B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33540, jista' l-Ministru jgħid għaliex ingħalqet l-iskola ta' l-Istat li kienet tgħallem l-Ingliż lill-barranin? Meta? X'sar mill-bini fejn kienet din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola ta' l-Istat li kienet tgħallem l-Ingliż lill-barranin ingħalqet mill-Amministrazzjoni Laburista fl-1998. L-iskola msemmija, magħrufa bħala International School of English kient ilha sejra lura, tnaqqas fid-dħul finanzjarju u fin-numru ta' studenti li jiffrekwentawha.
Kien inħass li jekk l-iskola tidħol tagħmel parti mill-MUS ta' l-Universita` ta' Malta, l-isem ta' l-Universita` jwassal sabiex aktar studenti barranin jersqu lejn din l-iskola milli kieku baqgħet topera bil-kriterji stabbiliti. Għalhekk, is-servizz ġie trasferit għand l-Universita` sabiex tmexxih hi.
L-International School of English kienet tagħmel użu minn bini fl-iskejjel governattivi sabiex twassal is-servizz tagħha u ma kellha ebda bini speċifiku allokat lilha.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33393 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min hu c-chairman u l-board tad-diretturi tal-Malta Air Traffic Services (MATS)? Jista' jgħid ukoll min hu c-chief executive officer ta' din il-kumpanija? X'remunerazzjoni jew salarju u fringe benefits għandhom kull wieħed?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Bord tad-Diretturi ta' Malta Air Traffic Services huwa kompost mis-Sinjuri Patrick Calleja, bħala Acting Chairman, Lawrence Zammit, Mario Mizzi u Marco Vella. Ic-Chief Executive huwa s-Sur Larry Fenech.
S'issa ma hemm xejn stabbilit dwar remunerazzjoni għall-membri tal-Bord tad-Diretturi u c-Chief Executive għandu salarju u kundizzjonijiet komparabbli mal-grad tiegħu f'entitajiet governattivi oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33493 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid il-kumpannija Malta Air Traffic Services (MATS) minn fejn iddaħħal il-finanzi tagħha? X'kapital finanzjarju għandha? Jista' jgħid ukoll kemm ilha mwaqqfa din il-kumpanija rċevietx xi pagamenti mill-Eurocontrol Route Charges tas-servizzi mogħtija fl-ispazju ta' l-ajru Malti? Jekk iva, kemm kien dan l-ammont? X'garanziji bankarji għandha din il-kumpanija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li d-dħul ewlieni tal-kumpanija Malta Air Traffic Services huwa dak li tirċievi mill-Euro Control u minn mindu l-Kumpanija bdiet topera, fl-1 ta' Jannar 2002, irċeviet pagamenti għas-servizzi li pprovdiet fl-ewwel tlitt xhur tas-sena.
Il-Kumpanija għandha kapital ta' miljun Liri Maltin.
Il-garanziji bankarji li għandha l-Malta Air Traffic Services jikkonsistu f'ipoteki fuq apparat tal-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid kontra kemm-il persuna ttieħdu passi għal tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni s'issa din is-sena? F'liema lokalitajiet? Kemm kienu nisa u kemm irġiel? Kemm diġa` tressqu l-qorti? Kemm minn dawk arrestati ġew akkużati li kienu reċidivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena tressqu quddiem il-Qorti tletin (30) persuna, bosta minnhom aktar minn darba, fuq tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni. Minn dawn ħmistax (15) huma reċedivi, filwaqt li erba' (4) minnhom huma rġiel. Dawn il-każi seħħew fil-Gżira, l-Imsida u l-Marsa.
Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 33213. Jista' jelenka kemm hemm vakanzi f'kull rank tal-korp li hemm bħalissa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-Korp tal-Pulizija hemm vakanzi fil-gradi ta` Assistent Kummissarju, Supretendent, Spettur, Surġent Maġġur, Surġent u Kuntistabbli. Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, dawn il-vakanzi jimtlew skond il-ħtiġijiet tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 33213, jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġu valutati l-ħteġijiet attwali tal-korp tal-pulizija? Min qed imexxi dan l-eżerċizzju? Kemm ilu għaddej?
