Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlametnari numru 37999 u cioe' jista' il-Ministru jgħid fil-31 ta' Diċembru 2002 kemm kien hemm armi tan-nar reġistrati mal-pulizija? Jista' jagħti breakdown tat-tip ta' dawn l-armi? Kemm minn dawn l-armi huma meqjusa bħala antiki u għalhekk ma jistgħux jintużaw aktar? Kemm ġew reżġistrati għall-ewwel darba fl-2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-31 ta` Diċembru 2002, in-numru ta` armi reġistrati mall-Pulizija li jagħqu taħt l-interpretazzjoni ta` "arma tan-nar" kif definit fl-Arms Ordinance (Chap 66) hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari numru 38000 u cioe' jista' jgħid minbarra l-armi tan-nar liema armi oħra għandhom jiġu reġistrati mal-Pulizija? Kemm hemm reġistrati minn kull tip? Kemm minn dawn l-armi ġew reġistrati għall-ewwel darba fl-2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-31 ta` Diċembru 2002, in-numru ta` armi reġistrati mall-Pulizija li ma jagħqux taħt l-interpretazzjoni ta` "arma tan-nar" kif definit fl-Arms Ordinance (Chap 66) hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa maħsub li ser jinħatru maġġuri fil-Korp tal-Pulizija? Kemm kien hemm applikazzjonijiet minn surġenti fil-Krop? Hemm xi data sa meta dawn ser jinħatru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm mitt membru tal-Korp tal-Pulizija li jokkupaw il-grad ta` Surġent ta` l-Ewwel Klassi li applikaw sabiex ikunu ikkunsidrati għall-ħatra ta` Surġent Maġġur tat-Tieni Klassi. Il-ħatriet ser isiru skond kif ikun hemm bżonn fl-aħjar interessi ta` l-istess Korp.
Skejjel — Tfal li se jipiċċaw mill-iskola fl-aħħar ta' din is-sena skolasitika
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa maħsub li ser jispiċċaw tfal mill-iskola fl-aħħar ta' din is-sena skolastika? Jista' jgħid kemm ser jispiċċaw mill-iskejjel tal-Istat, Indipendenti u tal-Knisja? Kemm minnhom huma subien u kemm bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li ser jispiċċaw mill-Iskejjel fl-aħħar ta' din is-sena skolastika hu kif ġej:
Subien Bniet Total
Skejjel ta' l-Istat 1818 1962 3780
Skejjel tal-Knisja 798 637 1435
Skejjel Indipendenti 208 160 368
Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sena li għaddiet kienx hemm każi fejn il-pulizija bil-poteri mogħtija lilha għalqet xi post ta' divertiment minnufih li nstabu tfal taħt l-eta' fihom? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti dettalji dwar liema kienu dawn il-postijiet, f'liema lokalita' u għal kemm żmien ingħalaq kull post?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2002 ma kien hemm ebda post ta' divertiment fejn giet ordnata is-sospensjoni tal-licenzja minhabba li kienu thallew jidhlu persuni taht l-eta ta' sittax-il sena.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-liġi tippermettix li tfal taħt l-eta' legali ta' sittax-il sena jidħlu f'postijiet ta' divertiment fejn ikun servut l-alkoħol anke jekk ma jixorbux alkoħol huma stess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-Regolamenti biex jinzamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment jipprojbixxu li persuni taht l-eta' ta' sittax-il sena jithallew jidhlu gewwa lokalita` ta' divertiment.
Jista' il-Ministru għalkemm fi tweġiba preċedenti ta' ftit xhur ilu qal li qed ikun hemm sorveljanza fl-inħawi ta' fuq ta' St. George' Road f'San Ġiljan fejn qed ikun hemm ħwienet (mhux bars) li qed ibiegħu nbid u xorb alkoħoliku ieħor liż-żagħżagħ anke taħt l-eta', jgħid kemm-il darba nqabdu dawn il-ħwienet ibiegħu dan l-alkoħol?
