Jista' il-Ministru jgħid minn min hu fformat il-kumitat tat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq? Kemm minnhom għandhom salarju/allowance? Għandhom xi benefiċċji oħra? Jista' jagħti d-dettalji tas-salarji, allowances u benefiċċji oħra ta' kull uffiċjal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat tat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali huwa ffurmat hekk:
Is-Sur Maurice Gruppetta - Chairman
Is-Sur Joe Cassar - Segretarju tal-Bord
Is-Sur Franco Azzopardi - Direttur tal-Finanzi
Is-Sur Peter Bonello - Membru
Is-Sur Robert Ebejer - Membru
Informat ukoll li ċ-Chairman jirċievi remunerazzjoni ta' Lm750 fix-xahar u bonus ekwivalenti għal 10% tal-cash surplus tas-sena finanzjarja preċedenti. Il-membri l-oħra tal-Bord jirċievu remunerazzjoni ta' Lm1000 fis-sena.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni issa rigward studenti li l-għalliema tagħhom iridu jeħduhom fuq żjajjar kulturali wara d-deċiżjoni ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu li timmulta għalliem li kien qed jispjega dwar monument storiku?
Response (GALEA, LOUIS)
Fi stqarrija pubblika l-MTA insistiet li qatt ma kienet u lanqas hi l-politika jew il-prattika ta' l-Awtorita` li tieħu passi kontra membri tal-professjoni ta' l-għalliema li jkunu qed jieħdu ħsieb studenti ta' l-iskejjel primarji, sekondarji u terzjarji fuq żjarat kulturali f'mużewijiet u postijiet storiċi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex obbligatorju li jkun hemm superviżjoni ta' adulti fuq vannijiet/buses li jintużaw biex iġorru t-tfal lejn u mill-iskola? Min huwa responsabbli jekk jinqala' xi inċident?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux obbligatorju li jkun hemm superviżjoni ta' adulti fuq vannijiet/buses waqt il-ġarr lejn u mill-iskola, ħlief waqt ġarr tat-tfal bi bżonnijiet speċjali. Meta kien hemm superviżjoni ta' adulti mat-tfal waqt il-ġarr lejn u mill-iskola, dan kien organizzat mill-Kunsill Skolastiku mill-istess ġenituri.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat biex tagħmel it-test tas-sewqan fl-ewwel tmien xhur tas-sena? Kemm saru minn dawn it-testijiet? Kemm-il persuna għaddiet? Meta xi ħadd jeħel minn dan it-test meta jerġa' jissejjaħ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' persuni li applikaw għat-test tas-sewqan fl-ewwel tmien xhur tas-sena 2002, kemm saru testijiet u kemm il-persuna għaddiet huwa kif ġej:
Numru ta' Applikazzjonijiet 5,361
Numru ta' testijiet li saru 5,805
Numru ta' persuni li għaddew mit-test 5,262
Il-proċeduri wżati mid-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet (D.L.T.) meta xi ħadd jeħel mit-Test tas-sewqan huma dawn:
a) jekk l-applikant qiegħed ma' skola tas-sewqan, din terġa tissottometti nominazzjoni lid-D.L.T. għal test ieħor. Id-data tiġi ffissata mill-istess skola tas-sewqan.
b) jekk l-applikant qiegħed ma' instructor privat, jirċievi appuntament ieħor mid-D.L.T. fl-eqreb data possibli.
c) f'każ li l-applikant jeħel mi-test orali (l-aħħar parti tat-test), kemm jekk qiegħed ma' skola tas-sewqan jew instructor privat, jirċievi appuntament għal test orali biss mid-D.L.T. fl-eqreb data possibli.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi kuntatti bejn il-Gvern Malti u dak ta' l-Istati Uniti dwar il-problema ta' l-Iraq? Jista' jgħid jekk il-Gvern Malti għamilx xi forma ta' pressjoni fuq l-Istati Uniti biex qabel ma tieħu xi azzjoni militari din tagħmlu taħt l-awspiċi tal-Ġnus Magħquda?
