Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #33218 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel taż l-Ingliż — Studenti Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid id-dipartiment tal-edukazzjoni jgħarraf uffiċċjlament lill-kapijiet tal-iskejjel li jgħallmu l-ingliż lill-barranin li f'Malta jeżistu liġijiet li ma jippermettux tfal li m'għandhomx sittax (16) il-sena u jidħlu f'postijiet ta' divertiment u jikkonsmaw xorb alkoħoliku? Ta' min hi r-responsabbilta' li dawn l-istudenti barranin jiġu mgħarfa dwar dawn il-liġijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Ir-responsabilita` hija ta' l-organizazzjoni li tospitahom f'Malta li għandha tassigura li l-istudenti li jiġu għall-korsijiet ta' l-Ingliż ikunu jafu x'inhuma l-liġijiet li jirregolaw l-imġieba tagħhom f'Malta.
Leg 9 PQ #33220 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Għassa f'Paceville

Question

Jista' l-Ministru jgħid jikkunsidrax li tinfetaħ għassa speċifikament f'Paceville fejn dan l-aħħar jidher biċ-ċar li żdiedu l-inċidenti serji ta' ġlied? Jista' jara ukoll li dawk il-pulizija li jservu f'din l-għassa jkunu mħarrġa apposta biex jiffaċċjaw id-delinkwent, jieħdu ħsieb il-vittma u jkunu f'pożizzjoni li jikkontrollaw is-sitwazzjoni minnufih?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi b`effett minn Settembru 2000, l-area ta` San Ġiljan inqatgħet minn mad-Distrett ta` Tas-Sliema, u saret Distrett ieħor tal-Pulizija, b`Supretendent għalih. Dan sabiex tkun tista` tingħata aktar attenzjoni mill-Pulizija f`din l-area, li Paceville minnha tagħmel parti. Ta` min iżid, illi fi tmiem il-ġimgħa, peress li l-attivita` tiżdied immens, il-Pulizija tagħmel użu minn Mobile Police Station sabiex jinqdew il-ħtiġijiet ta` din il-lokalita`, fil-ħin li l-aktar ikun hemm konċentrazzjoni ta` nies. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dan huwa parti mit-taħriġ li jingħata fl-Akkademja tal-Pulizija. Il-possibilita` ta` ftuħ ta` għassa fil-lokal mhux eskluża jekk jinstab post għal hekk.
Leg 9 PQ #33237 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-membri tal-korp tal-pulizija jattendu l-kors tal-bidu meta jidħlu fil-korp dawn jingħataw kors ta' first aid? Min huwa inkarigat minn dan l-aspett ta' taħriġ? Għal dawk il-membri li kienu daħlu qabel ma twaqqfet l-akkademja tal-pulizija x'kien sar biex dawn ukoll jkunu mħarrġa fil-first aid? Kemm saru refresher couses fil-first aid f'dawn l-aħħar tlett (3) snin u kemm il-membru tal-korp attenda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-taħriġ li jingħataw ir-rekluti fil-Korp tal-Pulizija, jinkludi lezzjonijiet fil-first aid mit-tabib tal-Korp. Dan l-istess taħriġ jingħata ukoll fl-in services courses li jingħataw lill-membri tal-Korp. Infurmat ukoll li matul dawn l-aħħar tlett snin kien hemm 35 in-service courses.
Leg 9 PQ #33209 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Education22/TVM — Programm Scooters

