specialised fostering benefit persuni li għalqu l-21 sena u għandhom diżabilità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk koppji jew individwi jistgħux jibbenefikaw mill-ispecialised fostering benefit minħabba li t-tfal tagħhom li huma ffosterjaw għalqu 21 sena u għadhom jgħixu magħhom billi għandhom xi forma ta’ diżabilità?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li c-Child in Care Benefit li jagħmel parti mill-ispecialised fostering benefit, jibqa’ jitħallas sal-eta’ ta’ 21 sena. Il-kumplament tal-ispecialised fostering benefit bħalissa jkopri t-tfal li huma elegibbli għalih sa l-eta’ ta’ 18-il sena.
B’referenza għall-mistoqsijiet preċedenti dwar Triq il-Palazzi fiż-Żejtun, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret s’issa u x’kordinament qed isir mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun sabiex din it-triq tingħata wiċċ diċenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li parti minn Triq il-Palazzi, Żejtun għandha wiċċ u għalhekk taqa’ taħt ir-responsabilta’ tal-Kunsill Lokali. Il-parti l-oħra li baqa’ f’din it-triq qatt ma ġiet mogħtija wiċċ u għalhekk ġiet inkluża fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru minn Transport Malta.
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi wkoll għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3590.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni, li kienet inbdiet qabel l-elezzjoni, dwar allegat frodi fl-użu ta' credit cards tal-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament, liema cards kien ingħad li kienu ġew użati minn uffiċjali għolja tal-istess kumpanija, li llum wieħed minnhom huwa uffiċjal għoli ħafna fis-Civil Aviation Directorate taħt Transport Malta u l-ieħor illum jinsab irtirat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-investigazzjoni msemmija tlestiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq barra mill-ispetturi tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-aħħar ta’ Settembru 2013, xahar b’xahar? Kien hemm xi ħlas ta’ overtime għal dawn l-ispezzjonijiet? Jista’ jgħid kemm kien dan il-ħlas?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispezzjonijiet li saru fuq barra huma kif muri fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kien hemm ħlas ta’
overtime
għal spezzjonijiet li saru barra l-ħin tal-uffiċċju u li jammonta għall-€58,411.80.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Kuntratt ta’ xogħol – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux jagħti s-servizzi lill-istess Ministeru u jekk fl-affermattiv jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tax-xogħol/servizz tiegħu filwaqt li jgħid minn meta beda jagħti s-servizz lil-Gvern Malti?
Response (CARDONA, CHRIS)
L-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qiegħed jagħti servizz lill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar.
Il-kuntratt eżistenti hu dak li kien ġie ffirmat f’Lulju 2009. Il-kuntratt ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Permezz tal-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji, jista’ l-Ministru jgħarraf meta ġiet irreġistrata l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk mit-twaqqif tagħha sal-lum hux dejjem ippreżentat l-accounts tagħha? Jekk le, ta’ liema sena ma ppreżentatx? Jista’ jgħid bħala proċedura x’miżuri jittieħdu kontra dawk il-kumpaniji li ma jippreżentawx l-accounts annwali kif suppost? F’dak il-każ, x’passi ttieħdu?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatamentġiet irreġistrata fl-20 t’Awissu 2007. Il-kumpanija riċentement ikkonsenjat għar-reġistrazzjoni l-accounts abridged tagħha tal-2008. Sal-lum, il-kumpanija naqset milli tikkonsenja lir-Reġistratur għar-reġistrazzjoni l-accounts għas-snin 2009, 2010 u 2011. Għal dawn in-nuqqasijiet ir-Reġistratur impona diversi multi skond il-liġi.
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar is-survey li l-Bank Ċentrali se jagħmel fost l-impjegati tiegħu mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk din il-kumpanija ntgħażlitx b’sejħa pubblika jew b’direct order? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-iskop ta’ dan is-survey, jekk hux se jsir mal-impjegati kollha klerikali jew le, u meta sar l-aħħar survey simili? Jista’ jgħid ukoll kif ġiet komunikata l-aħbar li se jsir dan is-survey mal-impjegati tal-Bank Ċentrali?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, ġiet magħżula skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti li jirrikjedu li għal kuntratti sa €25,000 il-Bank joħroġ quotations lil tal-inqas ħames kumpaniji li jipprovdu dan is-servizz. Il-bord li għamel l-evalwazzjoi rrakkomanda li l-offerta tingħata lil kumpannija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament għall-prezz ta €3,894.
