Issa li waslet biex tintemm is-sena skolastika, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex ikun żgurat li l-għalliem li ismu qed jintbagħat separatament u li fuqu kien hemem ilmenti u li inti infurmajtni li m'għandux il-kwalifiki u l-permessi biex jgħallem l-istorja ta' Malta, ma jkomplix jgħallem dan is-suġġett fis-sena skolastika 2002/03?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ġiet assigurata mis-surmast li ser ikun responsabbli tal-Kulleġġ St Edwards matul is-sena d-dieħla, li l-għalliem li kien qiegħed jgħallem l-istorja ta' Malta u li ismu ntbagħat separatament, mhux ser jgħallem dan is-suġġett is-sena skolastika d-dieħla. L-għalliem diġa' ġie nfurmat b'din id-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet mill-pulizija biex jiġi żgurat li s-sidien tal-karozzi tal-linja mhux qed iħalltu l-pitrolju mad-diesel u dan mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena? X'riżultati kien hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu imsemmi l-Pulizija ma għamlitx spezzjonijiet kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, lanqas ma kellha xi talba f`dan is-sens mill-Awtorita` dwar it-Trasport ta` Malta.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet jew ħsibijiet hemm sabiex isir żvilupp tant meħtieġ fil-baħar u fuq il-blat fil-club tal-waterpolo ta' Ta' Xbiex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li huwa ippjanat biex jinbena wiċċ ġdid tall-moll fuq il-blat fil- club tal-waterpolo pitch ta' Ta' Xbiex.Il-Marine Section f'ħdan it-Taqsima tax-Xoghlijiet ghamlet applikazzjoni lill-Awtorita ta' l-Ambjent u l-Ippjanar ghal ħruġ ta' permess biex b'hekk ikun jista jibda ix-xoghol.
L-applikazzjoni li għandha Nru. PA 2709/95, ġiet ipproċessata u qieghda fil-fażi biex titressaq lill-Kummissjoni Kontroll ta' l-Iżvilupp tal-MEPA.
Jista' l-Ministru jara li ssir skeda tal-ħinijiet li fihom tgħaddi l-karozza tal-linja minn Triq l-Isqof E. Galea, Żejtun fil-bus stop li tinsab quddiem l-istitut tas-sorijiet Ġesu Nazzarenu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta għadha għaddejja bil-proċess ta' twaħħil ta' skedi tal-ħinijiet fil-lokalitajiet kollha. Il-lokalita', bus stop, li għalih irrefera l-Onor. Interpellant huwa nkluż f'dan il-proċess.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34033 dwar persuni rikoverati minħabba l-alkaħol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li pazjenti li jkollhom jiġu rikoverati minħabba l-abbuż ta' l-alkoħol jinżammu kemm ġewwa l-isptarijiet San Luqa u Monte Carmeli, kif ukoll f'Dar Iż-Żernieq, servizz mgħoti mill-Aġenzija Sedqa.
Mill-aspett psikjatriku, dawn il-pazjenti jinżammu jew fix-Short Stay Psychiatric Unit ta' l-iSptar San Luqa jew inkella fl-Admission wards-Sala Nru. 1 Rġiel jew Sala Nru. 1 Nisa fl-iSptar Monte Carmeli. Normalment, jiġu nvoluti wkoll is-servizzi ta' Sedqa sabiex wara l-fażi akuta tal-kura psikjatrika, l-pazjent jittieħed għal rijabilitazzjoni. Fejn dan ma jkunx jista jseħħ, u l-pazjent idum aktar minn sitt xhur ġewwa l-isptar, dan normalment jiġi trasferit f'waħda mis-swali kroniċi.
L-istatistika tal-isptarijiet tiġi analizzata sena b'sena. Fis-sena 2001, 145 pazjent (109 irġiel u 36 nisa) ġew rikoverati fl-iSptar Monte Carmeli u fix-Short Stay Psychiatric Unit ta' l-iSptar San Luqa.
L-aktar persuna li nżammet fl-iSptar Monte Carmeli damet rikoverata sitt xhur u nofs. L-iżgħar persuna li ġiet rikoverata kellha 17-il sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħ pitrolju mill-1 ta' Jannar 2002? Kif jikkompara ma' l-istess żmien tas-sena li għaddiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena il-bejgħ tal-pitrolju kien ta' 7,665,600 litru. Dan l-ammont juri żieda ta' tnejn u għoxrin fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra meta l-bejgħ kien jammonta għal 6,290,870 litru.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34034? Ninfurmah li l-''għajnuna minħabba l-abbuż ta' alkaħol'' tfisser għajnuna medika u persuni li jiġu rikoverati minħabba dan l-abbuż.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-maġġoranza ta' persuni b'abbuż ta' l-alkoħol jiġu mgħejuna permezz ta' servizzi offruti mill-Aġenzija Sedqa. Fejn ikun hemm ukoll problemi psikjatriċi oħra, dawn jiġu riferuti wkoll lid-dipartiment tal-Psychiatric Outpatients u lix-Short Stay Psychiatric Unit fl-iSptar San Luqa, kif ukoll fl-iSptar Monte Carmeli.