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim jeżisti bejn l-istazzjon Education 22 u l-istazzjon ta' l-Istat biex programmi ta' l-Education 22 jidhru fuq TVM? Jista' l-Ministru jgħid x'valur edukattiv hemm fil-programm "Scooters" li qed jidher fuq iż-żewġ stazzjonijiet? Jaf li minbarra livell tekniku verament baxx il-programm li deher nhar it-Tnejn 29 ta' April ma kellu l-ebda livell edukattiv? Min hu responsabbli li jara li dawn il-programmi huma tal-livell mixtieq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minħabba l-fatt li channel 22 huwa aċċessibbli biss permezz tal-Cable, siegħa u nofs kuljum jingħataw minn Education 22 mingħajr ħlas lil TVM, biex is-servizz ikun aċċessibbli b'mod terrestriali. Issir trasmissjoni konġunta ta' nofs siegħa fid-9.30 ta' filgħodu u 55 minuta fl-4 ta' wara nofs in-nhar. Huwa TVM li jiddeċiedi jekk u kemm ikollu bżonn ħin mingħand Education 22 fil-bidu tas-sena u din hija l-prattika regolari ta' dawn l-aħħar tliet snin. Il-Programm Scooters li issa daħal fit-tieni sena tiegħu għandu fil-mira tiegħu tfal sa' l-eta` ta' 11-il sena. Kull ġrunata tal-ġimgħa tinstab taħt ir-responsabbilta` ta' teacher-producer differenti assistit minn grupp ta' għalliema partikolari għal dak il-programm tal-ġurnata. It-temi jvarjaw minn jum għal jum u jikkumplimentaw id-dinja skolastika li jgħixu fiha t-tfal Maltin mingħajr ma' jirrepetu jew jikkonformaw ma' kunċetti skolastiċi bl-għan ewlieni li jiġi pprattikat il-prinċipju ta' Edutainment. F'Novembru li għadda Scooters ingħata l-premju ta' l-Awtorita` tax-Xandir bħala l-aħjar programm Edukattiv għat-Tfal. Huwa l-għan ta' Scooters li jirrispetta l-bidliet maħluqa mill-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid. Fil-preżent, matul il-ġimgħa qed jiġu ttrattati temi bħal espressjoni u parteċipazzjoni tat-tfal fuq il-Media Televiżiv, Qari ta' Kotba Klassiċi, Qwiel Maltin, Sports, Animal Awareness, Arti Viżiva u applikata, Studji Soċjali, Internet, Promozzjoni ta' Kotba Maltin għat-tfal, Edukazzjoni inklussiva, Lingwa Ingliża, Pariri dwar nutrizzjoni tajba, Ħarġiet kulturali bit-televiżjoni, mużika u laqgħat ma' personalitajiet attwali, u Puppet Theatre Malti bl-isem ta' Pupazzini. Hemm ukoll inklużi fi Scooters programmi qosra tat-tfal magħmula mill-BBC. Fir-rigward tal-livell tekniku, informat li nhar it-Tnejn 29 ta' April 2002 ma kien hemm ebda problema teknika min-naħa ta' Education 22 u ma sar ebda ilment min-naħa tat-tekniċi tat-TVM. Il-programm tad-29 ta' April kien jinkludi żjara lil SkolaSport u ffoka fuq Long Jumps, diskussjoni fl-istudio dwar il-Long Jump, kompetizzjoni bit-telefon dwar id-differenza bejn Long Jump u High Jump, Klabb Posta-ittri u tpinġijiet mibgħuta mit-tfal, silta minn Treasure Island u produzzjoni tal-BBC bil-pupazzi. Ir-responsabbilta` diretta taqa' fuq it-teacher-producer li jwieġeb lil Acting Head ta' Education 22. Education 22 taħt it-tmexxija ta' L-Acting Head, iwieġeb lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni taħt it-tmexxija tad-Dipartiment ta' l-Istudji għall-Adulti u lill-Awtorita` tax-Xandir tal-Gvern, iċ-Chief Executive tal-PBS jagħmel ir-rwol ta' Editur ta' l-istazzjon Edukattiv.
Leg 9 PQ #33210 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżami tas-SEC — Lingwa Ingliża

Question

Nirriferi lill-Ministru għal karta ta' l-eżami tas-SEC tal-Lingwa Ingliża (Paper A) li sar nhar is-Sibt 4 ta' Frar. Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma sarx proof reading suret in-nies meta saru dawn l-iżbalji fl-imsemmija karta: 1. Fit-tieni comprehension (passage 2) għaliex il-linji kienu mmarkati minn numru 40 sa 65 meta fil-fatt ma kienx hemm daqshekk linji? 2. Għaliex il-mistoqsija nru. 2 kienet tirriferi għal linji nru 5, 11, 15 u 16 meta dawn ma kenux jeżistu f'dan it-test? 3. Għaliex il-mistoqsija nru. 3 ukoll kienet tirriferi għal linji nru. 5 meta dan in-numru ma kienx jeżisti fit-test? Ma jaħsibx li żbalji sempliċi bħal dawn minbarrra li jistgħu jfixxklu l-istudenti m'għandhomx jitħallew isiru f'eżami nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Naqbel perfettament ma' l-Onor. Membru li mhux aċċettabbli li jkun hemm żbalji sempliċi bħal dawk indikati f'karta ta' l-eżami tas-SEC. Minn verifiki li għamilt mal-Bord tal-MATSEC irriżultali li l-Bord inkariga persuna ta' esperjenza biex jiġi assigurat li l-karta ma jkunx fiha żbalji. Il-Bord qed jikkonsidra passi bħala sodisfazzjoni għal dawn in-nuqqasijiet.
Leg 9 PQ #33211 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ — Logo

