Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji qed jingħataw separatament, tnaqqsitlu ħafna aktar f'taxxa fl-ewwel pensjoni li rċieva din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata ġiet infurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm skejjel ta' l-Istat li l-faċilitajiet sportivi tagħhom jintużaw minn għaqdiet wara l-ħin tal-iskola? Liema huma l-iskejjel u l-għaqdiet? Isir xi ħlas? Jekk iva, kemm f' kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefaq mid-Dipartiment ta' l-Isport f'tagħmir sportiv li jinkludi wkoll footballs, blalen għall-volleyball, basketbell, etc għall-iskejjel ta' l-istat għall-użu ta' l-istudenti u dan fis-sena finanzjarja li għaddiet? Jista' jgħid liema skejjel ingħataw tagħmir? Kemm huwa maħsub li ser jintefqu fuq affarijiet simili fis-simili fis sena finanzjarja li qegħdin fiha?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika kemm hemm għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat li ser jirtiraw bl-eta'? Kemm hemm diretturi, assistenti diretturi, u uffiċjali oħra fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u li għandhom x'jaqsmu direttament ma' l-iskejjel u/jew ma l-iżvilupp tagħhom li ser jispiċċaw bl-eta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' għalliema li ser jirtiraw fis-sena skolastika 2002/2003 huwa:
ta' 61 sena - 31
ta' 60 sena - 10 (konfermati li se jispiċċaw)
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija dwar kemm ser jirtiraw diretturi, assistenti diretturi u uffiċjali oħra fil-klassi ta' l-edukazzjoni, it-tagħrif hu kif ġej:
Ser jirtiraw bl-eta' ta 61 sena
12 - Kap ta' Skola
12 - Assistent Kap ta' Skola
2 - Direttur
3 - Uffiċjal Edukattiv
5 - Instructor
2 - Assistent Direttur
2 - Subject Co-Ordinator
1 - Kindergarten Assistant
Konfermati li ser jispiċċaw ta' 60 sena
3 - Kap ta' Skola
2 - Assistent Kap ta' Skola
2 - Assistent Direttur
1 - Uffiċjal Edukattiv
1 - Kindergarten Assistant
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhiex il-ħsieb li tagħmel xi pitches fl-iskejjel bil-ħaxix artifiċjali? Jekk iva, liema skejjel u b'liema spiża?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada għandha l-ħsieb li ttejjeb il-faċilitajiet sportivi u l-ispazji tar-rikreazzjoni fl-iskejjel. Għal dan il-għan nidiet programm, u numru ta' Periti diġa` taw l-ewwel rapporti tagħhom li bħalissa qed jiġu evalwati. Għaldaqstant, għadu kmieni wisq biex jiġu identifikati xi skejjel partikolari u ma tistax tingħata stima għalissa.
Jista' il-Ministru jgħid fil-31 ta' Diċembru 2002 kemm kien hemm armi tan-nar reġistrati mal-pulizija? Jista' jagħti breakdown tat-tip ta' dawn l-armi? Kemm minn dawn l-armi huma meqjusa bħala antiki u għalhekk ma jistgħux jintużaw aktar? Kemm ġew reżġistrati għall-ewwel darba fl-2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu qed ikun ikompilat.
Jista' il-Ministru jgħid minbarra l-armi tan-nar liema armi oħra għandhom jiġu reġistrati mal-Pulizija? Kemm hemm reġistrati minn kull tip? Kemm minn dawn l-armi ġew reġistrati għall-ewwel darba fl-2002?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ż-żamma ta` armi huwa regolat bl-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66). Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu qed ikun ikompilat.
Jista' il-Ministru jgħid fis-sena li għaddiet kemm kien hemm imwiet li direttament jew indirettament jista' jingħad li kienu konnessi mat-tipjip? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar? Jista' jgħid kemm kien hemm nisa u kemm irġiel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' mwiet li huma kunsidrati direttament jew indirettament ikkawżati mit-tipjip għall-ewwel ħdax-il xahar tas-sena 2002 huwa kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Iċ-ċifra għax-xahar ta' Diċembru 2002 għadha mhux disponibbli.
