Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li ssir xi ħaġa biex l-eżamijiet tas-SEC, MATSEC, eċċ. ma jibdewx daqshekk kmieni għaliex b'hekk it-tielet term huwa mħarbat għal kollox? Jista' jgħid jekk qattx kien hemm taħdidiet bejn rappreżentanti ta' l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti ma' l-awtoritajiet konċernati biex issir xi ħaġa f'dan ir-rigward? Għaliex ma kienx intlaħaq ftehim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-eżamijiet jibdew fl-aħħar ġimgħa ta' April biex ikun hemm żmien biżżejjed ħalli s-sessjoni supplimentari tkun tista' ssir fil-bidu ta' Settembru u l-istudenti jkunu jistgħu jibdew l-universita` fl-ewwel ta' Ottubru.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm ħsieb li jibdew l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC is-sena d-dieħla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull sena l-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC jibdew fl-aħħar ġimgħa ta' April u jibqgħu sejrin sa' l-ewwel ġimgħa ta' Ġunju. Għalkemm it-timetable ta' l-2003 għadha ma saritx, hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla l-eżamijiet isiru fl-istess perjodu b'xi modifiki.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta hemm il-bżonn li jsiru sinjali tat-traffiku fit-triqat prinċipali Maltin, dan ma jsirx f'ħin aktar addattat? Jaf il-Ministru li minħabba dan ix-xogħol kien hemm tfixkil tat-traffiku fi Triq Diċembru 13 nhar l-Erbgħa 29 ta' Mejju fis-siegħa ta' wara nofs in-nhar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi meta jkunu qed isiru sinjali tat-traffiku fit-triqat prinċipali ħafna drabi dan isir bil-lejl sabiex ma jkunx hemm inkonvenjent għall-pubbliku.
Dwar il-każ speċifiku ta' Triq Diċembru 13, ix-xogħol f'dan il-każ kellu bilfors isir bi nhar għas-sigurta' tal-ħaddiema li jkunu qed iwettqu xogħol f'din it-triq tant traffikuża.
Madanakollu jidher illi l-inkonvenjent kien minimu għajr f'xi okkażjonijiet meta kien hemm żieda qawwija fit-traffiku aktar min-normal.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment ta' l-edukazzjoni ġiex mitlub biex jipprovdi għalliema u/jew kotba biex jiġu wżati kemm mit-tfal tar-refuġjati u anke mir-refuġjati stess? Jista' jgħid għaliex qatt ma ngħata xi forma ta' tagħlim, imqar tal-lingwa Ingliża, għal dawn ir-refuġjati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kurrikulu ma saritlu ebda talba biex jipprovdi għalliema jew kotba biex jiġu użati mit-tfal tar-refuġjati jew mir-refuġjati stess.
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kemm ġew irrapportati serqiet ta' vetturi u serqiet minn vetturi? Kemm hu stmat li nsteraq mill-vetturi? Jista' jagħti l-figuri għall-Għawdex separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena il-Pulizija kellha 363 rapport ta` serq ta` vettura, li minnhom 25 kienu f`Għawdex u 1,388 serq minn vetturi li minnhom 25 kienu f`Għawdex. Il-valur irrapurtat ta` oġġetti irrapurtati misruqa minn vetturi kien ta` Lm148,957 f`Malta u ta` Lm7,137 f`Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati serqiet minn djar privati fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Kemm kien stmat mis-sidien li insterqilhom oġġetti mid-djar tagħhom? Jista' jagħti l-ammonti għal Għawdex separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena il-Pulizija kellha 279 rapport ta` serq minn residenza f`Malta u 13 f`Għawdex. Il-valur ta` oġġetti irrapurtati misruqa kien jammonta għal Lm219,236 u Lm4,345 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' flus u oġġetti li nsterqu f'hold-ups matul l-ewwel ħames xhur tas-sena? F'liema lokalitajiet saru dawn il-hold-ups? Jekk kien hemm hold-ups f'Għawdex, jista' jagħti dawn il-figuri separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-valur ta` oġġetti irrapurtati misruqa f`hold ups matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena jammonta għal Lm54,908. Il-lokalitajiet fejn seħħew kienu Marsa, Attard, San Ġiljan, Floriana, Wied iż-Żurrieq, Qormi, Sliema, Swieqi, Ħaż Żebbuġ u San Pawl il-Baħar. F`Għawdex ma kien hemm xejn.