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienet il-kumpanija li ħadet ħsieb tagħmel il-logo il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ? Kemm tħallset ta' dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumpanija li ħadet ħsieb tagħmel il-logo il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kient "Think Websites" li hija kumpanija żagħżugħa. Is-somma li tħallset għal dan ix-xogħol kien ta' Lm40.
Leg 9 PQ #33212 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżami tas-SEC — Accounts

Question

Jikkonferma l-Ministru li fl-eżami ta' l-accounts tas-SEC kien hemm mistoqsija li ma setgħetx tinħadem peress li kien hemm figura mħollija barra? Jista' jara jekk huwiex minnu li fit-taqsima obbligatorja kien hemm mistoqsijiet ta' livell avanzat u ma kenux tal-livell tas-SEC?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħala proċedura meta jkun hemm xi nuqqas f'xi karta ta' l-eżami, u dan l-iżball jindunaw bih l-eżaminaturi qabel jibda l-eżami, il-kandidati jiġu mgħarrfa bil-miktub mill-inviġilaturi dwar l-iżball u ssir il-korrezzjoni mill-ewwel. Il-kandidati jiffirmaw il-karta fejn jikkonfermaw li ġew mgħarrfa bl-iżball u bil-korrezzjoni. Fil-każ ta' l-eżami tas-SEC fl-Accounts din il-proċedura ġiet osservata u l-mistoqsijiet kollha setgħu jinħadmu mill-bidu nett ta' l-eżami. Dwar it-tieni mistoqsija, ġejt informat li l-eżaminaturi jikkonfermaw li l-mistoqsijiet kienu addattati għal-livell tas-SEC u li ma kien hemm ebda mistoqsija fil-karta ta' l-eżami fuq materja li mhix fis-sillabu tas-SEC ta' l-2002.
Leg 9 PQ #33213 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Vakanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija bħalissa fil-korp? Kemm hemm vakanzi f'kull rank tal-korp? Kemm ilha l-aktar kull vakanza? Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li jerġa' jiftaħ ir-reklutaġġ għall-: a uffiċjali kadetti u b kuntistabbli tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru tal-membri fil-Korp tal-Pulizija fil-preżent huwa 1,753. Infurmat ukoll illi jeżistu vakanzi fid-diversi rankijiet tal-Korp, u huwa maħsub li dawn jimtlew wara li jiġu valutati l-ħtiġijiet attwali tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in generali.
Leg 9 PQ #33214 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet tas-SEC

Question

Jikkonferma l-Ministru li ċerti ċentri fejn qed isiru l-eżamijiet tas-SEC mhumiex adattati għal eżamijiet nazzjonali? Jaf li, per eżempju, fl-iskola sekondarja teknika San Ġużepp f'Raħal Ġdid qed isiru eżamijiet fi klassijiet fejn hemm graffiti u tipex mal-ħajt kif ukoll purtieri inkallati u mqatta? Jaf il-Ministru li anke l-post fejn isiru l-eżamijiet għandhom ikunu ta' ċerta standard biex jgħinu l-istudent jikkonċentra aħjar?

Response (GALEA, LOUIS)

