Jista' l-Ministru jgħid xi ħlas isir mis-swimming association ta' Malta biex torganizza l-leagues differenti tal-waterpolo fil-Pixxina Nazzjonali? Kemm iħallsu kull wieħed it-timijiet tal-waterpolo li jużaw il-Pixxina Nazzjonali għat-taħriġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Aquatic Swimming Assiciation (A.S.A.), tħallas is-somma ta' Lm4,400 fis-sena li jsir f'pagament wieħed. Dan il-ħlas ikopri l-organizzazzjoni tal-leagues differenti tal-waterpolo, kompetizzjonijeit u organizzazzjoni ta' Swimming Meetings u attivitajiet oħra, kemm lokali kif ukoll internazzjoniali, kif ukoll l-użu tal-faċilitajiet għal sessjonijiet ta' taħriġ ta' l-għawm mit-team Nazzjonali. Dan il-ħlas ikopri wkoll numru ta' advertising concessions.
It-timijiet tal-waterpolo li jużaw il-Pixxina Nazzjonali għat-taħriġ iħallsu s-somma ta' Lm108 fix-xahar. Dan il-ħlas ikopri l-użu tal-faċilitajiet għal 4 sessjonijiet ta' taħriġ fil-ġimgħa.
Jista' l-Ministru jgħid x'titjib sar fil-Pixxina Nazzjonali fejn jirrigwarda l-użu tad-diving boards? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol u kemm qam?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fis-sena skolastika 2001/2, irriżenjaw, spiċċaw bil-pensjoni u mietu għalliema li kienu jaħdmu ma' l-istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena skolastika 2001-2002 kien hemm 42 għalliem u 5 instructors li rriżenjaw, 49 għalliem u 10 instructors li spiċċaw bl-eta` ta' l-irtirar, 29 għalliem ġew boarded out filwaqt li 2 għalliema u instructor mietu fis-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li bħalissa flok qed jgħallmu huma sekondati x'imkien ieħor? Jista' jgħid min huma dawn l-għalliema u ma min qegħdin jaħdmu fil-preżent?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien it-total ta' subien u bniet li qagħdu għall-eżamijiet tad-dħul għall-junior lyceum li r-riżultati tagħhom ħarġu l-ġimgħa li għaddiet? Kemm għaddew minn kull suġġett? Kemm kien hemm studenti li ġabu grad ta' A - B - C u m'għaddewx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed jitħejja rapport dettaljat u dan se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra appena jkun lest.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-għola u l-inqas marka jiġi stabbilit kull grad fl-eżamijiet tad-dħul għall-junior lyceum? Jista' jagħti l-informazzjoni għal kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed jitħejja rapport dettaljat u dan se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra appena jkun lest.
Issa li spiċċat is-sena skolastika 2001/2, jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ngħata lill-knisja għall-iskejjel tagħha skond il-ftehim bejn il-knisja u l-istat? Kemm kien l-ammont li ngħata fis-sena li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għas-sena skolastika 2000/2001 l-iskejjel tal-Knisja ngħataw Lm10,270,000. Għas-sena skolastika preżenti hu stmat li l-ammont jasal sa Lm9.5 miljun.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri bħalissa fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom huma barranin? Kemm hemm priġunieri li huma sentenzjati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-3 ta` Lulju 2002 in-numru ta` priġunieri illum kien ta` 279. It-tagħrif mitlub dwarhom hu kif ġej:-
Maltin
Sentenzjati 153
Arrestati 36
Barranin
Sentenzjati 46
Arrestati 44
Jista' l-Ministru jgħid meta l-qorti tagħmel xi rakkomandazzjoni lid-direttur tal-ħabs biex persuna ssentenzjata l-ħabs tingħata xi forma ta' kura minħabba droga jew xi ħaġa oħra, din dejjem tiġi implimentata mid-direttur tal-ħabs? Din il-kura dejjem tingħata l-ħabs jew anke barra?
Response (BORG, TONIO)
Nassigura lill-Onor. Interpellant illi kull meta l-Qorti tagħmel xi rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs, din dejjem tiġi mogħtija l-attenzjoni sħiħa u jittieħdu l-passi neċessarji biex tiġi attwata, dejjem skond ir-regolamenti tal-ħabs.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-permess nru. PA 2960/01?
Response (BORG, TONIO)
Ġaladarba l-liġi tispeċifika li pjanti huma aċċessibbli għall-pubbliku iżda ma tingħatax kopja tagħhom, ma jidhirlix li għandi naċċedi għat-talba ta` l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li pulizija li jaħdmu f'uffiċini, kemm fid-distretti kif ukoll fid-depot, ma jibqgħux jaħdmu bil-ġurnata iżda jibdew jaħdmu bix-shift? Huwa maħsub li dawn il-postijiet jimtlew minn persuni ċivili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-10 ta` Ġunju ta` din is-sena kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet minn membri tas-Servizz Ċivili li huma interessati li jkunu imħarrġa u eventwalment ingaġġati bħala Police Administrative Support Officers. Ix-xogħol tagħhom ser ikun primarjament fl-uffiċini Distrettwali tal-Pulizija. B`hekk ser ikun hemm numru ta` membri tal-Korp li bħalissa qed jagħmlu xogħol fl-uffiċini li ser ikunu jistgħu jibdew jagħmlu xogħol ta` natura pulizjeska, li ħafna minnu jinħadem fuq bażi ta` shifts.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettaq il-bord konsultattiv dwar tfal u żgħażagħ mit-twaqqif tiegħu sal-lum? Jista' jpoġġi xi dokumenti li jista' jkun li saru minn dan il-bord, fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet quddiem l-awtorita' ta' l-ippjanar għall-bini ta' djar għall-anzjani? Minn min saret kull applikazzjoni? Meta? F'liema lokalita'? Kemm f'kull dar huwa propost li jieħu persuni bħala residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond is-sistema tal-informatika tal-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u Ippjanar fil-preżent hemm 17-il applikazzjoni għall-bini ta` djar għall-anzjani.
