Nirriferi għal mistoqsija parlamentari 35832. Jista' il-Ministru jgħid kemm inżammu ħlasijiet lill-kuntratturi għal-xogħol ħażin u/jew nuqqasijiet oħra li saru fit-toroq f'Malta u Għawdex u dan fl-ewwel għaxar xhur tas-sena? Jista' jindika liema huma t-toroq? Min kienu l-kuntratturi u kemm kien kull ħlas?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mituba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tal-VRT fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena? Kemm mill-vetturi ttestjati għaddew mill-ewwel? Kien hemm vetturi li għamlu t-test aktar minn darba u xorta m'għaddewx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li matul l-ewwel 9 xhur ta' din is-sena saru 78,240 test tal-VRT. Minn dawn kien hemm 73,091 vetturi li għaddew mit-test mill-ewwel.
Din l-informazzjoni qiegħda tingħata sa l-aħħar ta' Settembru 2002 għax, skond il-liġi,l-operaturi għandhom sa nofs ix-xahar ta' wara sabiex jissottomettu ir-rapport tax-xahar.
Id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet ma jkollux informazzjoni dwar dawk li kellhom jagħmlu t-test aktar minn darba.
Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena kemm kien hemm sidien ta' vetturi li ma ġġedditilhomx il-liċenzja tal-vettura tagħhom għaliex m'għaddewx mit-test tal-VRT? Meta jiġri dan il-pulizija tiġi nfurmata biex ikun żgurat li din il-vettura ma tibqax tinsaq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li d-Direttorat tal-Liċenzja u Testijiet ma għandux l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Dan għaliex is-sidien tal-vetturi li ma jġeddux il-liċenzja tat-triq tal-vettura tagħhom, ma jagħtux raġuni għaliex ma jkunux ġeddew il-liċenzja tat-triq.
Bħal ma jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant kull vettura jkollha mwaħħla mal-'windscreen' il-liċenzja tat-triq. Fuq din il-liċenzja jkun hemm id-data sa kemm tkun valida. Għalhekk ma hemmx għalfejn li l-Pulizija tiġi avżata li l-liċenzja tat-triq ta' xi vettura partikolari tkunx tħallset jew le.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' testijiet għall-breathalyser s'issa matul din is-sena? Kemm instabu pożittivi? Dawn kollha tressqu l-qorti? Kien hemm min kien diġa' pożittiv u għalhekk misjub ħati mill-qorti darb'oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2002, kien hemm 62 sewwieq/a li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv, filwaqt li kien hemm 35 li irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. Dawk li sarilhom it-test kollha irriżultaw fil-pożittiv. Fil-każijiet kollha tressqu jew inbdew il-proċeduri biex jitressqu quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll li 3 minn dawn il-persuni, diġa` kellhom test ieħor pożittiv. Ikun hemm ħafna testijiet oħra li r-riżultat preliminari jkun negattiv, u allura ma jsirx it-test proprju.
MMA — Vapuri bil-bandiera Maltija f'portijiet Għarab
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' marittima ta' Malta tiġix infurmata meta xi pajjiż Għarbi ma jaċċettax li vapuri li jtajru l-bandiera Maltija ma jiġux aċċettati f'portijiet Għarab għaliex ikunu daħlu f'portijiet Israeljani? Kemm kien hemm każi din is-sena? Liema kienu l-vapuri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima ta' Malta na ġietx infurmata jekk u meta xi pajjiżi Għarab ma aċċettawx fil-portijiet tagħhom vapuri li jtajru l-bandiera Maltija minħabba li jkunu daħlu wkoll f'portijiet Israeljani.
Kumpaniji Maltin ibbojkottjati minn pajjiżi Għarab.
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kumpaniji Maltin li huma bbojkottjati mill-pajjiżi Għarab għaliex għandhom kuntatti kummerċjali ma' l-Israel? X'jipproduċu dawn il-kumpanniji? Il-Ministeru jiġi nfurmat regolarment meta dan isir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jelenka l-akkużi li ħarġu l-pulizija t'Għawdex kontra l-persuna li ħmistax ilu attakkat referee f'logħba football fil-Gozo stadium? Għaliex din il-persuna ma tressqitx il-qorti minnufih speċjalment meta r-referee sofra ġrieħi serji?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal inċident li seħħ nhar it-12 ta` Ottubru 2002, ninsab infurmat illi l-persuna msemmija tinsab akkużata quddiem il-Qorti b`offiża fuq il-persuna ta` natura ħafifa, ħsara volontarja ta` inqas minn Lm500, theddid u ksur tar-Regolamenti biex jinżamm l-Ordni Pubbliku fil-Grounds ta` l-Isports. Għandu jingħad ukoll illi skond iċ-ċertifikat mediku ippreżentat lill-Pulizija il-ġrieħi li sofra ir-referee kienu ta` natura ħafifa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu immigranti illegali mill-1 ta' Jannar sal-lum? Kemm hemm li għadhom Malta? Kemm qed jiswa kuljum kull wieħed minnhom? Kemm huwa stmat li nefaq il-gvern s'issa bħala somma totali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta` din is-sena, daħlu Malta 1,351 immigrant illegali, fuq diversi dgħajjes. Minn dawn 959 għadhom Malta, li minnhom 83 ingħataw l-istatus ta` refuġjat/jew protezzjoni umanitarja filwaqt li 392 ġew ripatrijati lejn pajjiżhom, ċioe` Eritrea, Eġittu, Sudan, Marokk, Bangladesh u Pakistan. Infurmat ukoll li ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa fuq dawn il-klandestini u persuni oħra barranin miżmuma mill-Pulizija għal raġunijiet oħra.
Jista' il-Ministru jgħid mill-immigranti illegali li daħlu illegalment Malta mill-1 ta' Jannar 2002, kemm applikaw għal status ta' refuġjati? Kemm hemm talbiet li ġew aċċettati u kemm ġew rifjutati? Kemm hemm talbiet li huma pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar 2002 sa l-aħħar ta` Ottubru 2002 l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati irċieva 244 applikazzjoni għal status ta` refuġjat mingħand persuni li waslu Malta illegalment bil-baħar. Dawn jinkludu 275 persuna. Minn dawn il-persuni kien hemm 11 li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati filwaqt li 72 ingħataw protezzjoni umanitarja.
Ninsab infurmat ukoll illi f`Ottubru 2002, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati ikkonkluda 34 każ u bħalissa hemm 29 applikazzjoni li għadhom qed jiġu ikkunsidrati. Dawn l-applikazzjonijiet jinkludu 10 każi ta` persuni li iddikjaraw li huma minorenni u li biex il-każ tagħhom ikun jista` jibda miexi, skond il-liġi l-ewwel irid jinħatrilhom guardian. Jinkludu wkoll 19-il każ li l-konsiderazzjoni dwarhom tinsab fi stadju avvanzat.
Barra l-244 applikazzjoni riċevuti sa l-aħħar ta` Ottubru, hemm ukoll 262 każ fejn il-persuni konċernati imlew Kwestjonarju Preliminari li permezz tiegħu irreġistraw ix-xewqa tagħhom li japplikaw biex jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati. Dawn il-262 każ jinvolvu 347 persuna. L-applikazzjoni formali ta` dawn il-persuni u l-intervisti sussegwenti, għad iridu jsiru. Dawn il-262 każ ġew reġistrati kollha għall-ewwel darba fix-xahar ta` Ottubru 2002.
Issa li l-permess dwar it-traffic lights f'Tal-Barrani nħareġ, jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol, aktar u aktar meta wieħed iqis li l-permessi (PA 6122/01) ilhom f'idejn ir-roads department sa mill-25 ta' Settembru 2002? Jista' jgħid ukoll jekk it-tenders għal dan ix-xogħol inħarġux u jekk iva meta jagħlqu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol biex isiru dawn it-traffic lights ġie pprogrammat għas-sena d-dieħla, it-tenders għax-xogħol ser joħorġu dalwaqt.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36133, jista' il-Ministru jgħid kemm għad fadal għaqdiet sportivi li għadhom ma ffirmawx u liema huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għad fadal disgħa (9) għaqdiet sportivi li għadhom ma ffirmawx il-kuntratt wara li għaddiet l-aħħar riżoluzzjoni parlamentari.