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kemm kien hemm imwiet f'Malta u Għawdex li huma ikkunsidrati li għandhom konnessjoni diretta mat-tipjip? Dawn il-figuri jinkludu wkoll dawk li mietu b'kawża ta' tipjip passiv? Jista' jagħti l-figuri għal Għawdex separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta` każijiet ta` mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta` l-Imwiet fl-ewwel erba` xhur tas-sena 2002 u li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta` 133 f'residenti Maltin u 7 f'residenti Għawdxin. Figuri fuq imwiet b'kawża ta` tipjip passiv m'humiex possibbli għaliex din l-informazzjoni diffiċli ħafna li tinġabar.
Għalkemm il-Ministru qal kemm-il darba, kemm f'din il-Kamra kif ukoll f'postijiet oħra, li se jgħaddi liġi li tikkontrolla ferm aktar it-tipjip speċjalment fil-pubbliku, meta beħsiebu iressaq il-liġi f'dan il-parlament? Japprezza l-Ministru li aktar ma jdum ma jieħu azzjoni aktar se jkun hemm nies li jimirdu minħabba dak li jissejjaħ "tipjip passiv"?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-abbozz tal-liġi jinsab fl-Uffiċċju ta` l-Avukat Ġenerali għall-fini ta` vetting. Sussegwentement, dan l-abbozz jitressaq fil-Parlament fiż-żmien opportun.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija identifikawx xi ħwienet fl-inħawi ta' San Ġiljan, u dan mhux eżattament f'Paceville, li qed ibiegħu fliexken tax-xorb alkoħoliku lil tfal li għad m'għandhomx 16-il sena? Jista' jara li l-pulizija tieħu ħsieb li ċerti ħwienet tal-merċa ma jibqgħux miftuħin wara l-ħin biex ma jsirx bejgħ ta' fliexken sħaħ ta' xorb alkoħoliku lil żgħażagħ taħt l-eta`?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi ġew identifikati mill-Pulizija xi ħwienet kif imsemmi fil-Mistoqsija. Infurmat ukoll illi l-Pulizija tad-Distrett ta` San Ġiljan jagħmlu ronda fl-inħawi, sabiex jassiguraw li l-ħinijiet ta` l-għeluq tal-ħwienet jiġu osservati.
Jista' l-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika li waslet biex tispiċċa kemm saru spezzjonijiet fit-tuckshops/canteens ta' l-iskejjel biex jiġi identifikat jekk hux qed isir bejgħ ta' dak li jissejjaħ junk food lit-tfal? F'liema skejjel saru? Meta? X'instab? Ittieħdu passi kontra min qed imexxi dawn it-tuckshops/canteens?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-kiri ta' tuckshops, min imexxi t-tuckshop huwa marbut x'għandu u x'mgħandux ibiegħ u fost dawn hemm il-junk foods.
Matul din is-sena skolastika li waslet biex tispiċċa, saru tliet spezzjonijiet minn spetturi tas-saħħa pubblika f'kull skola li fiha hemm tuckshop. Ma saru ebda rapporti, la minn dawn l-ispetturi sanitarji u lanqas mill-kapijiet ta' dawn l-iskejjel, li inbiegħu xi junk foods minn xi skola.