Peress li issa anke l-Unjoni Ewropea qed tesiġi li fuq kull pakkett tas-sigaretti minn dan ix-xahar stess irid ikun hemm kliem kbar bl-iswed bil-kliem bħal 'SMOKING KILLS' jista' il-Ministru jgħid jekk il-liġi li trażżan tipjip f'ċerti postijiet u miżuri oħra hux ser tiġi mressqa quddiem il-Parlament f'din il-leġislatura u dan għaliex il-Ministru kemm-il darba wieġeb li l-preparazzjoni tal-liġi kienet waslet fl-aħħar tagħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nikkonferma li l-liġi li trażżan it-tipjip f'ċertu postijiet hija fil-fażi finali ta' preparazzjoni tagħha u din titressaq quddiem il-Parlament skond il-prijoritajiet tal-Gvern għat-tressieq tal-liġijiet.
Jista' il-Minsitru jgħid fil-31 ta' Diċembru 2002 kemm kien l-ammont totali fi flus li l-Korp tal-pulizija kellu jingħata minħabba xogħol extra li għamlu l-membri tagħha? Jista' jagħti lista' ta' dawk id-ditti, kumpanniji, għaqdiet, jew individwi li għandhom jagħtu minn elf lira 'l fuq? Kemm hemm (fi flus) li ilhom biex jitħallsu aktar minn sena? Ittieħdu passi bil-liġi kontra xi wħud meta bil-kelma t-tajba ma waslux?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sal-31 ta` Diċembru 2002, l-ammont ta` ħlasijiet dovuti minn ditti, banek, kumpanniji, għaqdiet, eċċ, għal xogħol extra mill-Pulizija hu ta` Lm104,635. Minn dan l-ammont, is-somma ta` Lm26,364 hija dovuta għal perijodu mis-sena 2001 lura.
Infurmat ukoll li qed isir kull sforz sabiex il-ħlasijiet dovuti jiġu miġbura.
Dawk li għandhom jagħtu minn elf lira `l fuq huma kif jidher hawn taħt:-
A.P.S. Bank
Ballut Ltd
Bank of Valletta
Caruana Carmelo Shipping
Electoral Office
Fish Market
KU Club
Lombard Bank
MEPA
Malta Maritime Authority
Malta Football Association
Malta International Airport
National Pool
Public Broadcasting Services
Skanska Ltd
Social Security Office, Luqa
Volksbank
Sea Malta GNMTC
Jista' il-Ministru jgħid fil-31 ta' Diċembru 2002 kemm kien hemm pulizija sospiżi? Meta sar kull każ? Fuq liema akkużi? Ta' liema rank huwa kull membru tal-Korp? Dawn kollha qegħdin fuq nofs paga?
Response (BORG, TONIO)
Għar-rigward l-informazzjoni sat-3 ta` Settembru, 2002 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35213.
Is-sitwazzjoni ma nbidlitx minn dakinhar ħlief li erba` Pulizija kellhom il-każ deċiż mill-PSC u m`għadhomx sospiżi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li bħalissa qed jiġu nvestigati minħabba xi reat iżda li mhumiex sospiżi mill-Korp? Fuq liema akkużi? Meta huwa allegat li sar kull każ? Ta' liema rank huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kemm saru vjaġġi minn xarabanks u mini-buses biex iġorru tfal tal-iskola? Kemm kien it-total li għandu jitħallas? Diġa tħallas xi ħaġa? Kemm u meta?
Response (GALEA, LOUIS)
It-trasport tat-tfal fl-iskejjel hu regolat minn ftehim bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Assoċjazzjonijiet konċernati. Il-vjaġġi u l-ħlas isiru skond l-iskedi annessi mal-ftehim.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser jimtlew il-postijiet vakanti għar-rank ta' supritendenti fil-Korp tal-Pulizija? Dawk iridu jsiru wkoll b'applikazzjoni mingħand spetturi? Jekk iva jista' jagħti d-dettalji rilevanti ta' kemm applikaw? Min huma u meta saru spetturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija infurmat li l-interviews ser isiru fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jara li minħabba li wasluli xi ilmenti li fil-Kulleġġ, li ismu qed jintbagħat separatament, ilhom ma jkollhom lezzjonijiet ta' l-Istorja ta' Malta fit-Tielet u fir-Raba' klassi tas-sekondarja għal aktar minn xahrejn, għaliex m'hemmx għalliem/a għal dan is-suġġett? Jaf il-Ministru li l-ġenituri qatt ma ngħataw raġuni għal dan in-nuqqas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-vakanza f'din l-iskola privata inqalgħet meta għalliema mardet u rriżenjat. Il-Kulleġġ ħareġ numru ta' sejħiet għal għalliem/a iżda l-applikanti jew ma kinux kwalifikati jew inkella irtiraw meta saru jafu li l-vakanza kienet għal għalliem/a part-time. Kien minħabba f'hekk li l-istudenti baqgħu mingħajr lezzjonijiet ta' l-Istorja ta' Malta għal sitt ġimgħat. Sadattant, l-istudenti u l-ġenituri kienu mgħarrfin bir-raġuni għan-nuqqas ta' lezzjonijiet f'dan is-suġġett.
