Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #35218 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn Ġunju sa Awissu, separatament, kemm sar serq ta': a) vetturi b) minn vetturi? Kemm mill-vetturi misruqa nstabu? Jista' jelenka minn fejn l-aktar li nsterqu vetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn Ġunju sa Awissu 2002 ġew irraportati lill-Pulizija 148 serqa ta` vetturi u 752 serqa minn vetturi. Mill-vetturi misruqa, instabu 103. Il-lokalitajiet fejn l-aktar li nsterqu vetturi huma Qormi, San Ġiljan, Pieta`, San Pawl il-Baħar, tas-Sliema u l-Mellieħa.
Leg 9 PQ #35219 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid fix-xhur ta' Ġunju, Lulju u Awissu separatament kemm kien in-numru totali ta' serq li ġew irrapurtati lill-pulizija? Kemm minn dawn kienu minn djar? Mil-liema lokalitajiet l-aktar li sar serq minn djar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` serqiet irrappurtati lill-Pulizija fix-xhur ta` Ġunju, Lulju u Awissu 2002, kien ta` 799, 1,099, u 1,009 rispettivament. Minn dawn is-serq minn djar kien ta` 54, 68, u 63. Il-lokalitajiet li l-aktar kien hemm serq minn djar huma San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, il-Mellieħa, San Ġiljan u l-Mosta.
Leg 9 PQ #35220 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk inqabdux makni illegali tal-logħob f'Malta u Għawdex? F'liema lokalitajiet? Jista' jagħti l-figuri għall-ewwel tmien xhur tas-sena u jgħid ukoll x'passi ittieħdu kontra s-sidien tal-postijiet konċernati? Jista' jagħti l-ismijiet tal-ħwienet/każini eċċ fejn instabu peress li dawn il-makni huma ta' rovina kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Awissu 2002, il-Pulizija qabdet 26 kaxxa tal-logħob illegali fil-lokalitajiet ta` San Ġiljan, San Ġwann, Buġibba, il-Belt, M`Xlokk u Ħaż Żabbar. Infurmat ukoll illi 14-il persuna tressqu l-Qorti dwar dawn l-abbużi.
Leg 9 PQ #35221 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jara li l-pulizija tagħmel aktar sorveljanza fil-playground ta' San Ġiljan (quddiem il-Wembley) peress li qed ikun hemm tfal taħt l-eta' jixorbu xorb alkoħoliku speċjalment fi tmiem il-ġimgħa? Jista' jara li l-pulizija tad-distrett tara li l-ħwienet tal-merċa jagħlqu fil-ħin stipulat fil-liċenzja peress li hemm rapporti li dawn jistgħu jbiegħu xorb alkoħoliku lit-tfal taħt l-eta'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-Pulizija qed tagħmel sorveljanza fil-playground imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi il-Pulizija tad-Distrett ta` San Ġiljan jagħmlu wkoll ronda fl-inħawi, sabiex jassigurawli l-ħinijiet ta` l-għeluq tal-ħwienet jiġu osservati.
Leg 9 PQ #35222 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'Ġunju, Lulju u Awissu separatament kemm-il żagħżugħ instab mill-pulizija f'xi post ta' divertiment meta dawn iż-żgħażagħ kienu taħt is-sittax il-sena? F'liema lokalitajiet? Kemm minn dawn kienu barranin? X'passi ittieħdu kontra s-sidien? Kemm-il sid kien involut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn Ġunju sa Awissu 2002, il-Pulizija qabdet persuna waħda taħt is-sittax-il sena f`post ta` divertiment. B`riżultat ta` dan, il-Pulizija qed tieħu passi quddiem il-Qorti kontra is-sid ta` dan il-ħanut fil-Belt u mistenni jitressaq fit-12 ta` Settembru 2002 akkużat talli ippermetta persuna taħt l-eta` fil-ħanut tiegħu.
