Jaf il-Ministru li, minkejja li mhux dawk kollha li ggradwaw bħala B.Ed (Sports) ġew impjegati ma' l-iskejjel, hemm skola indipendenti, li qed nagħti isimha separatament, li qed timpjega fuq bażi part-time żewġ coaches barranin x' aktarx Jugoslavi?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li mir-records tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma jirriżultax dak li qed isemmi l-Onor. Membru, ser inkompli ninvestiga biex inkun nista' nagħti tweġiba definittiva f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel tal-knisja u indipendenti li aċċettaw persuni b'diżabilita' u jekk ikun hemm bżonn facilitator? Jista' jagħti lista' ta' dawk l-iskejjel li għal xi raġuni jew oħra rriffjutaw li jieħdu lil xi student/a b'diżabilita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel tal-Knisja kollha jaċċettaw presuni b'diżabilita` bi bżonn ta' facilitaotr. L-Istat joħroġ il-ħlas tal-facilitators li jaħdmu fl-iskejjel tal-Knijsa.
Din is-sena skolastika hemm persuni bi bżonnijiet speċjali f'dawn l-iskejjel tal-Knisja:
St Benilds - Sliema Stella Maris College - Gżira
St Dorothy's - Żebbuġ Teresa Nuzzo School - Ħamrun
St Francis - Sliema Teresa Nuzzo School - Marsa
St Francis - Cospicua Laura Vincuna School - Gozo
St Francis - Msida St Michael's School - Qormi
St Joseph - Sliema St Theresa School - Gozo
St Monica - B'Kara St Vincent School - Sliema
St Monica - Gżira St Elias College - St Venera
De La Salle College St Francis Victoria - Gozo
St Augustine's College St Angels - G'Mangia
St Albert College St Angela - Lija
St Francis - B'Kara St Angela - Rabat
Sacred Heart - St Julians St Angela - Cospicua
Our Lady Immaculate - Ħamrun St Joan Antide School - Gudja
Stella Maris School - Balzan Mater Boni Consglii - Paola
Archbishop Seminary - Malta Sacred Heart Seminary - Gozo
St Monica - Qormi St Monica - Mosta
St Paul's Missionary College - Rabat Immaculate Conception - Tarxien
Savio College - Dingli St Dorothy's School - Sliema
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma taf b'ebda każ fejn skola tal-Knisja rrifjutat persuna b'diżabilita`. Taf b'każ fejn saru sforzi kbar biex jinstab facilitator u li s'issa ebda facilitator magħżul ma' aċċetta.
Din is-sena skolastika hemm persuni bi bżonnijiet speċjali f'dawn l-iskejjel Privati:
Chiswick House School San Anton School
St Catherine's School San Andrea School
St Edward's College St Martin's College
St Michael's School
St Michael's Foundation
Informat li ma ġie rappurtat ebda każ fejn skola Indipendenti rrifjutat persuni b'diżabilita`.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tad-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar l-iskejjel tal-Knisja jew privati li jirrifjutaw li jieħdu studenti b'diżabilita' biex jitgħallmu fl-iskejjel tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel tal-Knisja ma jirrifjtuawx li jieħdu studenti b'diżabilita` biex jitgħallmu fl-iskejjel tagħhom. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma kellha ebda każ fejn skola Indipendenti rrifjutat studenti b'diżabilita`.