Jista' il-Ministru jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji peress li għandi lmenti li l-playing fields faċċata ta' dawn il-ħwienet qed tkun mimlija żagħżagħ jixorbu l-alkoħol u li l-Ħadd filgħodu dan il-post ikun mimli fliexken vojta speċjalment ta' l-inbid?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2002 ma kienx hemm okkazzjonijiet fejn irrizulta illi l-hwienet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant bieghu inbid, birra jew likuri spirituzi lil persuna taht sittax-il sena. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tkompli taghmel sorveljanza fl-inhawi msemmija.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Awerness/Xorb alkoħoliku
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-programm imħejji mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għall-kumplament ta' din is-sena skolasitka biex ikun hemm aktar awareness fost l-istudenti żagħżagħ li x-xorb alkoħoliku fl-eta' tagħhom huwa ħażin? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programm imħejji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Programm imħejji mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar l-abbuż mix-xorb alkoħoliku jmur iżjed milli joħloq 'awareness'. L-importanza tal-programm qegħda fuq l-Edukazzjoni tal-valuri tas-Saħħa u tal-ħajja. il-ħiliet ta' kif tieħu deċiżjoni u bidla fl-imġieba taż-Żgħażagħ.
Il-Programm dwar dan is-suġġett qiegħed għal evalwazzjoni ta' l-esperti Kurrikulari u għaldaqstant id-Diviżjoni ma tarahiex prudenti li tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programm f'dan l-istadju. Meta l-programm kollu jkun approvat, ma ssibx diffikulta` li tagħti kopja ta' l-istess programm.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Programmi fuq sess edukattiv
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm skejjel ta' l-istat, indipendenti u tal-knisja li talbu l-għajnuna lid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni biex iħejju u jattwaw programmi fuq sess edukattiv mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2002? Liema kienu dawn l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li billi l-Edukazzjoni Sesswali hija parit mill-Kurrikulu Nazzjonali, l-għalliema fl-iskejjel huma mistennija li jipprovdu għal dan l-aspett edukattiv. Kull meta l-iskejjel Statali u Non-Statali jħossu l-bżonn li jitolbu l-għajnuna tad-Diviżjoni, din isibuha fiż-Żjajjar fl-iskejjel li jsiru mill-Uffiċjali tad-Diviżjoni, fil-laqgħat ta' l-għalliema u fil-Korsijiet ta' taħriġ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk f' dan l-aħħar xahar żmien inqalgħux problemi dwar is-servizz tat-telecare minħabba xi differenzi li hemm mal-Maltacom? Jista' jgħid x'soluzzjoni qed tiġi suġġerita sabiex persuni li qed jistennew dan is-servizz jingħatalhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-Telecare baqa' jingħata lil min jikkwalifika għalih dejjem bl-għajnuna tal-Maltacom.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kumpannija Maltacom mhux qed tagħti aktar is-servizz tat-telecare lil applikanti l-ġodda? Jista' jgħid xi problema hemm mal-gvern jew aħjar mad-Dipartiment tal-Politika Soċjali li huma responsabbli li jħaddmu dan is-serivzz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-servizz tat-Telecare huwa servizz soċjali li joffri l-Gvern lil nies bi ħtiġijiet partikulari. Dan is-servizz, li huwa sponsorjat bejn il-Gvern u l-Maltacom, huwa marbut ma' ammont speċifiku ta' abbonati.
Kull tant żmien jiġri li t-talba għal dan is-servizz taqbeż l-ammont miftiehem u għalhekk l-applikanti ġodda jkollhom jistennew sakemm isir l-upgrading neċessarju biex ikunu jistgħu jingħataw dan is-servizz.
