiet tas-sigurta`. Minn dawn, l-aktar li ilhom huma tnejn li ilhom fil-kustodja tal-Pulizija minn l-1999, minħabba li għad ma ġietx stabbilita` n-nazzjonalita` u l-identita` tagħhom. Infurmat ukoll li ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa fuq dawn il-klandestini u persuni oħra barranin miżmuma mill-Pulizija għal raġunijiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fost dawk l-immigranti illegali u oħrajn li huma miżmuma mill-pulizija kemm hemm li għandhom anqas minn sittax-il sena?
Peress li hemm minnhom li jdumu anki xhur f'pajjiżna jingħataw xi tagħlim bażiku u /jew liż-żgħar nett jingħata taħriġ dwar kitba u qari?
Kemm hu l-iżgħar u kemm l-akbar minn dawn it-tfal li qegħdin jieħdu ħsiebhom il-pulizija?
Kemm ilu hawn l-aktar wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fost il-persuni li qed jinżammu mill-Awtoritajiet tas-sigurta` minħabba li daħlu Malta illegalment, hemm 40 li għandhom anqas minn 16-il sena.L-iżgħar fosthom hija tarbija ta` erba` ġimgħat u l-akbar hija ta` 15-il sena. Dawn kollha kienu daħlu Malta nhar l-4 ta` Marzu ta` din is-sena u qed ikunu miżmuma flimkien ma` membri oħra tal-familja fl-Lyster Barracks. Fil-preżent dawn għadhom mhux qed jingħataw tagħlim, għalkemm ġie ipprovdut lilhom xi kotba.
Jista' l-Ministru jgħid min kienet il-persuna li ħadet ħsieb id-drafting tal-white paper dwar att ġdid dwar l-armi?
Kemm tħallset din il-persuna?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari nru. 23467. L-iSpecial Branch tal-Pulizija u l-Ministeru ta` l-Intern naturalment ipparteċipaw fil-versjoni finali. Fuq talba tal-"Gun Lobby", iż-żmien ta` għeluq għal sottomissjonijiet ġie estiż b`xahar sa l-aħħar ta` Mejju 2002.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dokumenti marbuta mal-laqgħa li kienet saret fid-19 ta' Novembru 2001 ġewwa lukanda f'Malta, flimkien mas-sotto kumitat taż-żgħażagħ u sport tal-Kunsill fl-Ewropa?
Response (GALEA, LOUIS)
Dan id-dokument ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta jasal mis-Segretarjat tal-Kunsill ta' l-Ewropa.
Jista' l-Ministru jgħid din is-sena kemm saru applikazzjonijiet quddiem l-awtorita tal-ippjanar biex jinbnew:
1 lukandi ġodda?
2 estensjoni ta' lukandi?
3 skejjel ġodda?
4 estensjonijiet ta' skejjel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` applikazzjonijiet quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal żvilupp imsemmi mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:-
Lukandi ġodda - 1
Estensjoni ta` lukandi - 3
Skejjel ġodda - 3
Estensjoni ta` skejjel - 1
Jista' l-Ministru jgħid min hu intitolat għall-għajnuna legali fil-Qrati Maltin? Matul is-sena 2001 kemm kien kien hemm każi fejn intalbet l-għajnuna legali? Kemm-il darba intlaqet? Meta ġiet rifjutata x'kienu r-raġunijiet principali għall-dawn? Jista' jagħti l-figuri għall-Qrati Inferjuri u dawk Superjuri f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u r-risposta tingħata f`xi seduta oħra.