L-iskop ta’ dan is-
survey
huwa li tinġabar informazzjoni mill-impjegati kollha tal-Bank (eżekuttivi, klerikali u nonklerikali) dwar kif dawn jaħsbuha fuq l-impjieg tagħhom, kif iħossuhom dwar l-impjieg tagħhom u x’inhi l-perċezzjoni tagħhom fuq dan l-impjieg. Għal dan il-għan, is-
survey
kien jikkonsisti f’mistoqsijiet dwar il-moral tal-impjegati tal-Bank; is-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol; il-benefiċċji; ir-relazzjonijiet u l-komunikazzjoni fil-Bank; l-opportunitajiet ta’ żvilupp u taħriġ; l-i
staff retention
u s-sistema ta’ rappurtaġġ fuq il-livell ta’
performance
tal-impjegati. Dan huwa l-ewwel
survey
ta’ dan it-tip fost l-impjegati tal-Bank Ċentrali.
L-aħbar ġiet komunikata permezz ta’ ittra mibgħuta mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali lil kull impjegat tal-Bank bil-posta interna fit-23 ta’ Settembru 2013.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2750 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1863, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet u meta huwa maħsub li jkunu lesti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara li ddiskutejt l-każ mas-Segretarju Permanenti tiegħi l-uniku parir li ngħatajt kien li l-każ għandu jieqaf hawn.
Jikkonferma l-Ministru li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatat promozzjoni riċenti wara li taħt l-amministrazzjoni preċedenti, anke minkejja potenzjalment kunflitt ta’ interess, diġà ħadet numru ta’ promozzjonijiet oħra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament, fit-3 t’ Awwissu 2011 ġiet assenjata xogħol speċifiku bħala Manager Naturali Malti b’salarju marbut ma’ Skala 7 tas-Servizz Ċivili, ħatra approvata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, il-PSC ta’ dak iż-żmien, wara sejħa maħruġa fit-8 t’ April 2011. Infurmat ukoll li fit-12 t’ Ottubru 2012 il-PSC ta’ dak iż-żmien reġa’ għamel sejħa u approva lill-persuna msemmija, xogħol ieħor speċifiku twil ta' 36 xahar li għandu salarju fuq massimu ta’ Skala 7 u bonus sa 10% skont il-performance, għall-Manager fuq il-Programm tal-Fisheries Control. Tajjeb li nsemmu li bi ftehim milħuq bejn il-Gvern u il-Unions, din il-persuna ingħatat status indefinit fuq il-massimu ta’ Skala 7 fl-14 ta’ Jannar 2013.
(Ara dokument nru. 1533 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 66 nhar l-Erbgħa 23 ta' Ottubru 2013)
Peress li taħt il-Gvern preċedenti meta twaqqaf il-waste management register kien ġie mwiegħed li jitwaqqaf fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk illum hemmx garanzija li l-pubbliku qed jiġi infurmat regolarment kif suppost dwar il-permitted waste facilities u activities kollha f'pajjiżna?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kellha l-obbligu, taħt ir-Regolamenti tal-2001 dwar Permessi u Kontrolli fil-Maniġġjar ta' Skart (LN 337/2001), biex tinforma lill-pubbliku dwar il-permitted waste facilities and activities'. Dan l-obbligu ma baqax fis-seħħ wara li dawn l-istess regolamenti tħassru mir-Regolamenti ta’ l-2011 dwar l-Iskart (L.N. 184 of 2011) li jġibu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-Iskart.
Irrispettivament minn dan, id-Direttorat għal protezzjoni tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA għadu jipprovdi informazzjoni dwar l-iskart fuq is-sit eletroniku tiegħu (www.mepa.org.mt), skont kif titlob sezzjoni 64 tal-Kapitlu 504 tal-Liġijiet ta' Malta dwar l-Att tal-Ambjent u l-Ippjanar tal-Izvilupp.