Id-dettalji mitluba dwar dawn l-applikazzjonijiet hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol li qed isir fi Triq Gorg Borg Olivier f'San Ġiljan? Meta beda u meta huwa previst li jkun lest? Japprezza l-Ministru li kieku dan ix-xogħol sar ftit xhur ilu ma kienx jħarbat it-turiżmu fl-inħawi kif ukoll il-ħajja ta' kuljum tar-residenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ix-xogħol fi Triq Gorġ Borg Olivier kien jikkonsisti f'dan li ġej:
1 Ix-xogħol estensiv fuq il-bini mill-ġdid tal -faċilitajiet ta' St. Julians Waterpolo Club minħabba li dan kien jeħtieġ li jitwaqqgħu biex titwessa l-promenade fl-inħawi.
2 Bankini ġodda t-tul kollu tat-triq, fuq iż-żewġ naħat, inkluż tibdil estensiv fid-diversi servizzi li jgħaddu minn dawn l-inħawi.
3 Railings ta' ħadid dekorattiv ġdid fuq in-naħa tal-baħar.
4 Tiswija u kostruzzjoni ġdida tal-uċuħ tat-triq minn fejn iċ-Chains Restaurant sa fejn City of London Bar.
5 Xogħol fil-baħar biex fuqhom inbnew belveders ġodda li ppermettew it-twessieħ tal-bankina fil-parti l-aktar dejqa ta' dan il-promenade.
Ix-xogħol kien maqsum f'żewġ fażijiet.
A L-ewwel fażi nbdiet fi Frar 2001 u tlestiet f'Gunju 2001.
B It-Tieni fażi nbdiet f'Ottubru 2001 u kompliet fl-aħħar ta' Gunju 2002.
Ix-xoghol mexa qrib ħafna ta' kif ġie ppjanat. Ix-xogħol tal-baħar li fuqu riedu jinbnew il-belveders kien imfixkel mit-temp ħażin li ħakem l-inħawi għal żmien twil bejn Jannar u April ta' din is-sena. Minħabba li dan ix-xogħol intesiv fil-baħar kellu ta bilfors isir fix-xhur ta' Mejju u Gunju, dan kellu effett fuq il-kumplament tax-xogħol li sar fit-triq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kummissarju tal-pulizija hux ser jirrikonoxxi l-ħidma taż-żewġ pulizija tal-mobile squad li ssugraw ħajjithom biex salvaw persuna fl-inċident fatali fit-triq tar-Rabat il-ġimgħa li għaddiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hija il-prassi tal-Korp tal-Pulizija li jirrikonoxxi azzjonijiet mill-membri tiegħu li jmorru l`hinn minn mid-doveri ta` kull Membru tal-Korp. Fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, l-investigazzjoni għadha għaddejja. Wara li din tkun konkluża, tittieħed l-azzjoni skond ma jirriżulta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-Pulizija li bħalissa għandhom long service medal? Kemm ser jieħduha din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 200 membru tal-Korp tal-Pulizija li ingħatatilhom il-midalja għal servizz twil u effiċjenti. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi dan it-tagħrif ikun magħruf meta din tkun ser tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija bħalissa li diġa' għalqu 25 sena fil-korp? Kif inhuma mqassma f'ranks? Jista' jgħid ukoll kemm huma membri fil-korp li din is-sena għalqu/ser jagħlqu il-61 sena u b'hekk spiċċaw/ser jispiċċaw din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li fil-preżent għandhom 25 sena servizz, huma kif ġej:
GRAD
NUMRU
Kummissarju
1
Deputat Kummissarju
1
Assistant Kummissarju
4
Supretendent
12
Spettur
10
Surġent Maġġur
1
Surġent
46
Kuntistabbli
97
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul din is-sena m`hemm l-ebda membru tal-Korp li ser jagħlaq il-61 sena.
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar ix-xiri ta' karozzi tal-linji ġodda? Intlaħaq xi ftehim dwar l-importazzjoni ta' dawn il-vetturi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li żewġ karozzi tal-linja ġodda daħlu fis-servizz, waħda ġiet impurtata u l-oħra mibnija lokalment.
Ħamsa u għoxrin (25) sid ieħor iffirmaw il-kuntratt tax-xiri għall-karozzi ġodda, waqt li bħalissa hemm ħames sidien oħra fil-proċess li jiġi finaliżżat il-kuntratt tax-xiri.