Response (BORG, JOE)
Meta indirizzajt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-15 ta' Settembru li għadda, kont sħaqt f'isem il-Gvern Malti, l-Gvern Iraqin għandu jonora l-obbligi tiegħu kollha taħt ir-riżoluzzjonijiet relattivi tal-Kunsill tas-Sigurta'.
Sostnejt ukoll l-pożizzjoni tal-Gvern Malti li:
"The International community should spare no effort in exploring all political and diplomatic options that would or could assist in resolving the issue. Malta is in agreement with the Secretary General that if Iraq fails to meet its obligations, the Security Council, as an organ primarily entrusted with the responsibility for the maintenance of international peace and security, must shoulder and face its responsibilities. The Security Council has to ensure compliance with its own resolutions in the interest of the international rule of law."
Irrid ngħid illi dan il-messaġġ tal-Gvern Malti twassal għand dawk il-pajjiżi, inkluż l-Istati Uniti, li staqsew dwar x'pożizzjoni qed tieħu Malta f'din iċ-ċirkostanza.
Jista' il-Ministru jgħid peress li survey reċenti wera li 40% tal-gassijiet tossiċi fl-arja Maltija jiġu mid-dħaħen ta' l-exhaust tal-vetturi, x'inhu jagħmel biex jara li dan jitnaqqas u b'hekk ikollna ambjent aktar nadif? Saru xi diskussjonijet mal-ministeru tat-trasport dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Il-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent permezz ta` l-Awtorita` ta` l-Ambjent u Ippjanar qiegħed kontinwament f`diskussjonijiet ma` l-Awtorita` tat-Trasport dwar tħejjija ta` programm ta` miżuri għat-tnaqqis ta` dħaħen ta` l-exhaust tal-vetturi. L-implimentazzjoni tat-tnaqqis ta` dħaħen ta` l-exhaust tal-vetturi taqa` taħt din l-Awtorita`.
L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub li jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru responsabbli mill-Awtorita` tat-Trasport għal aktar tagħrif.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jsir mid-dipartiment tat-trasport biex jitnaqqsu l-veleni tossiċi li joħorġu mill-exhaust tal-vetturi biex b'hekk ikollna ambjent aħjar u jkun hemm anqas riskju għas-saħħa taċ-ċittadini?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet jitlob ċertifikat tal-VRT (kull sena jew sentejn skond il-kategorija tal-vettura) qabel tiġġedded il-Liċenzja tat-triq. Parti importanti minn dan it-test hija l-emissions ta' l-exhaust. Mill-1 ta' Jannar 2002, kull vettura li ma tgħaddix mit-test li jsirilha fuq l-emissions ma tingħatax ċertifikat tal-VRT.
Il-parametri tat-test fuq l-emissions ta' l-exhaust ingħataw fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari nru 32173.
Jista' il-Ministru jgħid jekk isirux testijiet għall-għarrieda fuq vetturi biex ikun żgurat li ma jkunux qed idaħħnu żżejjed u b'hekk iħammġu l-ambjent? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti l-figuri dwar kemm-il vettura twaqqfet u x'riżultati kien hemm? X'passi ttieħdu? X'apparat jintuża għal dan il-għan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li preżentament mhumiex isiru testijiet għall-għarrieda fuq vetturi biex ikun żgurat li ma jkunux qed idaħħnu żżejjed.
Jista' il-Ministru jgħid peress li f'dawn l-aħħar jiem kien hemm ħafna lmenti fil-gazzetti dwar vandaliżmu fil-Pixxina Nazzjonali, jista' jgħid kemm hu stmat (fi flus) li sar vandaliżmu mill-1 ta' Jannar 2002 s'issa? X'kien il-vandaliżmu li sar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-atti ta' vandaliżmu li saru fil-Pixxina Nazzjonali matul din is-sena jinkludu:
* tkissir ta' ħġieġ, twieqi u bibien
* tkissir ta' suffetti
* tkissir ta' ċwievet ta' lockers ġodda
* tkissir u serq ta' toilet seats u shower heads, u
ħsarat fis-sistema tax-showers
* tkissir ta' hand dryers
* tqattih u serq ta' shower curtains
In-nefqa totali biex saru t-tiswijiet meħtieġa kienet madwar Lm800. Din il-figura ma tinkludix il-ħlas tal-ħaddiema tal-Maintenance tal-Pixxina Nazzjonali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-1995 sal-lum saru tiswijiet lill-madum fuq xi waħda miż-żewġ vaski li hemm fil-Pixxina Nazzjonali? Jista' jgħid kemm-il darba inqala' l-madum kollu jew parti sostanzjali minnu mill-1995? Kemm qam ix-xogħol kull darba? Lil min ingħata l-kuntratt kull darba? Dan dejjem sar bl-offerti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-1995 s'issa t-tiswijiet li saru lill-madum fil-vaski tal-Pixxina kienu:-
1998
Inqala' l-madum kollu tal-qiegħ tal-Pixxina prinċipali u dan ġie mibdul. Ix-xogħol fuq din it-tiswija kien sar mill-kuntrattur oriġinali u l-kont tiegħu kien ta' Lm39,011. Dan l-ammont qed jiġi kkontestat mill-Gvern.
2001
Inqala' l-madum tad-Diving Pool. Parti minnu ġie mibdul u parti oħra ġiet miżbugħa. Dan l-ammont (Lm4,965) tħallas mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u parti oħra (Lm1,565) ġie mħallas mill-fondi tal-Pixxina. Dan il-kuntratt ingħata b'direct order lil 'Rea Ceramics' għal proviżjon u tqegħid ta' madum u għal proviżjon ta' żebgħa.
Jista' il-Ministru jelenka liema huma dawk l-għaqdiet jew persuni li għandhom xi postijiet mikrija fil-bini tal-Pixxina Nazzjonali? Kemm iħallsu kull sena? Meta sar kuntratt magħhom l-ewwel darba? Kollha huma regolari fil-ħlas? Hemm xi għaqdiet jew persuni li għandhom xi parti, iżda li ma jħallsux kera? Jekk fl-affermattiv, liema huma u x'inhi r-raġuni li ma tinżammx kera?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm inkjesti maġisterjali pendenti quddiem kull maġistrat u kemm ilu l-aktar wieħed li għadu ma ngħalaqx quddiem kull ġudikant?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid xi proċedura tintuża biex jinħatar il-Qorti ta' l-Appell Kriminali li jisma' appelli minn ġurijiet? Kif jiġi kostitwit kull Qorti ta' l-Appell ieħor? Il-ġudikanti kollha tal-Qorti Superjuri jistgħu joqgħodu f'kull Qorti ta' l-Appell?
Response (GATT, AUSTIN)
Id-dmirijiet ta` l-Imħallfin, fosthom il-Qorti ta` l-Apell Kriminali, jitfasslu mis-Sinjorija Tiegħu l-Onorevoli Prim Imħallef wara konsultazzjoni mas-Sinjuri Imħallfin.
Huwa jirrakkomanda dawn id-dmirijiet lil-Ministru dal-Ġustizzja li wara jagħti parir lill-Eċċellenza Tiegħu il-President ta` Malta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu.