Din l-iskola hija Liċeo San Ġużepp tas-subien. Il-klassijiet li jintużaw għall-eżemijiet huma l-istess klassijiet li matul il-ġurnata jsir it-tagħlim fihom. Id-Dipartiment juża' din l-iskola bħala wieħed miċ-Ċentri prinċipali ta' l-eżamijiet għax l-iskola tinsab f'post ċentrali. Barra minn hekk id-Dipartiment qatt ma kellu lmenti negattivi dwar din l-iskola. Bħal skejjel oħra tal-Gvern qed jittieħdu miżuri biex l-ambjent ta' din l-iskola jitjieb.
Leg 9 PQ #33201 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Education 22 — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ fix-xandir għandhom dawk li jmexxu l-istazzjon Education 22? X'taħriġ ingħataw dawk l-għalliema li jtellgħu u jieħdu sehem fil-programmi? Kemm hemm għalliema full-time u part-time li jieħdu sehem f'dan l-istazzjon?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'Education 22 isiru korsijiet in-service fejn wieħed ikollu l-opportunita` jitgħallem affarijiet ġodda. Barra minn hekk, tingħata assistenza kontinwa hands-on. Bħalissa l-għalliema-producers qed jirċievu taħriġ fuq makkinarju analogue kif ukoll fuq non-linear digital editing. Dan għaliex kull għalliem-producer irid jieħu ħsieb tal-muntaġġ tal-produzzjoni tiegħu jew tagħha. Informat ukoll li hemm tmienja għalliema-producers full-time. Persuna minnhom bħalissa tinsab fuq unpaid study leave biex tispiċċa MA fil-kommunikazzjoni. Għalliema part-time li jagħtu kontribut lil Education 22 hemm 55 u jaħdmu bħala preżentaturi quddiem il-camera, presentation officers li jieħdu ħsieb it-trasmissjoni ta' filgħaxija, Camera persons, sound engineers u diretturi għall-programmi live, għalliema li jippreżentaw grafika komputerizzata u scripts għall-programmi.
Leg 9 PQ #33202 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Education 22 — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu inkarigat mill-programmi fuq Education 22? X'inhu l-budget allokat għal dawn il-programmi f'din is-sena finanzjarja? Jista' jelenka kif intnefaq il-budget s'issa din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent Education 22 jinstab taħt it-tmexxija tas-Sur Stephen Florian fil-kariga ta' Acting Head. L-Acting Head iwieġeb lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni taħt it-tmexxija tad-Dipartiment ta' l-Istudji għall-Adulti u lill-Awtorita` tax-Xandir bħal kull stazzjon televiżiv ieħor. Fil-każ ta' Education 22 bħala istituzzjoni tal-Gvern, iċ-Chief Executive tal-PBS jagħmel ir-rwol ta' Editur ta' l-istazzjon Edukattiv. Il-Budget allokat għal din is-sena finanzjarja 2002 huwa ta' Lm95,000 b'addizzjoni t'a Lm9,000 għan-nefqa kapitali.
Leg 9 PQ #33203 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Policy Co-ordinator

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li ġie appuntat policy co-ordinator fil-ministeru tal-finanzi? Min hi din il-persuna u meta ġiet appuntata? X'inhu l-pakkett finanzjarju li ġie offrut lil din il-persuna?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-Sur Alfred Rizzo ġie appuntat bħala policy co-ordinator mill-1 t' April 2002. Ir-remunerazzjoni u kundizzjonijiet marbuta mal-post huma regolati mad-Dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta numru 124.
Leg 9 PQ #33205 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Daewoo

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-investigazzjoni jew investigazzjonijiet fil-każ Daewoo, mill-Ispettur Martin Sammut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan il-każ huwa suġġett ta` inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin.
Leg 9 PQ #33206 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Finanzi Pubbliċi — Gazzetta tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-iskadenzi li fihom il-figuri dwar finanzi pubbliċi għandhom jiġu stampati fil-gazzetta tal-gvern, xahar b'xahar?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jeżistu l-ebda skadenzi skond il-liġi fir-rigward tal-figuri dwar il-finanzi pubbliċi stampati fil-gazzetta tal-Gvern xahar b'xahar.
Leg 9 PQ #33208 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Regoli tal-Gvern — Uffiċċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk skond ir-regoli tal-gvern, jistax ikun hemm iżjed minn membru wieħed mill-istess familja fl-istess uffiċċju jew fl-istess post?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru, għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4934.
Leg 9 PQ #33106 Sitting 732 2002-05-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ground tal-Football — Floriana

