Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet s'issa din is-sena minn uffiċjali tad-dipartiment fid-djar ta' familji li qed jospitaw studenti barranin waqt li dawn ikunu qed joqogħdu hemm? Dawn isiru għal għarrieda? Instabu xi difetti? Jekk iva, x'passi ttieħdu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li matul din is-sena ġew investigati żewġ ilmenti dwar familji li jospitaw studenti barranin. Dawn l-ispezzjonijiet saru għal għarrieda u kienu jirrigwardaw rapporti fejn ġie allegat li familja ospitat aktar minn erba’ studenti f’ħin wieħed.
Meta saru dawn l-ispezzjonijiet irriżulta li fiż-żewġ każi kienu qed jiġu ospitati tlett studenti f’kull każ.
Peress li Malta fi ftit xhur oħra se tilgħab logħba internazzjonali tal-football kontra Israel, jista' jgħid kienx hemm kuntatti bejn il-Malta Football Association u l-pulizija biex tiġi assigurata s-sigurta` tal-players u uffiċjali Israeliti? F'każi bħal dawn il-pulizija tagħti permess lill-uffiċjali tas-sigurta` barranin li jġorru armi f'pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kull meta jkun hemm il-ħtieġa li tkun provduta sigurta, bħal fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija tieħu ħsieb li tagħmel l-arranġamenti kollha, inkluż taħdidiet ma' kull min ikun hemm bżonn. Pero`, bħal ma jista japprezza wkoll l-Onorevoli Interpellant, ma nħossx li hu għaqli illi dettalji ta' dawn l-arranġamenti għandhom jkunu pubblikati.
Nirriferi l-Ministru għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 33819. Meta vapur jinżamm minn awtorita` barranija minħabba xi difetti eċċ. l-Awtorita` Marittima Maltija ma tiġix informata? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid bħalissa kemm qed jinżammu minħabba xi difett jew nuqqas ta' tħaris ta' regolamenti tal-baħar jew xi ħaġa simili, milli isalpaw minn portijiet? X'inhu l-isem ta' kull vapur? Ta' kemm-il tunnellaġġ? Meta inżamm kull wieħed? X'kienet ir-raġuni? X'passi ttieħdu mill-Awtorita` Maltija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond il-Konvenzjonnijiet Internazzjonali, meta bastiment jinżamm minn xi awtorita' barranija milli jsalpa minħabba xi difetti, din l-awtorita' għandha d-dmir li tinforma lil l-eqreb konsolat tal-pajjiż tal-bandiera. Fil-fatt, dan isir fil-parti l-kbira sew tal-każijiet.
Min informazzjoni li għandha s'issa l-Awtorita' Marittima ta' Malta, ma jidhirx li hemm xi bastimenti Maltin li bħalissa qed jinżammu minn xi awtorita' barranija milli jsalpaw, almenu għal xi żmien twil, minħabba xi difetti.
Awtorita` Marittima Maltija — Reġistrazzjoni ta' vapuri
Question
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33821, għalkemm huwa ovvju li jkunu diversi r-raġunijiet għaliex bastiment ma jibqax reġistrat Malta, jista' l-Ministru jgħidli kemm mid-99 imsemmija fit-tweġiba ġew imġiegħla jħassru r-reġistrazzjoni tagħhom mill-awtorita` marittima Maltija? X'kien l-isem tal-vapur/jott? Ta' kemm-il tunnellaġġ kien? Meta rreġistra l-ewwel darba? X'kienet ir-raġuni li l-Awtorita` ħassret ir-reġistrazzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bejn 1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu 2002, ir-reġistrazzjoni taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili ta' 31 bastiment ġiet imħassra taħt l-artiklu 29 ta' dan l-istess Att. M'hiex il-pratikka nternazzjonali li jiġu ppublikati d-dettalji ta' dawn il-bastimenti. Madankollu, kemm ir-reġistru tal-bastiment kif ukoll iċ-ċertifikat ta' tħassir juru ċar li r-reġistrazzjoni tkun ingħalqet taħt l-imsemmi artikolu 29. Madankollu, r-reġistru tal-bastiment huwa miftuħ għall-ispezzjoni tal-pubbliku.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 33213 u 33797, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jispeċifika n-numru ta' uffiċjali/pulizija li hemm nuqqas tagħhom f'kull rank? Ma jistax jagħti l-figuri skond kemm kien hemm f'kull rank hekk kif stabilit mir-regolamenti tal-gvern?