Il-problema issa ġiet solvuta u l-istudenti għandhom lezzjonijiet regolari fl-istorja ta' Malta mis-6 ta' Jannar 2003.
Jikkonferma l-Ministru li kien hemm ilmenti mill-Kumitat Olimpiku Malti dwar nuqqasijiet fil-Pixxina Nazzjonali li qed ifixkel it-taħriġ ta' għawwiema li qed jippreparaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar? X'kienu l-ilmenti tal-KOM? Għaliex il-kumitat li jmexxi l-Pixxina mhux qed isaħħan kif suppost iż-żewġ vaski b'mod adegwat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm ebda lmenti mill-Kumitat Olimpiku Malti dwar xi nuqqasijiet fil-Pixxina Nazzjonali li qegħdin ifixklu t-taħriġ ta' għawwiema li qed jippreparaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda nirreferi lill-Onor. Membru għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37224. Sadanittant li matul il-perjodu li l-Pixxina kienet magħluqa fi żmien il-Milied twaħħal heat exchanger ġdid u reġgħu bdew jissaħħnu ż-żewġ vaski.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-għotja li l-Gvern ta għat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali f'din is-sena finanzjarja? Jista' jagħti dettalji kif intnefqet fuq salarji, manutenzjoni, eċċ.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għotja li ta l-Gvern lill-Pixxina Nazzjonali matul l-2002 kienet ta' Lm80,000. Il-Gvern alloka wkoll Lm27,000 fil-bidu tas-sena mill-fondi li baqgħu ma ntefqux mill-Vot tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport matul l-2001. Din l-għotja kienet immirata biex jitħallsu xi kontijiet li xi wħud minnhom kienu ilhom pendenti mill-1997.
Informat li m'huwiex possibbli li jiġi identifikat xi tħallas minn dawn il-flus peress li l-għotjiet li jgħaddi l-Gvern lill-Pixxina jiġu amalgamati ma' flus oħra li tiġġenera l-Pixxina stess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul f'din is-sena finanzjarja tal-Pixxina Nazzjonali? Kemm kien minn kirjiet ta' uffiċini, minn timijiet Maltin tal-waterpolo, minn timijiet/gruppi barranin u kemm dħul minn ħlasijiet tad-dħul?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dħul finanzjarju tal-Pixxina Nazzjonali matul l-2002 kien jammonta għal Lm165,018. Dan id-dħul jinkludi:
Lm11,564 minn kirjiet ta' uffiċini
Lm21,860 minn timijiet tal-waterpolo u l-A.S.A.
Lm19,611 minn timijiet / gruppi barranin
Lm30,299 minn ħlasijiet tad-dħul.
Din l-informazzjoni hija waħda proviżorja minħabba li għad trid issir il-verifika minn ditta privata u indipendenti. Ir-rapport mistenni jitlesta sa Marzu 2003.
Jista' l-Ministru jgħid fil-Pixxina Nazzjonali kemm kien id-dħul f'din is-sena finanzjarja minn kirjiet għall-faċilitajiet ta' catering u avviżi fil-Pixxina?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dħul minn kirjiet għall-faċilitajiet ta' catering u avviżi fil-Pixxina matul l-2002 kien Lm6650 u Lm3450 rispettivament.
Din l-informazzjoni hija waħda proviżorja minħabba li għad trid issir il-verifika minn ditta privata u indipendenti. Ir-rapport mistenni jitlesta sa Marzu 2003.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata? Jista' jgħid ukoll kemm għamlu overtime kull wieħed f'dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' ħaddiema fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata huwa skond Tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-overtime li sar fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata dawn l-aħħar 12-il xahar jidher f'Tabella B li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.