Ministeru għat-Turiżmu — kompożizzjoni ta’ bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — kompożizzjoni ta’ bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti statistika ta’ kemm sewa kull software fid-Dipartiment tas-Saħħa, mingħand liema kumpaniji nxtara u kemm tħallas f’manutenzjoni għalih għal dawn l-aħħar sitt snin?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, in-nefqa ta’ kull software ta’ dawn l-aħħar sitt snin li tammonta għas-somma ta:
Nefqa kapitali: €12,434,958.00
Nefqa fuq Manutenzjoni: €12,839,543.00
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3131 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Eknomoija, Investiment u l-Intrapriżi Żgħar u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kien l-impenn tal-Gvern l-ieħor dwar l-Att dwar l-Ekokontribuzzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi aktar mill-impenn ta’ ħaddieħor, id-dmir tiegħi hu li ngħid x’irriżulta. Fost kollox illi mid-diskussjonijiet li kelli ma’ diversi stakeholders ewlenin ħareġ ċar li l-Eco Contribution Act la ħadmet kif maħsub u lanqas ma tagħat l-ebda frott kemm lin-nies tan-negozju u wisq anqas lill-konsumatur. Għaldaqstant aħna impenjati li nħarsu lejn u nikkunsidraw l-għażliet kollha.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3216 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jara li tittieħed azzjoni sabiex ħsara fil-ġibjun iż-żgħir li jinsab fil-viċinanzi ta' Tas-Silġ u li ilu jiġi rrappurtat aktar minn sitt ġimgħat, u dan b'detriment għall-bdiewa tal-inħawi jiġi msewwi mingħajr aktar dewmien? Jista’ jinvestiga x'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien meta normalment ħsara simili kienet tissewwa f'qasir żmien?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’dawn il-ġranet inbdew it-tiswijiet fuq il-ġibjun ta’ Tas-Silġ u jekk ma jkunx hemm xi imprevist dawn għandhom jitlestew fil-futur qrib. Ninsab infurmat ukoll li r-raġuni ewlenija għaliex l-ġibjun ma ssewwiex mill-ewwel kienet motivata mill-ħsieb li ma jkunx għaqli li tbattal l-ilma kollu tal-ġibjun fis-sajf, meta l-bdiewa l-iktar li jkollhom bżonn l-ilma.
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi fil-konfront ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minħabba li din qalet kliem dispreġjattiv u nieqes mir-rispett fil-konfront tal-Ministru, kif ukoll li qed toħloq problemi u diffikultajiet bla bżonn fl-għoti tal-mediċini mill-Isptar San Luqa?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li dan l-ilment qed jiġi segwid mid-Dipartiment tas-Segretarjat.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — kompożizzjoni ta’ bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tagħrif huwa mqassam kif ġej:-
Dok 'A' - MCAST
Dok 'B' - Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki
Dok 'C' - Universita' ta' Malta
Dok 'D' - Kunsill Malti għall-Isport
Dok 'E' - Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ
Dok 'F' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija
Dok 'G' - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada
Dok 'H' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni, li kienet inbdiet qabel l-elezzjoni, dwar allegat frodi fl-użu ta' credit cards tal-Malta Air Traffic Services Ltd, liema cards kien intqal li kienu ġew użati minn uffiċjali għolja tal-istess kumpanija, li llum wieħed minnhom huwa uffiċjal għoli ħafna fid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili taħt Transport Malta u l-ieħor huwa rtirat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata fil-mument opportun.
Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – stennija għal admission
Question
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm persuni li damu iktar minn 24 siegħa fuq stretcher fl-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei sakemm issejħu biex jingħataw sodda, xahar b'xahar, matul l-2012?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Patient Administration System tal-Isptar Mater Dei, in-numru ta’ pazjenti li damu fuq stretcher fl-Emerġenza għal iktar minn 24 siegħa sakemm ingħatatilhom sodda fis-sala bejn Jannar u Diċembru tas-sena 2012 huma total ta’ħames mija u sitta u għoxrin (526).
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar numru ta' referral applications li nżammu fl-Isptar Mater Dei qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ referral applications pendenti bejn is-16 ta' Novembru 2012 u 9 ta' Marzu 2013 kien jammonta għall-3891. Dawn kienu jinkludu referral tickets għall-Medical OutPatients (Gastro biss), Surgical Out-Patients, Orthopaedics, u l-Pain Clinic.