Jista' l-Ministru jgħid min jiddeċiedi kemm għandu jkun hemm pulizija preżenti fil-grounds tal-football? Jista' jiġġustifika l-ftit pulizija li kienu preżenti għal-logħba tat-tielet diviżjoni play off bejn il-Birgu u St Georges fis-centenary stadium nhar il-Ħadd 19 ta' Mejju? Jaf il-Ministru li din kienet logħba magħrufa bħala high risk? Jaf li għal-logħba ta' anqas interess ikun hemm aktar pulizija? Jaf li f'din il-logħba partikolari l-pulizija ma setgħux jikkontrollaw kullimkien u kien hemm min qabeż fil-ground wara l-logħba? Jaf li weġġa pulizija li ġie attakkat minn numru ta' supporters? Kontra kemm-il persuna ttieħdu passi fuq kontravenzjonijiet ta' l-ordni pubblika fl-istess logħba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għal logħba msemmija mill-Onorevoli Interpellant il-Pulizija ħadet ħsieb li jkun hemm numru adekwat ta` Pulizija skond ma kienu jirrikjedu iċ-ċirkostanzi. Fil-fatt kien hemm tnax-il Pulizija u Spettur. Dan huwa id-doppju li jkun hemm fin-normal. Infurmat ukoll illi dwar l-inċident li nqala` fejn membru tal-Korp weġġa` ħafif, hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti kontra erba` persuni.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm ġew rapurtati inċidenti tat-traffiku f' dawn il-junctions għal kull sena, mill-1987 sa 1991? F'kemm min dawn ġew irrapurtati ġrieħi ta' natura gravi, u kemm minhom kienu fatali
-
roundabout
ta' Santa Luċia (qabel tibda Triq tal-Barrani)
- ħruġ minn Ħal Tarxien għal ġo Triq tal-Barrani
- ħruġ mit-Triq tal-Gudja għal ġo Triq tal-Barrani
- ħruġ minn Triq San Leonard għal ġo Triq tal-Barrani
- ħruġ minn Vjal 25 ta' Novembru (Zejtun) għal ġo Triq tal-Barrani
- roundabout ta' Bir-id-Deheb
- ħruġ mit-triq ta' M'Xlokk għal ġo Triq tal-Barrani?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm ġew rapurtati inċidenti tat-traffiku f'dawn il-junctions għal kull sena, mill-1997 sa 2001. F'kemm minn dawn ġew irrapurtati ġrieħi ta' natura gravi, u kemm minnhom kienu fatali
-
roundabout
ta' Santa Luċia (qabel tibda Triq tal-Barrani)
- ħruġ minn Ħal Tarxien għal ġo Triq tal-Barrani
- ħruġ mit-Triq tal-Gudja għal ġo Triq tal-Barrani
- ħruġ minn Triq San Leonard għal ġo Triq tal-Barrani
- ħruġ minn Vjal 25 ta' Novembru (Zejtun) għal ġo Triq tal-Barrani
- roundabout ta' Bir-id-Deheb
- ħruġ mit-triq ta' M'Xlokk għal ġo Triq tal-Barrani?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi tagħrif dwar inċidenti tat-traffiku huwa disponibbli taħt forma komputerizzata mill-1 ta` Jannar 1998 u jinżamm bit-toroq u mhux eżatt bil-post kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant it-tagħrif disponibbli huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm coaches ta' sport li għandhom il-permess jaħdmu ma' xi għaqda sportiva f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom għandhom il-permess jaħdmu, anke fuq bażi part-time ma' xi skola? Taħt liema kundizzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma jkollux informazzjoni dwar permessi ta' xogħol tal-coaches ta' sport. Id-Dipartiment jagħmel biss rakkomandazzjonijiet lill-Management and Personnel Office meta jiġi mitlub jagħmel dan f'każ ta' coach barrani li japplika biex jaħdem f'Malta.