Leg 9 PQ #35223 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Tipjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm imwiet fl-ewwel tmien xhur tas-sena - direttament/indirettament mit-tipjip? Kemm kienu irġiel u kemm nisa? Jista' jelenka l-kawża proprja tal-mewt?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fl-ewwel seba' xhur tas-sena 2002 ġew irreġistrati 228 imwiet li huma kunsidrati direttament jew indirettament ikkawżati mit-tipjip. Minn dawn, kien hemm 159 raġel u 69 mara. Il-kawżi propji tal-imwiet kienu: kankru tal-pulmun u tal-pajp tan-nifs, mard kroniku tal-pulmun bħal bronkite kronika, u mard kroniku tal-qalb li jinkludi attakki tal-qalb. Iċ-ċifri għax-xahar ta' Awwissu 2002 għadhom qiegħdin jinġabru.
Leg 9 PQ #35212 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mal-MDC? Min huma? Kemm qed jitħallas kull wieħed minnhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp għandha erba' konsulenti f'malta u tnejn barra minn Malta. L-informazzjoni mitluba dwar dawn il-konsulenti hija kif tidher hawn taħt: KONSULENTI LOKALI KONSULENT PERJODU TA' KONSULENZA AMMONT Oliver Ellul 1.7.2002 - 30.6.2003 Lm 5,940 Victor J Bugeja P.L. 1.4.2001 - 31.3.2004 Lm 3,795 Dr. Mario Vella 1.5.2001 - 30.4.2003 Lm19,224 FHRD Ltd. 1.2.2002 - 31.1.2003 Lm10,356 KONSULENTI BARRA MINN MALTA Sean D. Mifsud (fil-Ġappun) 1.1.2002 - 31.12.2002 Lm 7,500 S. Mompalao de Piro (fil-Ġermanja) 1.1.2001 - 31.12.2002 Lm11,040 Il-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp għandha wkoll ħmistax-il konsulent, bejn lokali u barranin, li jitħallsu success fee għal kull proġett li jirnexxielhom jattiraw lejn Malta u li jkun ġie approvat mill-Korporazzjoni.
Leg 9 PQ #35213 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministu jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li jinstabu sospiżi? Fuq liema akkużi? Ta' liema rank huma? Meta ġie sospiż kull wieħed? Dawn se jitressqu l-qorti? Minn dawk li diġa tressqu l-qorti meta dehru l-ewwel darba? Hemm xi membri tal-korp li ġew akkużati b'xi reat u li mhumiex sospiżi? X'inhuma l-akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #35214 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 35048, jista' jgħid kemm applikaw biex joqgħodu għall-kors ta' spetturi tal-pulizija fl-akkademja? Kemm huma diġa membri tal-korp? Jista' jgħid kemm b'kollox ma ġewx aċċettati minn dawk li applikaw oriġinarjament? Għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 60 applikant li wieġbu għas-sejħa għal applikazzjonijiet għall-postijiet ta` Spetturi fil-Korp tal-Pulizija li kienet ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta` Ġunju 2002. Minn dawn 34 huma membri tal-Korp tal-Pulizija. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed ikunu pproċessati.