Dawn huma:
M'Scala Boċċi Club
Mosta Boċċi Club
Qormi San Bastjan Boċċi Club
Sta Lucia Boċċi Club
Gozo Football Association
Kirkop Boċċi Club
Fgura Football Club
Southern Shooting Club
Paola Wolves Sports Club
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36136, jista' jgħid kemm ġie jiswa l-proġett ta' l-entratura tal-Malta racing club? Min ser iħallas? Jista' jgħid ukoll jekk inħarġux tenders? Jekk iva, min kienu u kemm kienet il-kwotazzjoni tagħhom? Xi kriterju ntuża sabiex saret l-għażla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġett ta' l-entratura tal-Marsa ser jiswa madwar Lm87,000. Il-ħlas ser isir mill-vot tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport wara li ġew approvati fondi addizzjonali mill-Ministeru tal-Finanzi.
Wara sejħa għall-offerti bl-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija intlaqgħu kwotazzjonijiet minn għand Polidano Group (Lm82,622), Camray (Lm102,002.98) u Elbros Ltd (Lm98,049.13). Ix-xogħol ġie fdat lill-Polidano Group. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li r-rati tax-xogħol kienu kompetittivi ħafna u t-termini tal-ħlasijiet kienu l-aktar favorevoli.
B'riferenza għal mistoqsija 35223, jista' il-Ministru jagħti l-etajiet tal-persuni msemmija fit-tweġiba, maqsuma f'etajiet taħt l-24 sena, taħt it-30 sena, taħt l-40 sena, taħt il-50 sena, taħt is-60 sena u 'l fuq minn 61 sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta` mwiet li huma kunsidrati direttament jew indirettament ikkawżati mit-tipjip maqsuma f'etajiet differenti hija kif ġej:
Gender
Age Groups
0-24
25-30
31-40
41-50
51-60
61+
Male
0
0
1
3
18
138
Female
0
0
0
1
4
64
TOTAL
0
0
1
4
22
202
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35829 dwar ix-xogħol tal-quantity surveyors li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-grad ta' 'professional' quantity surveyor hemm uffiċjal wieħed biss. Dan hu s-Sur C Gauci li hu ċ-Chief Quantity Surveyor. Hemm ukoll uffiċjali oħra fi gradi ta' P.T.O, S.T.O u T.O. li jagħmlu xogħol ta' quantity surveying. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra listi li juru x-xogħol li kull wieħed minnhom għandu bħalissa. Fil-każ tas-Sur Louis Attard (P.T.O.), dan qed jaqdi d-dmirijiet ta' site supervision fuq il-Proġett ta' l-Isports Hall fil-Kottonera b'arranġament sakemm jitlesta dan il-proġett.
Rigward il-leave u s-sick leave meħuda minn dawn l-impjegati fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena, l-informazzjoni hija kif tidher hawn taħt:
Isem Grad Leave S/Leave
Charles Gauci Chief Quantity Surveyor 22 5
Sandro Busuttil Principal Technical Officer (Q/S) 11 12
Debono Mark Principal Technical Officer (Q/S) 16 2
Ronnie Schembri Principal Technical Officer (Q/S) 7 24
Patrick Fenech Principal Technical Officer (Q/S) 12 0
Joe Grech Principal Technical Officer (Q/S) 2 0
Louis Attard Principal Technical Officer (Q/S) 6 2
Anthony Baldacchino Senior Technical Officer (Q/S) 10 15
Charles Chircop Senior Technical Officer (Q/S) 8 10.5
Joe Micallef Senior Technical Officer 19.5 3
Joe Busuttil Senior Technical Officer 11.5 8
Anthony Calleja Senior Technical Officer (Q/S) 14 5
Louis Mangion Senior Technical Officer (Q/S) 17 0
Dennis Schembri Senior Technical Officer (Q/S) 5 0
Joseph Scerri Senior Technical Officer (Q/S) 15 10.5
Philip Bonnici Technical Officer (Q/S) 12 11
Ma naħsibx li huwa r-rwol ta' Ministru li jgħaddi t-tip ta' ġudizzju mitlub mill-Onorevoli Interpellant fl-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li bħalissa qed isir xogħol fihom bħal kostruzzjoni, tibjid, eċċ? Liema huma? Meta hu mistenni li x-xogħol jitlesta f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel tal-gvern - primarji u sekondarji - li biddlu l-uniformi tagħhom din is-sena? X'kienet ir-raġuni? Kemm swiet lill-ġenituri din il-bidla fl-uniformijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar mill-iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.