Question

Bħala Ministru responsabbli mill-isport jista' jgħid min jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-ground tal-football fl-Arena tal-Indipendenza fil-Furjana? Kemm intnefaq fuq dan il-ground matul is-sena finanzjaraja li għaddiet u matul l-ewwel xhur ta' din is-sena? Meta l-aħħar ġie miżrugħ? Minn fejn inxtrat iż-żerriegħa? Ta' liema kwalita' kienet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-manutenzjoni tal-football pitch ġewwa l-Arena ta' l-Indipendenza l-Furjana ssir mill-Floriana F.C. Informat ukoll li l-iskeda ta' kif u meta jinżergħa dan il-pitch hija r-responsabbilita` tal-groundsmen imqabbad mill-club. Dan il-pitch għadu kemm ġie miżrugħ ġimgħa ilu, mill-istess club.
Leg 9 PQ #33107 Sitting 732 2002-05-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-popolazzjoni til-faċilita' korrettiva ta' Kordin bħalissa? Kemm minnhom huma barranin? Mit-total kemm huma persuni li diġa huma għaddew proċeduri fil-qrati u qed jiskontaw sentenza? Kemm minn dawn huma barranin? Jista' jgħid kemm minn dawk issentenzjati kif ukoll dawk li qed jistennew sentenza/jew proċeduri legali qed jingħataw kura regolari għad-droga? Jista' jagħti l-figuri separatament? Għal liema droga qed tingħata kura?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-4 ta` Mejju 2002 in-numru ta` priġunieri kien ta` 278. Dawn huma maqsuma kif ġej:- Nazzjonalita` Sentenzjati Arrestati TOTAL Maltin 140 41 181 Barranin 56 41 97 Minn dawn żewġ priġunieri Maltin (sentenzjati) qegħdin jingħataw kura medika kontra d-droga. Disgħa oħra qegħdin isegwu programm ta` rijabilitazzjoni fis-SATU filwaqt li 16 qegħdin jattendu programmi simili f`postijiet oħra.
Leg 9 PQ #33108 Sitting 732 2002-05-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentru tad-Detox

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ taħt il-21 sena li bħalissa qed jattendu ċ-ċentru tad-Detox f'Malta u dak f'Għawdex? Kemm minnhom bdew jattendu għall-ewwel darba f'dawn l-ewwel erba xhur ta' din is-sena? Fil-każ ta' dawk taħt il-21 sena u fil-każ ta' dawk li bdew jattendu din is-sena, huma kollha Maltin? Kemm minn dawn il-każi hemm tfal taħt is-sittax (16) il-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #33050 Sitting 731 2002-05-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Foundation of International Studies

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Foundation of International Studies li jġib Malta mijiet ta' studenti min barra biex jistudjaw l-Ingliz, fil-każ tal-istudenti Ċiniżi rabtet biss ma' kumpanija waħda fiċ-Ċina magħrufa bħala AUSTAR? Jikkonferma li din il-kumpanija ma tantx għandha reputazzjoni tajba fiċ-Ċina? Jista' jikkonferma l-informazzjoni li għandu l-interpellant li din il-kumpanija qed tiġi mfittxija għad-danni minn xi studenti fiċ-Ċina? Għaliex il-Foundation of International Studies rabtet biss ma ' kumpanija waħda biex iġġib studenti Ċiniżi meta hemm diversi oħrajn li jibgħatu studenti Ċiniżi jistudjaw barra miċ-Ċina?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru jidher illi qiegħed iħawwad korsijiet tal-lingwa Ingliża f'Malta li jkunu ta' ftit ġimgħat jew xhur ma' korsijiet universitarji li jdumu s-snin. Informat li dwar korsijiet tal-lingwa Ingliża f'Malta l-Foundation for International Studies m'għandha ebda ftehim ma' ebda aġenzija Ċiniża. Il-kuntratt li l-Universita` ta' Malta għandha ma' l-Austar hi dwar reklutaġġ ta' studenti Ċiniżi għall-korsijiet universitarji. L-Universita` qed timmira għal numru limitat ta' studenti Ċiniżi kull sena. Informat li s'issa m'huwiex fattibbli li jkollok diversi aġenziji fiċ-Ċina. Nixtieq inżid li studenti Ċiniżi li ma jkunux iridu jagħmlu użu mis-servizz li tagħti l-kumpanija Austar huma liberi li japplikaw dirett lill-Universita`. Il-kumpanija Austar tirrapreżenta madwar 300 skola u universita` minn tlettax-il pajjiż fosthom l-Ingilterra, l-Awstralja, l-Kanada u New Zealand. Naħseb li dan il-fattur jindika r-reputazzjoni tal-kumpanija. Il-Fondazzjoni hi informata li ebda student m'hu qed ifittex lill-kumpanija għal danni.

Tribunal Eklesjastiku — Każi Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi pendenti ta' annullament quddiem it-Tribunal Eklesjastiku? Kemm huwa ż-żmien li persuna ddum tistenna, bejn wieħed u ieħor, qabel il-każ ikun magħluq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Tribunal Eklesjastiku huwa entita tal-Knisja u l-Ministeru tiegħi m`huwiex f`pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba.