Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħwienet tax-xorb/discos li ssemmew fir-rapport li ngħata mill-NSTS lill-pulizija dwar inċidenti u xorb li nbiegħ lit-tfal taħt l-eta'? F'kemm-il post inqalgħu inċidenti?
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni linċenzjati biex jagħmluha ta' car park attendants? Dawn huma liċenzjati għal xi post partikolari jew jistgħu jaħdmu fejn iridu fil-gżejjer Maltin? Tista' l-pulizija tara jekk dawk li qed jaħdmu ta' car park attendants fl-inħawi ta' l-iStadium Nazzjonali f'Ta Qali humiex liċenzjati jew le?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond tagħrif fornut mid-Direttorat għal Liċenzji u Testijiet hawn 50 persuna li għandhom liċenzja maħruġa mill-istess Direttorat sabiex jaħdmu bħala car park attendants fejn indikat fil-liċenzja. Ma jirriżultax li xi ħadd minn dawn huwa liċenzjat sabiex jaħdem fil-car park ta` l-Istadium Nazzjonali f`Ta`Qali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vapuri li bħalissa huma reġistrati taħt il-bandiera Maltija? X'inhu t-tunellaġġ? Kemm-il vapur ħassar ir-reġistrazzjoni tiegħu fl-ewwel disa' xhur tas-sena? Kemm-il wieħed kellu r-reġistrazzjoni tiegħu mħassra mill-awtorita' marittima fl-istess żmien? X'kienu r-raġunijiet prinċipali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' bastimenti inkluż pleasure yachts, reġistrati taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili, sat-30 ta' Ġunju 2002 kien ta' 3100 b'tunellaġġ gross totali ta' 27,063,313.
Matul l-istess perjodu sar għeluq ta' reġistrazzjoni ta' 203 bastimenti, inklużi pleasure yachts, b'tunellaġġ gross totali ta' 2,336,321. Minn dawn kien hemm 19-il bastiment b'tunellaġġ gross ta' 85.128 li l-għeluq tar-reġistrazzjoni tagħhom sar wara li ntużaw is-setgħat tal-Ministru responsabbli għall-bastimenti u tar-Reġistrattur Ġenerali li jordna l-għeluq tar-reġistrazzjoni prinċipalment minħabba defiċenzi tekniċi u ċertifikati meħtieġa li jkunu skadew.
L-informazzjoni għall-perjodu li jagħlaq fl-aħħar ta' Settembru 2002 għadha qed tinġabar u tkun inkluża fir-rapport annwali ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta għas-sena Ottubru 2001 - Settembru 2002 li ser npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fil-futur qrib.
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm bemm vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija li huma miżmuma f'xi portijiet barranin? Fejn? Għal liema raġuni? Kemm ilu miżmum kull wieħed?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li huwa ferm diffiċli biex wieħed ikun jaf bl-eżatt f'xi mument partikolari kemm mill-eluf ta' bastimenti reġistrati mal-Awtorita' Marittima li jbaħħru mad-dinja kollha jkunu miżmuma f'xi port.
Jekk l-Onor. Interpellant jsemmi xi perjodu jew xahar partikolari nara li l-informazzjoni tinġabar u tingħata, kif fil-fatt ġara f'każ ta' mistoqsijiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema mill-iskejjel ta' l-Istat, indipendenti u tal-knisja li ser isiefru għall-proġġett Comenius fix-xahar ta' Ottubru? Min huma u mill-liema skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nirreferi lill-Ministru għall-mistoqsija 35417, jista' jgħid jekk għalkemm il-puluzija ma kellhom l-ebda rapport formali, jarax li mill-artiklu li deher fil-gazzetta ''Malta Independent on Sunday'' jidher ċar li r-reat sar? U peress li ssemmew l-ismijiet, ma jaħsibx li dan kien biżżejjed biex issir investigazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Il-Pulizija investigat dal-każ. Is-sid tal-ħanut u l-impjegati tiegħu ċaħdu l-allegazzjonijiet fil-gazzetta. Min għamel ir-rapport lill-gazzetta talab li ma jittieħdux passi kontra min għandu liċenzja tal-ħanut. Wara konsultazzjoni mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, se tittieħed deċiżjoni jekk legalment jistgħux jiġu istitwiti proċeduri fil-Qorti.
Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena kemm inżammu ħlasijiet fuq proġetti tal-gvern, li tagħhom il-Ministeru tiegħek huwa responsabbli, talli x-xogħol li sar ma kienx tal-livell mixtieq? Jista' jagħti lista tal-kumpanniji/kuntratturi/individwi li ma tħallsux u kemm kien il-ħlas li nżamm? X'kien ix-xogħol li ma sarx kif suppost?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena kien hemm każ wieħed fejn inżamm ħlas, li kien ta' Lm4706.74 għal xi xogħol fuq il-Promenade ta' Tas-Sliema. Ma naħsibx li jkun f'loku li nagħti d-dettalji ta' min hu l-kuntrattur, speċjalment meta l-istess kuntrattur qiegħed jirrimedja s-sitwazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inżamm ħlas lill-kuntratturi li għamlu xogħol fuq proġetti li l-Ministeru tiegħek huwa responsabbli għalihom fl-ewwel tmien xhur tas-sena? Jista' jgħid min huma? Kemm kien il-ħlas li nżamm u fejn kien ix-xogħol li ma sarx sew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu, dwar x'tip ta' ħlas qed jagħmel riferenza.
Jista' il-Ministru jgħid wara li l-Assistent Kummissjarju is-Sur Josie Brincat iltaqa' ma' rappreżentanti tal-NSTS dwar ħwienet tax-xorb f'Paceville li servew xorb lil tfal taħt l-eta', jista' jgħid x'passi ser tieħu l-pulizija speċjalment fejn kien hemm inċidenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-12 ta` Settembru 2002, kienet issejħet laqgħa fil-Ministeru tat-Turiżmu li għaliha attendew fost oħrajn rappreżentanti tal-NSTS u l-Assistent Kummissarju J. Brincat. Infurmat ukoll illi din il-laqgħa kienet fuq tema ġenerali u ma kien hemm ebda rapporti la bil-miktub u lanqas verbali dwar xi ħwienet tax-xorb partikolari. Pero` kien ġie mwiegħed minn naħa tal-NSTS li din kellha tibgħat rapport, liema rapport s`issa għadu ma wasalx.
Jista' il-Ministru jgħid kemm iddaħħlu għalliema ġodda mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni għal din is-sena skolastika? Għal liema suġġetti? Jista' jgħid jekk l-għalliema li iggradwaw din is-sena u li applikaw mal-gvern daħlux jaħdmu kollha jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 35628.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' tfal li qed jattendu l-iskejjel ta' l-Istat f'din is-sena skolastika? Jista' jagħti l-figuri mqassma f'kindergarten, primarji, eċċ? Kemm huma subien u kemm bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fl-iskejjel ta' l-Istat huwa kif se nsemmi:
Settembru 2002
Subien Bniet Total
Pre-Primary 2590 2590 5180
Primarja 10720 9350 20070
Junior Lyceums 2770 4520 7290
Sekondarja 5550 4190 9740
Total 21630 20650 42280
Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-suġġetti akkademiċi li saru resits tagħhom tas-SEC u tal-MATSEC? Jista' jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għal kull suġġett? Kemm għaddew f'kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'politika ser juża d-dipartiment ta' l-edukazzjoni fis-sena skolastika li jmiss dwar il-bejgħ ta' junk food fl-iskejjel statali? Jista' jara li dan ma jinbiegħx fi skejjel tal-knisja u indipendenti wkoll?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, meta tagħti l-offerti għat-tmexxija tat-tuck shops fl-iskejjel statali, telenka bosta kundizzjonijiet li jkunu jridu jiġu segwiti minn dak li jirbaħ l-offerta. Fost dawn hemm kundizzjoni dwar x'għandu u x'mgħandux jinbiegħ mit-tuck shops. Il-bejgħ ta' junk food huwa fost l-affarijiet imsemmija f'dawn il-kundizzjonijiet. L-ispetturi tas-saħħa pubblika, li matul is-sena skolastika jżuru għall-għarrieda t-tuck shops statali, huma fid-dmir li jirrapurtaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jekk ir-regolament dwar il-junk food ikunx qiegħed jinkiser.