Kull Imħallef jista` joqgħod f`kull Qorti tal-Appell.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-impjanti li ser jintużaw għall-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar is-sena d-dieħla li għad qed isir xogħol fihom? Liema xogħol fadal li isir f'kull wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawk l-impjanti li ser jintużaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2003 u li għadu qed isir ix-xogħol fihom huma:
Matthew Micallef St John - Resurfacing tat-track
Stadium (Atletika)
Kumpless Sportiv Kottonera - Tkomplija ta' xogħol ta' kostruzzjoni,
(Volleyball) xogħol tas-saqaf, finishing u landscaping
fuq barra
Bidnija Shooting Range - Bdil ta' molol ġodda ta' l-armi (dan it-
(Sparar) tagħmir diġa` mixtri)
Padiljun ta' l-Isports Għawdex - Xogħol ta' manutenzjoni ta' l-art
(Table Tennis)
Pixxina Nazzjonali (Għawm) - Tibdil ta' madum
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefaq s'issa fuq il-bini/tagħmir li sar fil-kumpless sportiv tal-Cottonera? Kemm tħallas? Jista' jelenka l-kuntratti li ngħataw, lil min u kemm kien jiswa kull kuntratt? Dawn kollha ħarġu bl-offerti? Għad fadal kuntratti li jridu jingħataw?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li ser jiswa lill-gvern it-trasport tat-tfal ta' l-iskola ta' l-Istat għas-sena skolastika li jmiss? Ħarġu offerti għall-kuntratt? Lil min ingħata? Kemm hemm rotot li jridu jsiru skond il-ftehim li sar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hu stmat li biż-żieda li ngħatat is-somma ser tlaħħaq kważi Lm7000 għal kull jum ta' skola. Il-vjaġġi ingħataw lil tliet għaqdiet "Unscheduled Bus Service", il-'Public Transport Association' u l-Għaqda Mini Buses. Skond il-ftehim hu kalkolat li jsiru 737 rotta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm scrap yards liċenzjati f'Malta? F'liema lokalita' huma? Il-MEPA taf b'xi scrap yards illegali f'Malta? Ser timxi bl-istess mod u tneħħihom minnufih kif għamlet f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hawn 8 liċenzji tal-Pulizija li jkopru scrap yards. Dawn jinsabu kif ġej: - 2 f`Ħal Luqa u 1 f`kull waħda minn dawn il-lokalitajiet: Kalkara, Għaxaq, Żejtun, Mosta, Burmarrad u San Pawl il-Baħar.
L-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar taf li hawn il` fuq minn 60 scrap yard oħra f`Malta mingħajr permess.
Minħabba l-iskala ta` l-operazzjoni huwa previst li l-'iscrapyards' ta` Malta jitneħħew fuq medda ta` żmien u mhux kollha f`daqqa. Ta' min jinforma lill-Onor. Membru li f'dawn l-aħħar sentejn tneħħew mill-MEPA sittax-il scrapyard f'Malta u tmienja f'Għawdex.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35422, jista’ jgħid kemm intnefqu flus biex inxtraw kotba ġodda għall-użu ta’ l-istudenti li jattendu l-iskejjel ta’ l-Istat għas-sena skolastika li se tibda fi ftit jiem? Ta’ liema suġġetti u ta’ liema livell? Jista’ jagħti l-istess dettalji għas-sena skolastika li għaddiet ukoll?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35421, li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, jista’ jgħid min hu responsabbli li jara li jitnaddfu l-kanali ta’ l-ilma mill-ħmieġ u terrapien li jinġabar matul iż-żmien biex ikunu ħielsa ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel? Id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħek jaraw li dan ix-xogħol isir? Għandu dettalji ta’ kemm sar minn dan ix-xogħol minn Mejju sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd, jieħu ħsieb li jitnaddfu l-ispralli ta' l-ilma tax-xita li jagħtu għall-ġibjuni ta' taħt l-art li hawn fil-pjazez u toroq fl-irħula. Il-kanali li jieħdu ilma tat-toroq biex jevitaw l-għargħar f'xi inħawi huma responsabbilta' tal-Ministeru għat-Transport u Komunikazzjoni, u għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirriferi din il-mistoqsija lilu.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu sabiex numru ta' arbli jiġu mibdula minħabba fil-kundizzjoni ħażina li jinsabu fiha fl-inħawi tar-range tal-Bidnija u dan anke fid-dawl tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li ser isiru f'Malta s-sena d-dieħla?