Response (BORG, TONIO)
Kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, f`organizzazzjoni vasta u dinamika bħal ma huwa il-Korp tal-Pulizija, il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet attwali huwa minnu nnifsu proċess kontinwu li ma jieqaf qatt. B`hekk biss il-Korp ikun jista` jżomm aġġornat maż-żminijiet. Dan l-eżerċizzju kontinwament isir mill-amministrazzjoni tal-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefaq s'issa matul din is-sena finanzjarja fuq miżuri biex l-ambjent jitjieb fl-iskejjel ta' l-Istat kif imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 33214? Liema skejjel gawdew s'issa u x'inhu x-xogħol li sar fihom? Saret valutazzjoni tax-xogħol li għandu jsir fil-liċeo San Ġużepp? Meta se jsir ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 33843.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33538, jista' jgħid minn Jannar sa April (it-tieni term) kemm kien hemm studenti assenti fl-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja u indipendenti separatament? Jista' jgħid kemm kien hemm studenti li ma tawx raġuni valida għaliex ma attendewx l-iskola? Ittieħdu passi kontra xi ġenituri matul l-istess żmien?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li tinġabar l-istatistika, u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33365, jista' jgħid x'inhu jsir biex jiġi reklamat it-turiżmu sportiv u dak reliġjuż? X'reklamar qed/se jsir matul din is-sena finanzjarja għal xi attivitajiet speċifiċi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li l-
Ispecial Interest Division
, fi ħdan il-
Marketing and Promotion Directorate
tieħu ħsieb ir-reklamar, il-pubbliċita’ u l-għajnuna f’dan il-qasam.
Il-ħidma tikkonsisti f’reklamar flimkien ma’ operaturi li jorganizzaw attivitajiet sportivi, ħlas ta’ passaġġi u lukandi għall-ġurnalisti speċjalizzati fil-qasam, tixrid ta’ informazzjoni permezz tal-uffiċini li l-MTA għandha barra minn Malta, mail shots, għotjiet għall-produzzjoni ta’ posters, stediniet għal żjarat u parteċipazzjoni f’attivitajiet minn personalitajiet sportivi kif ukoll forom oħra ta’ għajnuna u finanzjament.
It-turiżmu reliġjuż, magħruf bħala “pilgrimage tourism”, hu dak it-tip ta’ turiżmu li l-aktar imur lejn l-Art Imqaddsa u lokalitajiet oħra ta’ venerazzjoni reliġjuża. Ir-reklamar ta’ dan it-tip ta’ turiżmu jsir l-aktar permezz ta’ aġenti ta’ l-ivvjaġġar speċjalizzati fil-biċċa l-kbira fil-Ġermanja, Franza u l-Italja.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija 33384, jista' l-Ministru jwieġeb jekk instabx sponsor għall-league tal-footbal tal-MESA? Peress li l-league wasal biex jispiċċa, jista' jgħid jekk is-segretarjat ta' l-isport hux se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Segretarjat Parlamentari qiegħed jagħmel dak kollu li jista' biex jinstab sponsor għal-league tal-football tal-Malta Employees Sports Association.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33729, jista' jagħti lista ta' dawk l-għaqdiet kollha, kemm sportivi u oħrajn, kif ukoll individwi, li matul is-sena 2001 u din is-sena ngħataw xi tip ta' għajnuna finanzjarja mill-gvern? Jista' jgħid ukoll kull għaqda kemm ingħatat fondi u mill-liema vot dawn l-għotjiet ħarġu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33541 u jgħid kemm hemm għalliema barranin li bħalissa huma impjegati biex jgħallmu fl-iskejjel tal-gvern? X'suġġetti jgħallmu? F'liema skejjel? Kemm ilhom Malta u għal kemm żmien huwa l-kuntratt tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hawn 2 barranin impjegati bħala għalliema fl-iskejjel tal-gvern. Waħda tgħallem il-Matematika fl-iskola Antonio Bosio Skola Sekondarja Subien Gżira u l-ieħor jgħallem l-Ispanjol fil-Liċeo tas-subien Ninu cremona ġewwa Għawdex.
L-għalliema tal-Matematika għandha kuntratt mis-7 ta' Jannar 1997 (u hija Supply Teacher).
L-għalliema ta' l-Ispanjol għandu kuntratt mill-31 ta' Ottubru 2001 sal-31 ta' Ottubru 2002.