Jista' il-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika s'issa kienx hemm xi rapporti minn xi skejjel tal-Gvern, tal-Knisja, jew indipendenti dwar teħid ta' droga minn xi studenti tagħhom? Jekk fl-affermattiv x'azzjoni ttieħdet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'ix Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li l-pulizija tibda tagħmel ir-ronda speċjalment bejn is-siegħa u s-sagħtejn ta' wara nofs in-nhar fil-ġranet ta' l-iskola minħabba storbju, tipjip u affarijiet oħra li qed idejqu lin-nies li joqogħdu fl-appartamenti ħdejn żewġ skejjel - waħda tal-knisja u l-oħra indipendenti, li isimhom qed jingħata separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-viċinanzi ta` l-iskejjel imsemmija ikun hemm il-Pulizija fil-ħinijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Jekk jagħtina iktar dettalji nkun nista` nivverifika ulterjorment.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36855 u cioe` b'referenza għall-mistoqsija numru 36405 jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawn l-għaqdiet sportivi għadhom ma ffirmawx il-kuntratt? Meta għaddiet ir-riżoluzzjoni parlamentari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għaqdiet sportivi li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor. Membru għadhom ma ffirmawx il-kuntratt minħabba raġunijiet varji. Id-dettalji huma kif ġej:
Marsascala Boċċi Club - Il-Kumitat ma jaqbilx mal-ħlas ta' Lm250 fis-sena
Mosta Boċċi Club - Il-Kumitat ma jaqbilx mal-ħlas ta' Lm150 fis-sena
Qormi Boċċi Club - Il-Kumitat ma jaqbilx mal-ħlas ta' Lm300 fis-sena
Fgura United F.C. - Il-Kumitat ma jaqbilx mal-ħlas ta' Lm500 fis-sena
u qed jitlob estensjoni
Sta Lucia Boċċi Club - L-iffirmar tal-kuntratt ġie pospost għax wieħed
mill-firmatarji ma setgħax jattendi
Kirkop Boċċi Club - Il-Kumitat tal-klabb xolja
Southern Shooting Club - Għad trid tiġi ffissata ġurnata biex jiġi ffirmat il-
kuntratt
Gozo Football Association - Għadhom qed isiru laqgħat
Paola Wolves Sports Club - Għad trid tiġi ffissata ġurnata biex jiġi ffirmat il-
kuntratt
Ir-riżoluzzjoni parlamentari għaddiet f'Mejju 2002.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36853 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u jgħid meta ħarġet u meta għalqet it-tender għal security systems għall-berġa ta' Kastilja? Kemm daħlu tenders u kemm kienu l-offerti tagħhom? Meta ġiet deċiża din it-tender u min ħadha? Kemm ser jiswa x-xogħol? X'inhi r-raġuni li ġiet mogħtija lill-kuntrattur imsemmi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din is-sejħa għall-offerti ħarġet fit-22 ta' Jannar, 2002 u għalqet fis-26 ta' Marzu 2002. Kien hemm għaxar offerti u l-prezzijiet ġew ippubblikati fuq in-notice board tad-Dipartiment tal-Kuntratti fid-data ta' l-għeluq. Fit-3 t'Ottubru 2002 din it-tender għaddiet mill-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti u l-Letter of Acceptance nħarġet lill-kumpanija Dedicated Micros (Malta) Ltd. fl-24 t'Ottubru 2002 għall-valur ta' Lm63,775.45. Skond ir-rapport ta' aġġudikazzjoni li sar minn inġiniera tat-Taqsima tax-Xogħolijiet fil-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura din kienet l-orħos offerta teknikament aċċettabbli.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36852, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tas-57 banda u kemm ingħataw flus kull wieħed skond is-snin imsemmija fit-tweġiba.
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36951 u cioe`, b'referenza għal mistoqsija parlamentari 35832, Jista' il-Ministru jgħid kemm inżammu ħlasijiet lill-kuntratturi għal-xogħol ħażin u/jew nuqqasijiet oħra li saru fit-toroq f'Malta u Għawdex u dan fl-ewwel għaxar xhur tas-sena? Jista' jindika liema huma t-toroq? Min kienu l-kuntratturi u kemm kien kull ħlas?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal-Mistoqsija Parlamentari Numru 36951.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex dawk kollha li rċevew il-kont tat-telefon datat 20 ta' Novembru għall-perjodu Settembru/Ottubru kellhom inkluż ukoll il-kont ta' qabel li kien diġa' tħallas? Peress li dan ħoloq ċertu konfużjoni speċjalment fost l-anzjani, x'passi ser jittieħdu biex dan ma jerġax isir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minħabba l-installazzjoni i l-ittestjar tas-sistema kompjuterizzata ġdida, fl-ewwel nofs tas-sena, il-Maltacom ma bagħtitx il-kontijiet regolari kull xahrejn lill-abbonati residenzjali. Meta s-sistema bdiet taħdem regolari, il-kontijiet bdew jintbagħtu f'intervalli iqsar biex is-sitwazzjoni tiġi għan-normal fi żmien reġjonevoli.