Response (BORG, TONIO)
In-numru tal-membri fil-Korp tal-Pulizija huwa 1,753. Meta fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kien hemm Pulizija li jaħdmu fl-Ajruport bħala immigration officers u oħrajn fil-Fire Fighting Section, il-complement kien ta` 1,873, li meta tnaqqas 56 Pulizija li sussegwentement marru ma` Ċivil Protection u 41 oħra spiċċaw mill-M.I.A., in-numru jinżel għal 1,776; b`hekk id-differenza hija biss ta` 23. F`Lulju se jidħlu 72 rekluta ġdid.
Konvint li l-Onor. Interpellant jieħu gost jinnota li mill-5 ta` Settembru 1998 sal-lum ġew reklutati 175 membru ġdid, u 72 oħra huma mistennija li jidħlu x-xahar d-dieħel, total ta` 254 membru ġdid fil-Korp.
Bejn l-1997 u l-1998 ġew reklutati biss 10.
Kif wieħed jista` għalhekk jinnota il-Gvern preżenti żamm mal-wegħda tiegħu li jsaħħaħ il-Korp tal-Pulizija b`rekluti ġodda; terġa` ir-rekluti kollha (254) jipposjedu mill-inqas 3 'O' Levels (Ingliż u Malti obbligatorju) filwaqt li l-ispetturi ġodda jipposjedu "degree" universitarja jew inkella kienu surġenti li kienu jipposjedu 5 'O' Levels.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33772 dwar assenteiżmu mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u dawk indipendenti fit-tieni term ta' l-iskola skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Issa li s-sena tal-football tal-MESA spiċċat u jridu jsiru l-ħlasijiet, jista' l-Ministru jgħid jekk is-segretarjat għall-isports huwiex se joħroġ il-flus dovuti għal dawk li ħadu sehem fil-league tal-football, anke jekk ma jinstabx sponsor?
Response (GALEA, LOUIS)
Għalissa m'għandix xi nżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 33777.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi organizzazzjoni/kumpannija li talbet biex tuża xi post tal-gvern biex matul dan is-sajf isir xi tagħlim lill-barranin li jiġu biex jitgħallmu l-Ingliż? Jekk fl-affermattiv, fejn u taħt liema kundizzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar mill-iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33834, jista' l-Ministru jgħid mill-1999 'l hawn kemm żdiedu l-istudenti li qed jinġiebu mill-MUS ta' l-Universita`? Fejn jinżammu? Kemm hemm talbiet biex jiġu studenti din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-'International School of English' għandha biss in-numri ta' l-istudenti mill-2000 'l hawn. Dawn huma:-
2000 - 232 studenti
2001 - 271 studenti
Dawk proġettati għall-2002 huma 400 student.
Il-parti l-kbira ta' l-istudenti ta' l-ISE joqgħodu fil-'University Residence', filwaqt li l-oħrajn jippreferu jsibu akkomodazzjoni għal rashom.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani ta' l-Universita` ta' Malta biex jibnu zona residenzjali fuq il-campus? Saru xi negozjati mal-gvern għal xi għajnuna? Intalbet għajnuna finanzjarja biex isir dan il-proġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-pjanijiet qed jiġu maħduma flimkien ma' proġetti oħrajn li l-Universita` għandha f'dan il-qasam. Iktar informazzjoni tingħata 'l quddiem meta l-proġett jiġi mħabbar b'mod uffiċċjali. L-ideja hija differenti milli tinbena żona residenzjali, imma jinkludi post fejn studenti, riċerkaturi u għalliema universitarji ewropej u tar-reġjun Mediterranju jiltaqgħu flimkien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji li huma reġistrati biex jakkomodaw studenti barranin? Kemm fil-fatt kienu applikaw din is-sena iżda kien hemm xi wħud li ġew reġistrati?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li s-sena li għaddiet kien hemm 1031 familji reġistrati mal-Ministeru tat-Turiżmu biex jakkomodaw magħhom barranin, inkluż studenti.