L-istatistika ta' l-isptarijiet tiġi analizzata sena b'sena. Id-dipartiment tal-Psychiatric Outpatients iżomm biss statistika fuq numru ta' attendenzi u mhux ta' kemm pazjenti kellhom problema ta' abbuż ta' l-alkoħol. Matul is-sena 2001fix-Short Stay Psychiatric Unit kien hemm 35 admissions, filwaqt li fl-iSptar Monte Cameli kien hemm 110 admissions.
Fix-Short Stay Psychiatric Unit 18-il pazjent kienu talbu l-għajnuna qabel. Din l-istatistika ma tinżammx mid-dipartiment tal-Psychiatric Outpatients. Fl-iSptar Monte Carmeli 83 pazjent kienu talbu l-għajnuna qabel.
L-aktar persuna anzjana li ġiet rikoverata kellha 72 sena u l-iżgħar waħda kellha 17-il sena.
L-iSptar Monte Carmeli joffri diversi attivitajiet sportivi, iżda ma jinżammux records dwar kemm minn dawn il-pazjenti jagħmlu xi attivita' sportiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-linja liċenzjati biex jaħdmu fuq ir-rotot f'Malta u f'Għawdex? Dawn kollha fil-fatt joperaw fuq ir-rotot f'pajjiżna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 32053, jien infurmat li uħud minn dawk liċenzjati f'Malta ma joperawx fuq ir-rotta għax m'humiex f'kundizzjoni tajba, waqt li f'Għawdex jaħdmu b'sistema ta' roster ta' tmien karozzi kuljum.
Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 34076 dwar l-assenteiżmu fl-iskejjel u jgħid kemm-il każ ġie riferut lill-welfare section tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni talli ma tawx raġuni għaliex ma attendewx l-iskola fl-ewwel erba' xhur tas-sena? Kemm kien hemm każi li kienu ġustifikati? Kontra kemm-il persuna (ġenitur) ittieħdu passi bil-qorti minħabba dan in-nuqqas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-total ta' rapporti ta' l-assentijiżmu ta' l-istudnenti li t-Taqsima Servizzi Ħidma Soċjali fl-Iskejjel irċieva mill-kapijiet ta' l-Iskejjel, minn Jannar 2002 sa April 2002 kien 4,453.
Jan Frar Mar Apr
Skejjel Primarji 196 241 221 186
Skejjel Sekondarji
Subien 568 410 442 369
Skejjel Sekondarji
Bniet 522 452 363 346
Trade Schools 26 28 32 30
Skejjel Speċjali 1 1 1 1
Skejjel Privati 5 4 3 5
Total 1318 1136 1062 937
Grand Total 4453
Informat ukoll li minn dan it-total ta' 4.453 rapport ta' assenteiżmu, il-każijiet ġustifikati li ġew rappurtati kien ta' 2,760.
Jan Frar Mar Apr
Skejjel Primarji 113 176 144 70
Skejjel Sekondarji
Subien 417 300 309 222
Skejjel Sekondarji
Bniet 281 342 178 150
Trade Schools 18 26 20 9
Skejjel Speċjali 1 0 1 1
Total 830 826 652 452
Grand Total 2760
Informat li n-numru ta' ġenituri li tressqu l-qorti għax naqsu li jagħtu raġuni valida għall-assenteiżmu ta' uliedhom kien ta' 1,676.
Jan Frar Mar Apr
Skejjel Primarji 83 65 77 116
Skejjel Sekondarji
Subien 151 110 133 147
Skejjel Sekondarji
Bniet 241 128 185 196
Trade Schools 8 2 12 21
Skejjel Speċjali 0 1 0 0
Total 483 306 407 480
Grand Total 1676
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-ditti/banek/għaqdiet eċċ li għadhom ma ħallsux dak li kien dovut minnhom għax-xogħol extra tal-pulizija mill-1999 sal-lum? Kemm għandha tagħti kull organizzazzjoni? X'inhu issir biex dawn il-flus jinġabru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar ħlasijiet dovuti lill-Pulizija minn ditti, banek, għaqdiet eċċ, huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li qed isir kull sforz sabiex il-ħlasijiet dovuti jkunu miġbura.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 33952, jista' jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsija dwar jekk qattx kien hemm taħdidiet bejn rappreżentanti ta' l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti ma' l-awtoritajiet konċernati biex isir xi ħaġa f'dan ir-rigward? Għaliex ma kienx intlaħaq ftehim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għaddejin taħditiet bejn uffiċjali tal-MATSEC Support Unit u rappreżentanti ta' l-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti biex jesploraw dati alternattivi għall-eżamijiet taċ-Ċertifikat tal-Matrikola. L-iskop tat-taħditiet hu biex isir magħruf kif id-dati alternattivi jistgħu jaffettwaw l-iskejjel u x'jistgħu jkunu l-implikazzjonijiet fuq aspetti oħra.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 33836, dan ifisser li l-iskejjel kollha fl-ebda ħin ma biegħu dak li jissejjaħ junk food? Jista' jgħid x'jifhmu b'junk food dawk li jelenkaw l-oġġetti li jistgħu jew ma jistawx ibiegħu fit-tuck shops tal-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Safejn ninsab informat ir-regola li ma jistax jinbiegħ Junk Food mill-Canteens ta' l-iskejjel tiġi osservata, iżda huma l-ispetturi tas-saħħa pubblika li jispezzjonaw l-iskejjel u jżommu nota ta' ksur ta' dawn ir-regolamenti. Jekk l-Onor. Membru jaf b'xi każi ta' ksur tar-regolamenti napprezza li jgħaddili l-informazzjoni għall-istħarriġ meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bajjiet li dan is-sajf se jkunu ipprojbiti li jidħlu fihom bċejjeċ tal-baħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bajjiet riservati bħala swimmers' zones ġew ippubblikati fil-gazzetta tal-Gvern Nru. 17237 ta' l-14 ta' Mejju 2002.