Minħabba l-perjodu iqsar bejn kont u ieħor, kien hemm xi pagamenti li ma laħqux daħlu fis-sistema. Dawk l-abbonati li vverifikaw il-kont mal-Kumpanija u rriżulta li l-kont ta' qabel kien diġa' tħallas, ingħataw parir biex iħallsu l-parti dovuta. Dawk li bi żvista, li kienu ftit ħafna, ħallsu l-kont doppju, ser ikollhom kreditu fil-kont tagħhom.
Wara t-tweġiba tal-Ministru li coaches barranin ma jistgħux jieħdu flus talli jikkowċjaw lil atleti fuq bażi privata fil-Marsa, jista' il-Ministru jiżgura li dan mhux qed isir għaliex għandi rapporti li hemm numru ta' coaches barranin li qed jagħmlu dan għad-dannu ta' coaches Maltin.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kif indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 26960, sal-lum għad ma hemmx kontroll fuq individwi li jiffrekwentaw it-track ta' l-atletika. Minn informazzjoni li għadnu d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport jirriżulta li fil-fatt hemm coaches barranin li jagħtu taħriġ fuq it-track fuq bażi ta' gruppi. Nitlob lill-Onor. Membru biex jekk jaf b'xi każijiet fejn hemm coaches li qegħdin jagħtu taħriġ fuq bażi individwali jgħaddi d-dettalji lid-Dipartiment biex jiġu nvestigati.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 36857 u cioe`, jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti b'diżabilita' fl-Universita`, u fl-MCAST, fil-Junior Collage u fl-iskola Giovanni Curmi? Jista' jgħid ukoll fl-istituzzjonijiet hawn fuq imsemmija x'inhi l-popolazzjoni ta' l-istudenti kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti b'diżabilita` fl-Istituti ta' l-MCAST, Universita`, Junior College u fl-iskola Giovanni Curmi huwa kif ġej:
Studenti b' Popolazzjoni
diżabilita` ta' l-istudenti
Universita` 5 9127
Junior College 3 2800
Giovanni Curmi 2 1230
MCAST 17 2018
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36893, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-informazzjoni mitluba m'għandhiex tkun ippubblikata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jidhirli li l-informazzjoni mitluba m’ghandhiex tkun pubblikata ghar-ragunijiet evidenti ta’ sigurtà
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36892?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant hija ta' natura kummerċjali li tista' tintuża minn kompetituri tal-linja nazzjonali ta' l-ajru, ma jkunx fl-interess ta' l-azjenda li tingħata din l-informazzjoni.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36947, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-Policy and Design Guidance 2000 paragrafu 1.7 Application of Floor Area Ratio fuq il-Mejda tal-Kamra.
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed nissotometti kopja tal-Policy and Design Guidance 2000 paragrafu 1.7 Application of Floor Area Ratio.
Ta` min ifakkar lill-Onor. Membru li din l-informazzjoni tinsab fuq il-website tal-MEPA li qegħda fuq l-internet, liema sistema l-Onor. Membru għandu aċċess għaliha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36958 u jgħid kemm hemm ommijiet mhux miżżewġa li jirċievu ċ-children allowance? Kemm minnhom huma taħt it-tmintax-il sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li n-numru ta' ommijiet mhux miżżewġa li qed jirċievu l-Allowance tat-Tfal hu 1,686. Minn dawn, 81 huma taħt 18-il sena.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36856 u jgħid f'liema skejjel governattivi, primarji u sekondarji hemm studenti b'diżabilita' fiżika? Jista' jagħti n-numru għal kull skola individwali ?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bin-numru ta' studenti b'diżabilita` fiżika fl-iskejjel governattivi primarji u sekondarji qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jagħti l-figuri ta' kemm hemm kawżi li ilhom għaddejjin għal għaxar snin jew aktar fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili? Quddiem liema mħallfin? Jista' jgħid kemm ilha l-aktar waħda? Għaliex każi quddiem din il-Qorti ma jibdewx u jintemmu fi żmien raġjonevoli u mhux wara seduti qosra jiġu differiti għal tlieta jew erba' xhur wara? X'qed isir biex ħafna minn dawn il-kawżi jitħaffu, speċjalment meta s-seduta ta' kull tlett xhur qed issir regolarment?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.