Din is-sena, s’issa hemm 301 applikazzjonijiet li ġew reġistrati. Applikazzjonijiet qed jidħlu kuljum u nfurmat li n-numru totali mistenni jilħaq dak tas-sena li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu flus fl-isports fund tal-kunsill Malti ta' l-isport mit-twaqqif tiegħu? Jista' jgħid ukoll kif intefqu dawn il-fondi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus li daħlu fl-isports fund tal-Kunsill Malti għall-iSport jammontaw għal Lm79805.82. Sal-lum għadu ma ntefaq xejn minn dawn il-fondi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kors tal-midwives fis-sena skolastika li ġejja hux ser jiftaħ jew le? Jekk le, x'inhi r-raġuni għal dan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Billi l-organizzazzjoni tal-kors tal-Midwives taqa' taħt l-Institute of Health ta' l-Universita' ta' Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fejn jinżammu dawk in-nies li jkollhom jiġu rikoverati minħabba l-abbuż ta' l-alcohol? Kemm ġew rikoverati f'din l-aħħar sena? Kemm żmien inżamm l-aktar wieħed? Kemm għandha żmien l-iżgħar persuna li ġiet rikoverata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qiegħda tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar tnax-il xahar mill-1 ta' Ġunju 2001 kemm kien hemm persuni li fittxew għajnuna minħabba l-abbuż ta' l-alcohol? Kemm minn dawn il-persuni kienu diġa' talbu għajnuna qabel? Kemm kellu żmien l-akbar u kemm kellu l-iżgħar minn dawk li talbu l-għajnuna minħabba l-alcohol? Jiġi mistoqsi jekk dawn il-persuni jagħmlux xi attivita' sportiva jew le? Jekk iva, x'irriżulta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x'tip ta' "għajnuna minħabba l-abbuż ta' l-alkoħol" qed jirreferi għaliha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm matul din is-sena skolastika ngħata permess lill-istudenti fl-iskola biex jitilqu l-istudju tagħhom qabel is-sittax-il sena? Kemm kienu bniet u kemm subien? Kemm kienu mill-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja jew dawk indipendenti? X'kienu r-raġunijiet prinċipali li għalihom dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li ntilfu ġranet ta' xogħol minħabba mard matul l-ewwel 5 xhur tas-sena? Kemm kien hemm ġranet ta' mard meħuda minn ħaddiema fis-settur pubbliku u kemm fil-privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni dwar ġranet ta' xogħol mitlufa kawża ta' mard, matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena. Tajjeb li ninforma lil Onor. Interpellant li din l-istatistika tinġabar miċ-ċertifikati tal-mard li ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha tissottometti lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid, kemm bħala Ministru u kemm bħala tabib, x'effett għandu d-duħħan minn sigarett ta' ħaddieħor fuq persuna li ma tpejjipx u li tkun viċin? X'qed tagħmel it-taqsima li tippromwovi l-ġlieda kontra t-tipjip biex turi lill-pubbliku, speċjalment liż-żgħażagħ, il-periklu tat-tipjip passiv?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Hemm madwar 4,000 kimika velenuża fid-duħħan li jipproduċi s-sigarett waqt li qed jinħaraq.
F'dawn l-aħħar snin id-dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa ntensifika mal-pubbliku l-kampanja kontra t-tipjip passiv. Fil-fatt, ġew anke ippubblikati fuljetti b'tagħrif dwar din il-problema.
Qed isiru wkoll interventi fuq il-postijiet tax-xogħol fejn id-dipatiment jiġi mitlub jagħti l-għajnuna tiegħu biex tiġi mnedija smoke free policy.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu mill-pulizija kontra dawk li ħadu sehem fi ġlied u tkissir fl-istadium Nazzjonali f'Ta' Qali nhar il-Ħadd 26 ta' Mejju waqt il-logħba tat-tazza super cup bejn Hibernians u B'Kara? Tressqu xi nies il-qorti? Bl-liema akkużi? Il-pulizija kienu f'numru sodisfaċenti għall-logħba bħal din?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi in segwitu għall-inċidenti imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 8 persuni. Il-każ tagħhom għadu pendenti quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll illi kien hemm numru adekwat ta` Pulizija skond ma kienu jirrikjedu iċ-ċirkostanzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fil-post ta' assistent direttur fid-dipartiment tal-edukazjoni? Kemm ilu vakanti kull post? Liema huma il-postijiet fejn bħalissa hemm aġent direttur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, hemm post wieħed vakant fil-Grad ta' Assistent Direttur, li huwa fil-qasam tan-"Non-State Schools".
Dan il-post ilu vakat mill-21 ta' Mejju 2002. Il-proċess ta' għażla biex jimtela' dan il-post qiegħed fi stadju avvanzat. L-istess proċess ser iwassal għall-mili ta' tliet postijiet ġodda (għalhekk ma jgħoddux bħala "vakati" fil-grad ta' Assistent Direttur). Dawn it-tliet uffiċjali fil-pożizzjoni tagħhom ġdida ser jieħdu ħsieb l-Iżvilupp Kurrikulari, l-Edukazzjoni Inklussiva fl-iskejjel ġenerali u l-Iżvilupp Infrastrutturali. Fl-istess ħin, il-post ta' Assistent Direttur (Operat) fid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti ġie soppress.
Informat ukoll li fiż-żmien preżent, ma hemm ebda aġent direttur f'xi kariga ta' direttur mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. L-anqas ma hemm ebda aġent assistent direttur.