Informat ukoll li ma hemmx coaches ta' l-isport li huma impjegati f'xi skola, la 'full time' u lanqas 'part time'. Minn żmien għall-ieħor, Assoċjazzjonijiet ta' l-Isport jingħataw permess biex jagħmlu coaching f'xi skejjel ta' l-Istat, dejjem fil-kundizzjoni li ma jesiġux ħlas.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 32950 dwar għajnuna legali fil-qrati Maltin li saret fit-23 ta' April 2002?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi:
Hemm żewġ każi fejn tista` tintalab l-għajnuna legali fil-Qrati Maltin:
(a) dak meta wieħed ikun irid jew jagħmel kawża jew jiddefendi ruħu fi proċeduri ċivili; u
(b) dak meta wieħed ikunn irid jiddefendi ruħu fi proċeduri kriminali.
Proċeduri Kriminali
Fil-każ ta` proċeduri kriminali, hemm distinzjoni bejn proċeduri quddiem il-Qrati tal-Maġistrati u dawk quddiem il-Qrati Superjuri.
Fil-każ ta` proċeduri kriminali quddiem il-Qrati tal-Maġistrati, hu l-Maġistrat li jiddeċiedi fuq talba li ssirlu minn imputat jew akkużat li jagħtih difensur tal-għajnuna legali.
Fil-każ ta` proċeduri kriminali quddiem il-Qrati Superjuri, huma l-Imħallfin li jiddeċiedu li jagħtu lill akkużat jew appellant li jitlob jew li jidher mingħajr avukat ta` fiduċja li jagħtu lill akkużat jew appellant avukat tal-għajnuna legali.
Fil-każ ta` proċeduri kriminali, ħlief fil-każ ta` appell, m`hemm l-ebda kundizzjoni marbuta mal-meżżi ta` imputat jew akkużat jew ma` xi ħaġa oħra biex imputat jew akkużat jiġi mogħti avukat tal-għajnuna legali biex jassistih. Fil-każ ta` appell, hu meħtieġ illi qabel xejn l-appellant jikkonferma bil-ġurament quddiem ir-Registratur tal-Qrati illi m`għandux meżżi biex jinkariga avukat ta` fiduċja tiegħu.
Ma jinżammux `records` għal fini ta` statistitika dwar kemm ikun hemm minn dawn it-talbiet. Madankollu, kull meta issir talba u kull meta jkun hemm digriet dwar dan, it-talba u/jew id-digriet ikunu fl-atti tal-kawża.
Proċeduri ċivili
Min hu ntitolat għall-Għajnuna Legali fil-Qrati Maltin joħroġ ċar mill-Kodiċi ta` Organiżżazzjoni u Proċedura ċivili. Hu ntitolat għal benefiċċju tal-għajnuna legali kull min jaħlef quddiem l-Avukat Għall-Għajnuna Legali li għandu raġuni tajba li jipproċedi kif ikun talab, li ma jkollu l-ebda dħul f`sena li jeċċedi l-ammont tal-paga minima nazzjonali u li ma jkollux propjeta` li teċċedi l-valur ta` LM3000. F`dan l-ammont ma jittieħidx inkunsiderazzjoni l-oġġett tal-kawża.
It-talbiet li jsiru jiġu redatti bil-miktub u jinżammu fir-Reġistru tal-Qrati Superjuri peress illi l-Qorti kompetenti hi dejjem il-Prim `Awla tal-Qorti ċivili, anke jekk it-talba tkun biex wieħed jipproċedi jew jiddefendi ruħu fi proċeduri ċivili quddiem il-Qrati tal-Maġistrati.