Informat ukoll li ma kien hemm ebda għalliem barrani li jgħallem fl-iskejjel post-sekondarji.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33536 u jgħid x'xogħlijiet twettqu fil-pixxina Nazzjonali matul is-sena 2001 u din is-sena? Min wettaq dan ix-xogħol, kemm tħallas? Kienx hemm sejħa għall-offerti jew inkella dan ix-xogħol ġiex mogħti b'direct order?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm ġranet ta' skola għall-iskejjel tal-istat għas-sena skolastika 2002/03? Jista' jgħid meta se jkunu l-mid-terms?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-ftehim eżistenti bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Unions, is-sena skolastika 2002/2003 tinħadem hekk:
Xahar Ġranet ta'
skola
Settembru 6 L-ewwel ġurnata ta' l-iskola tkun
it-Tnejn 23 ta' Settembru
Ottubru 23
Novembru 19 Mid-Term mill-Ġimgħa 1 ta' Novembru
sat-Tnejn 4 ta' Novembru
Diċembru 14 It-8 ta' Diċembru jaħbat il-Ħadd u għalhekk
tingħata vaganza f'jum ieħor miftiehem mal-
Unions.
Il-vaganzi tal-Milied jibdew mit-23 ta' Dicembru
Jannar 19 L-iskola tibda t-Tlieta 7 ta' Jannar
Frar 19 Perjodu ta' l-eżamijiet 6 jiem wara 10 ta' Frar
Marzu 17 Vaganzi tal-Karnival 3 u 4 ta' Marzu
April 17 Vaganzi ta' l-Għid mis-16 sat-23 ta' April
Mejju 21
Ġunju 20 Is-7 ta' Ġunju jaħbat is-Sibt u għalhekk tingħata
vaganza f'jum ieħor miftiehem mal-Unions.
Id-29 ta' Ġunju jaħbat il-Ħadd u għalhekk
tingħata vaganza f'jum ieħor miftiehem mal-
Unions.
Perjodu ta' l-eżamijiet 10 jiem qabel id-29
ta' Ġunju.
Sub Total 175 Naqqas 3 festi li jiġu s-Sibt jew il-Ħadd
Total 172
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għadux jopera skola li taċċetta barranin biex jitgħallmu l-ingliż matul ix-xhur tas-sajf?
Jekk fl-affermattiv jista' jgħid fl-liema pajjiżi jsir reklamar għal din l-iskola?
Kemm huma mistennija li jattendu din is-sena?
X'inhi l-eta' medja ta' dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern m'għadux jopera skola li taċċetta barranin biex jitgħallmu l-Ingliż matul ix-xhur tas-Sajf.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema barranin li bħalissa huma impjegati biex jgħallmu fl-iskejjel tal-gvern? X'suġġetti jgħallmu? F'liema skejjel? Kemm ilhom Malta u għal kemm żmien huwa l-kuntratt tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema barranin li ngħataw permess jgħallmu fl-iskejjel tal-knisja u dawk inidipendenti?
X'suġġetti qed jgħallmu?
F'liema skejjel?
Għal kemm żmien huwa l-permess li ngħataw?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru totali ta' l-istudenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet organizati mill-universita' ta' Londa li qed isiru f'dawn iż-żmenijiet fl-livell ordinarju? Jista' jelenka n-numru ta' studenti li qagħdu għal kull suġġett offrut?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru totali ta' studenti li applikaw biex joqgħodu għall-eżamijiet ta' l-Edexcel Foundation (London) fil-Livell Ordinarju, Mejju 2002, kien 3163.
Lista tas-suġġetti u l-għadd ta' studenti li applikaw għal kull suġġett minn Malta u Għawdex hi kif ġej:
Suġġett Malta Għawdex
7011 Accounting 511 23
7020/A Art 136 3
7040 Biology 120 8
7042 Human Biology 133 58
7081 Chemistry 97 28
7100 Commerce 30 --
7105 Computing 14 --
7120 Economics 219 5
7163 English Language 2292 301
7171 English Literature 27 --
7193 French 116 50
7209 Geography 1 --
7233 German 39 15
7262 History Syllabus B 9 --
7333 Italian 105 2
7361 Mathematics B 789 166
7540 Physics 987 158
7560 Religion 1 --
7593 Spanish 69 17
7609 Chinese 2 --
7627 Maltese 106 1
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema full-time u part-time fil-pixxina Nazzjonali f'Tal Qroqq?
Jista' jgħid ukoll x'xogħol qed jagħmlu, meta bdew jaħdmu fil-pixxina u fejn joqogħdu dawn il-ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħat tal-kunsill Malti ta' l-isports, tal-kunsill eżekuttiv, minn meta twaqqaf sal-aħħar laqgħa li saret?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma nħossx li huwa opportun li l-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport għandhom jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Jekk l-Onor. Membru jixtieq isaqsi fuq xi aspett partikolari tal-ħidma ta' l-eżekuttiv ta' dan il-Kunsill nitolbu jagħmel mistoqsija fuq dan l-aspett.