B'riferenza għall-mistoqsija 34140, jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' jgħid x'għajnuna ta' lil Malta Racing Club matul is-sena 2001 u matul din is-sena? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi ħsieb jew ftehim dwar għajnuna oħra fil-futur u x'inhi t-tip ta' għajnuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma ngħatat ebda għajnuna lill-Malta Racing Club matul is-sena 2001 u matul din is-sena minn voti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi.
B'riferenza għall-mistoqsija 34137, jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettqu l-persuni msemmija bħala konsulenti ma' l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, dwar il-prodott turistiku u dwar l-UE rispettivament?
Response (REFALO, MICHAEL)
Dwar is-Sur George Micallef u s-Sur Lino Borg, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajtu fis-Seduta 182 għall-Mistoqsija tiegħu numru 11162.
Is-Sur Jean Micallef Grimaud hu konsulent mal-Ministeru dwar l-Unjoni Ewropeja f’suġġetti li jirrigwardjaw it-Turiżmu.
Id-dmirijiet ta’ dan il-konsulent huma:
Jirriċerka dwar dak kollu li jista’ jolqot it-Turiżmu, fl-Unjoni Ewropeja;
Jagħmel rapport kull xahar dwar din ir-riċerka kif ukoll jispjega kull ma jirriżulta minn din ir-riċerka;
Għandu l-obbligu li jattendi laqgħat dwar l-Unjoni Ewropeja iktar u iktar meta dawn ikunu jirrigwardjaw it-Turiżmu direttament jew indirettament.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna ngħatat mill-Istat biex jiġu organizzati l-logħob tal-FISEC f'Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien intlaħaq ftehim bejn is-Segretarju Parlamentari u l-Kumitat Organizzattiv tal-FISEC dwar l-għajnuna biex jiġu organizzati l-logħob tal-FISEC f'Malta. Din l-għajnuna tikkonsisti f'għotja finanzjarja li tammonta għal Lm15,000. S'issa diġa ġew mgħoddija Lm7,000. Is-Segretarjat Parlamentari qiegħed ukol jipprovdi għajnuna permezz ta' membri mill-istaff li qegħdin jgħinu fl-organizzazzjoni ta' dan il-Logħob.
Id-Dipartiment taż-Żgħażagħ, Kultura u Sport se jgħin ukoll permezz ta' rranġar u upgrading tal-faċilitajiet. Sar sforz sabiex il-Multipurpose Hall fil-Kumpless Sportiv tal-Pixxina Nazzjonali jitlesta sabiex jintuża għall-ewwel darba waqt dawn il-Logħob.
Il-faċilitajiet li s-Segretarjat Parlamentari qiegħed joffri wkoll l-użu ta' dawn il-faċilitajiet biex isir il-Logħob:
* Matthew Micallef St John Stadium
* Multipurpose Hall fil-Kumpless Sportiv ta' l-Universita`
* Pixxina Nazzjonali fil-Kumpless Sportiv ta' l-Universita`.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan is-sajf hux se jitqiegħed il-wiċċ il-ġdid tat-track ta' l-atletika tal-Marsa? Jista' jgħid lil min ingħata l-kuntratt? B'kemm? Kemm kien hemm ditti li tefgħu offerti biex jieħdu x-xogħol? Jista' jagħti lista ta' dawk li applikaw u kemm kienet kull offerta? Meta se jibda x-xogħol? Kemm hu stmat li ser idum sabiex jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tender għat-tqegħid ta' wiċċ ġdid fit-track tal-Marsa għadu qiegħed jiġi aġġudikat. Dwar l-aħħar parti tad-domanda nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30734.
Għalkemm huwa tajjeb li kulħadd ikollu chance li juża t-track ta' l-atletika tal-Marsa, jista' l-Ministru jgħid x'kontroll ikun hemm biex ma jinqalgħux inċidenti jew ma ssirx ħsara? Peress li l-gates huma dejjem miftuħa u kulħadd dieħel u ħiereġ, jista' jsir kontroll aħjar tas-sitwazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa hemm kontroll u sorveljanza kontinwa mill-istaff tat-Taqsima Sport tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u anke permezz tas-servizzi ta' watchmen għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-użu tal-faċilitajiet u biex jiġu kkontrollati xi inċidenti li jistagħu jinqalgħu.