Sabiex tintlaqa` talba, minbarra fit-test tal-meżżi, l-Avukat tal-Għajnuna Legali jrid ikun sodisfatt illi min jagħmel it-talba x`aktarx li ikollu raġun f`dak li jkun qed jitlob. Hu għalhekk illi kull meta ssir talba formali, l-Avukat Għall-Għajunua Legali javża lill parti l-oħra u jgħatiha erbat ijiem żmien biex tiddikkjara permezz ta` Nota fir-Reġistru tal-Qrati Superjuri jekk għandhiex xi oġġezzjoni illi dik it-talba tiġi milqugħa. Meta jgħaddu l-erbat ijiem żmien minn din in-notifka ta` dan l-avviż lill parti l-oħra, l-Avukat Ghall-Għajnuna Legali jeżamina t-talba, u jekk ikun hemm l-oġġezzjonijiet, u jiddeċiedi jekk jirrakkomandax li t-talba tintlaqa`. Dan isir peress illi finalment hi l-Prim `Awla tal-Qorti ċivili li tiddeċiedi jekk it-talba tintlaqax jew le.
It-talbiet formali kollha illi saru matul is-sena 2001 ġew milqugħa. Madankollu seta` kien hemm aktar nies illi xtaqu li jagħmlu talba iżda meta ġew spjegati lilhom il-kundizzjonijiet u li dawn iridu jiġu ikkonfermati bil-ġurment, iddeċidew li ma jagħmlu l-ebda talba.
Bħalissa kemm hemm vapuri li jtajru l-bandiera Maltija li huma miżmuma f'xi port barrani minħabba xi nuqqasijiet? X'inhu l-isem ta' kull vapur, tunnellaġġ u f'liema port qed jinżamm? Jista' jgħid ukoll x'inhuma n-nuqqasijiet li nstabu mill-awtoritajiet marittimi ta' dak il-pajjiż? Kemm ilu jinżamm fil-port kull wieħed?
Response (GALEA, ĊENSU)
Huwa ferm diffiċli biex wieħed igħid kemm mill-kważi 300 bastiment inklużi yachts li huma reġistrati taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili huma miżmuma f'xi port barrani. Ir-raġunijiet għaliex bastiment jista' jinżamm milli jsallpa anke' għal ftit sigħat huma diversi. Dawn jistgħu jinkludu kemm raġunijiet kummerċjali kif ukoll minħabba xi nuqqasijiet jew defiċenzi tekniċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa t-tunnelaġġ totali u x'inhu n-numru ta' bastimenti,
jottijiet, eċċ li huma reġistrati ta' bastimenti li ġew irreġstrati għall-ewwel darba mill-
1 ta' Jannar s'issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu 2002 ġew reġistrati, taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili, 111-il bastiment, inkluż yachts b'tunellaġġ gross totali ta' 1,263,371.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar sal-lum kemm-il vapur reġistrat Malta tneħħa
mir-reġistru? Ta' kemm-il tunellaġġ kien kull wieħed? X'kienu r-raġunijiet li tneħħew
mir-reġistru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bejn 1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu 2002, 99 bastiment, inklużi yachts, ma baqgħux aktar reġistrati taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili. It-tunellaġġ totali gross ta' dawn il-bastimenti kien ta' 1,009,448. Diversi jkunu r-raġunijiet għaliex bastiment ma jibqax iktar reġistrat Malta. Dawn jinkludu anke dawk li s-sidien tagħhom stess ikunu talbu l-għeluq tar-reġistru Malti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux regolamenti fejn għalliema li għalqu l-57 sena jingħataw load ta' lezzjonijiet anqas? Dan japplika għall-għalliema fl-iskejjel kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalliema li waslu fl-aħħar erba' snin skolastiċi qabel l-eta` massima li jirtiraw u li għandhom 30 sena ta' esperjenza fit-tagħlim, jistgħu japplikaw għal tnaqqis ta' 25% tal-load ta' lezzjonijiet u jagħtu kontribut f'oqsma tat-twettiq tal-Kurrikulu.
Dan huwa parti mill-addendum iffirmat bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Malta Union of Teachers.
Dan ir-regolament japplika għall-għalliema fl-iskejjel kollha fuq talba li huma jagħmlu bħala riżultat ta' ċirkolari li toħroġ kull sena.