Vetturi — Liċenzji

Question

Nirriferi lilll-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 35047, mis-6908 sid ta' vetturi li ma ħallsux il-liċenzja sa l-aħħar ta' Ġunju, kemm issa ħallsu l-liċenzja? Dawk li għadhom ma ħallsux il-liċenzja tħallew jiġru b'vettura mhux liċenzjata? Ittieħdu passi legali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mis-6908 sid ta' vettura li ma kienux ħallsu l-liċenzja tal-vettura sa l-aħħar ta' Ġunju 2002, kien hemm 1650 sid li ħallsu l-liċenzja tal-vettura tagħhom sal-31 t'Awissu 2002. Dawk li għadhom ma ħallsux il-liċenzja tat-triq ma għandhom l-ebda dritt jużaw il-vettura tagħhom fit-triq u jekk jinqabdu jagħmlu hekk jiġu mħarrka. Id-Dipartiment ma ħax passi legali kontra dawn is-sidien għax qiegħed jipprova metodi alternattivi, bħal l-użu tal-pulizija , biex jirkupra l-flus dovuti lid-Dipartiment. Bħalma wieħed jista jara, s'issa rnexxielna niġbru flus dovuti mingħand 1650 sid ta' vettura.
Leg 9 PQ #35216 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' serq lill-management tal-pixxina nazzjonali bejn Mejju u Awissu? X'kienu l-affarijiet misruqa? Min hija l-persuna li hija responsabbli mis-solveljanza tal-ħaddiema tal-pixxina? Jaf li kien hemm ilmenti, anke fil-gazzetti, li għawwiema qed jiksru ir-regolamenti mingħajr ħadd ma jieħu azzjoni u li mhux qed isir tindif kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bejn Mejju u Awissu ta' din is-sena saru 22 rapport ta' serq ta' oġġetti personali mill-Pixxina Nazzjonali. Ir-responsabbilita` tat-tmexxija (inkluża s-sorveljanza) tal-Pixxina Nazjonali taqa` fuq iċ-Chairman. Ninsab żgurat li l-ħaddiema kollha jagħmlu kemm jistgħu sorveljanza fuq il-post, b'mod speċjali ħdejn iċ-changing rooms u fuq id-deck. Dwar l-aħħar parti tad-domanda infurmat li kull darba li kien hemm xi ksur ta' regolamenti l-management dejjem ġibed l-attenzjoni ta' l-individwi konċernati. Dawn il-ksur ta' regolamenti ma kienux ta' natura gravi. Informat li t-tindif fuq il-post qiegħed isir kif suppost. Fil-fatt dan l-aħħar saret inspection minn Health Inspector u ma jirriżulta li kien hemm xejn li jista' jkun ta' riskju għas-saħħa.
Leg 9 PQ #35217 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Aids

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fl-ewwel tmien xhur tas-sena ġew identifikati każi ta' aids? Kemm kien hemm każi ta' HIV positive? X'inhu n-numru totali ta' każi ta' aids u ta' HIV positive li ġew identifikati f'pajjiżna? Kemm minn dawn kienu barranin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fl-ewwel tmien xhur tas-sena 2002 ġew notifikati żewġ każi ta` AIDS u tliet każi HIV positive. Wieħed mill-HIV positive kien barrani. In-numru totali ta` każi AIDS identifikati f'pajjiżna sa l-aħħar ta` Awissu 2002 kien ta` 53. Il-figuri għall-AIDS huwa għal residenti Maltin biss. In-numru ta` każi ta` HIV positive sa l-aħħar ta` Awissu 2002 kien ta` 197. Minn dawn, tnejn kienu barranin.
Leg 9 PQ #35180 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

EXPO 2001

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern ħax deċiżjoni dwar lil liema pajjiż ser jagħti l-appoġġ tiegħu sabiex jorganizza l-EXPO 2010? Jista' jgħid jekk kienx hemm kuntatti ma' xi pajjiżi li huma nteressati li jorganizzaw l-EXPO 2010? Jekk iva, jista' jagħti xi dettalji ta' dak li ġie diskuss?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li bħala membru fuq il-Bureau International des Expositions, Malta ser ikollha sehem fid-deċiżjoni dwar liema belt ser tingħata d-dritt biex torganizza l-EXPO fis-sena 2010. Fil-fatt hemm mill-anqas ħamest ibliet li ddikjaraw il-kandidatura tagħhom biex jorganizzaw din l-attivita'. Malta għadha ma ħaditx pożizzjoni dwar lil liema belt ser tappoġġja. Għaldaqstant l-uniċi komunikazzjonijiet konnessi ma' dan is-suġġett kienu esklussivament min-naħa ta' xi wħud mill-ibliet involuti li għamlu rappreżentazzjonijiet dwar il-preparamenti tagħhom biex ikunu jistgħu jorganizzaw l-EXPO kemm il-darba tingħażel il-belt tagħhom.
Leg 9 PQ #35181 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Salarji/Overtime

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34710, jista' jgħid mis-sena 1998 sal-lum, kemm tħallsu flus, sena b'sena, għal salarji u overtime separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 34710 f'Seduta 782.
Leg 9 PQ #35182 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

EU

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34717, li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u cioe', b'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 19834, jista' jgħid jekk il-liġi msemmija ġietx emendata jew le? Jekk iva, dan sar b'liema avviż legali? Jekk le, meta hu maħsub li dan isir?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Liġi tal-kontroll tat-tipjip tat-tabakk għadha ma ġietx emendata u l-abbozz għad irid jiġi diskuss fil-Parlament.
Leg 9 PQ #35184 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34734, jista' il-Ministru jgħid wara li l-kabinett Nazzjonalista kien iddeċieda li jagħti somma flus lill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, x'inhi r-raġuni li l-każ għadu quddiem il-qorti, meta dan ħa s-somma li ried?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 34734.