Informat ukoll li l-kuntratti li permezz tagħhom jingħataw il-'canteens' ta' l-iskejjel statali jenfasizzaw il-bejgħ ta' ikel bnin u sostanzjuż. Hu kompitu ta' l-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti li, individwalment, jesiġu li dan jitwettaq ukoll f'dan is-settur edukattiv. Spetturi tad-Dipartiment tas-Saħħa iżuru u jirraportaw dwar "canteens' ta' l-iskejjel biex jiżguraw li hemm livelli aċċettabbli ta' iġene u kwalita` ta' ikel.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm tuck shops fl-iskejjel ta' l-Istat? Jista' jgħid min ser imexxi kull wieħed minnhom fis-sena li jmiss, kemm ser iħallas u x'inhuma l-kundizzjonijiet dwar projbizzjoni ta' bejgħ ta' ċertu oġġetti ta' l-ikel u x-xorb?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel ta' l-Istat hemm wieħed u tletin (31) tuck shop. Dawn jinsabu fl-iskejjel sekondarji u l-Junior Lyceums. Lista tal-kuntratturi li se jmexxu dawn it-tuck shops matul is-sena skolastika li qegħdin fiha u s-somma li kull wieħed ħallas qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward il-kundizzjonijiet dwar projbizzjoni ta' bejgħ ta' ċertu oġġetti ta' ikel u xorb, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għal Misotqsija Parlamentari Numru 35584 magħmula minnu stess.
Jista' il-Ministru jgħid kif kien ġie kkalkulat il-prezz al-privatizzazzjoni tal-Medserv li l-konvenju tiegħu kien sar ftit qabel l-elezzjoni ta' l-1996? X'passi ttieħdu wara li rriżulta li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ikkonċernat ma ġewx osservati?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din l-mistoqsija lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35550, jista' jgħid x'passi ttieħdu sabiex numru ta' arbli jiġu mibdula minħabba fil-kundizzjoni ħażina li jinsabu fiha fl-inħawi tar-range tal-Bidnija u dan anke fid-dawl tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li ser isiru f'Malta s-sena d-dieħla?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret minn ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, jirriżulta li uħud mill-arbli li hemm fl-inħawi imsemmija għandhom bżonn jinbidlu. Dan ix-xogħol għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35549, li oriġinarjament saret lill-ministru għall-agrikoltura u sajd, jista' jgħid min hu responsabbli li jara li jitnaddfu l-kanali ta’ l-ilma mill-ħmieġ u terrapien li jinġabar matul iż-żmien biex ikunu ħielsa ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel? Id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħek jaraw li dan ix-xogħol isir? Għandu dettalji ta’ kemm sar minn dan ix-xogħol minn Mejju sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' għat-Trasport hija responsabbli li tara li l-kanali ta' l-ilma tax-xita fit-toroq arterjali u distributorji jkunu ndaf ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel, filwaqt li l-Kunsilli Lokali għandhom l-istess responsabbilita' għall-kanali li jaqgħu fit-toroq l-oħra. Ix-xogħol fit-toroq arterjali u distributorji jsir għall-Awtorita' minn ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Peress li d-dettalji ta' kemm sar min dan ix-xogħol sa llum irridu jinġabru mingħand il-Kunsilli kollha u entitajiet oħra, din l-informazzjoni ma tistax tingħata għalisssa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm quantity surveyors impjegati mal-ministeru tiegħek? Min huma? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed? Kemm-il proġett ħadmu fuqu kull wieħed fl-ewwel tmien xhur tas-sena? Kemm ittieħed leave minn kull wieħed fl-istess żmien? Kemm ittieħed sick leave minn kull wieħed fl-istess żmien? Il-Ministru huwa sodisfatt bix-xogħol li qiegħed isir minn kull wieħed?
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadhomx għaddejjin it-taħditiet bejn it-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali u l-awtoritajiet ta' l-universita' dwar min għandu d-dritt li jmexxi l-pixxina u faċilitajiet oħra tal-madwar? Kemm saru laqgħat s'issa matul din is-sena u meta saru?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31901.