Żejtun — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser jinfetaħ l-aċċess minn triq ġdida kantuniera ma' Triq il-Vittmi tal-Gwerra fiż-Żejtun għal Triq il-President Anton Buttiġieġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tfassal programm ta' xogħlijiet mal-pajjiż kollu u filwaqt li fil-preżent għaddej xogħol f'din il-lokalita', ix-xogħol biex titniffed din it-triq isir skond il-prijoritajiet ta' dan il-programm.
Leg 9 PQ #35211 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm self-employed u negozji li kienu rreġistraw għall-VAT f'Jannar tas-sena 1995? Kemm minn dawn ħarġu mis-sistema wara Settembru 1998? Mit-total ta' VAT miġbura fis-sena 2001, kemm minnha oriġina minn oġġetti mpurtati, kemm minn oġġetti prodotti lokalment u kemm minn servizzi domestiċi? Jekk Malta tissieħeb fl-UE, kemm minn dak li jinġabar f'VAT jinżamm mill-Gvern Malti?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru totali ta' persuni reġistrati għall-VAT f'Jannar 1995 kien ta' 34,096. Minn Settembru 1998 sal-lum ħarġu mis-sistema (deregistrations) 10,330, fil-waqt li fl-istess perjodu 13,223 daħlu ġodda fis-sistema. Rigward it-tieni parti tad-domanda, billi l-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT (denunzja) ma titlobx li jiġi irrappurtat separatament il-bejgħ ta' prodotti importati u manifatturati lokalment, l-informazzjoni mitluba mhux possibli li tingħata. Iżda, nista' ngħid li mid-dħul nett mill-VAT ta' Lm114,667,697 fis-sena 2001, is-somma ta' Lm57,536,765 inġabret mill-ħlas tal-VAT fuq bejgħ ta' prodotti (lokali u mportati) servizzi kif ukoll akkommodazzjoni turistika. Is-somma ta' Lm57,130,932 inġabret direttament fid-Dwana fuq prodotti importati. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, it-tagħrif mitlub mhux possibli li jingħata minħabba li dan jiddependi mid-diskussjonijiet li għadhom qegħdin isiru dwar dan is-suġġett.

Air Malta

Question

B'riferenza għas-sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew il-postijiet vakanti ta' kontrolluri ta' l-ajru mal-Malta Air Traffic Services Ltd, li ħarġu fl-10 ta' Mejju 2002, jista' l-Ministru jgħid: kemm applikaw? Kemm minnhom kienu eliġibli u sarilhom l-interview/eżami? Kemm minnhom ma għaddewx mill-board ta' l-għażla? X'kienu r-raġunijiet għala ma għaddewx mill-interview/eżami?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistqosija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #34620 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsascala — Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fis-sitt klassi fl-iskola primarja ta' Sant'Anna f'Marsascala, fis-snin skolastiċi 2000 - 2001 u 2001 - 2002? Jista' jagħti din l-informazzjoni separatament għas-subien u l-bniet? Kemm minnhom qagħdu għall-eżami tal-junior lyceum u kemm għaddew? Jista' jgħid ukoll kemm studenti tas-sitt klassi għamlu eżami sabiex jidħlu f'xi skola sekondarja tal-knisja? Kemm minnhom għaddew? Jista' jagħti din l-informazzjoni bniet għalihom u subien għalihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li l-popolazzjoni fil-Year 6 fl-iskola primarja ta' Marsascala kienet kif spjegat hawn taħt: Subien Bniet Total 2000-2001 18 28 46 2001-2002 28 23 51 Infurmat ukoll li l-iskejjel ma jżommux statistika dwar l-eżamijiet tal-Knisja. Rigward il-parti tal-Mistoqsija li tirreferi għall-eżami tal-Junior Lyceum nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 34553 u 34554.