Jista' il-Ministru jikkonferma li nhar il-Ġimgħa 3 ta ' Jannar 2003 filgħaxija fit-tard iddaħħal tifel ta' ħmistax-il sena fl-Isptar San Luqa jsofri minn avvelenaent alkoħoliku wara disco party li attenda f'post ta' divertiment f' Baħar iċ-Ċagħaq li ismu qed jintbagħat separatament? Jista' jikkonferma wkoll li dan it-tifel kellu jiddaħħal fl-ITU għaliex kien hemm biża li kellu xi ħaġa serja b'effett ta' l-alkoħol? Il-pulizija ġiet infurmata dwar il-każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Le ma nistax għal raġunijiet ovvji fosthom li domandi bħal dawn ma humiex skond l-iStanding Orders tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid fis-sena 2002 kemm kien hemm żagħżagħ taħt l-eta' legali li nqabdu mill-pulizija f'Malta u Għawdex f'xi post ta' divertiment? Kemm-il darba ttieħdu passi kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet ta' divertiment? Jista' jagħti lista' ta' liema huma dawn il-postijiet u l-lokalita' tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2002 kien hemm tmienja u sebghin (78) persuna taht is-sittax-il sena li nqabdu f'postijiet ta' divertiment. B'rizultat ta' dan il-Pulizija hadet passi quddiem il-Qorti kontra hdax (11) il-sid ta' dawn l-istabbilimenti li jinsabu f'San Giljan, ix-Xemxija, Mellieha, Buskett u Rabat Ghawdex.
Skejjel — Programmi kontra xorb alkoħoliku u tipjip
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm skejjel ta' l-Istat, Indipendenti u tal-Knisja li talbu għajnuna lill-Awtoritajiet ta' l-Edukazzjoni biex iħejju u jattwaw programmi kontra x-xorb alkoħoliku u kontra t-tipjip u dan fl-2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wieħed mill-għanijet tal-Kurrikulu Nazzjonali jitkellem dwar l-għażliet ta' stili ta' ħajja. L-abbuż mill-alkoħol u t-tipjip jidħlu ma' dan l-oġġettiv u għaldaqstant huma parti regolari mill-programmi fl-iskejjel Maltin.
Fl-iskejjel, l-għalliema huma mistennija li jiprovdu dan is-servizz. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tgħin dan l-aspett ta' l-Edukazzjoni bis-servizzi ta' għalliema speċjalizzati fis-settur tal-Personal and Social Development (PSD) u l-Guidance and Counselling. F'dan il-qasam id-Diviżjoni ssib l-appoġġ ta' NGO's bħal Caritas, Sedqa u Oasi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet mingħand skejjel ta' l-Istat, Indipendenti u tal-Knisja biex iħejju u jattwaw programmi kontra l-abbuż tad-droga u dan fl-2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kurrikulu Nazzjonali jitkellem dwar għażliet għaqlin u għalhekk l-abbuż tad-Droga wkoll huwa parti minn dan is-suġġett.
Informat li fl-iskejjel, l-għalliema huma mistennija li jipprovdu dan is-servizz. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tgħin dan l-aspett ta' l-Edukazzjoni bis-servizzi ta' għalliema speċjalizati fis-settur tal-P.S.D. u Guidance. Caritas, Sedqa u Oasi huma fost NGO's li jagħtu appoġġ f'dan il-qasam lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi fil-kwistjoni ta' l-għassa tal-pulizija f'Marsaskala u jekk għandhux il-ħsieb li matul din is-sena jibni għassa tal-pulizija ġdida f'post ċentrali li tkun attrezzata tajjeb u li tkun miftuħa b'mod permanenti għal 24 siegħa kuljum?
Response (BORG, TONIO)
Mhux minnu li r-residenti ta` Wied il-Għajn iridu jinqdew bl-Għassa tal-Pulizija ta` Ħaż Żabbar għax bħal ma diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, l-Għassa ta` Wied il-Għajn qed tkun miftuħa u regolarment ikun hemm kuntistabbli jew surġent dettaljat hemmhekk, bl-eċċezzjoni li jista` jkun hemm drabi fejn l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-kuntistabbli jew surġent li jkun għassa joħroġ fuq xogħol fil-lokal.
Ninsab infurmat ukoll illi l-possibilita` illi din l-Għassa tkun traskolata għal post ieħor għadha qed tkun mistħarrġa, pero` dan jiddependi fuq meta jinstab post li jkun addatat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet aħjar mill-Għassa preżenti.
Infurmat ukoll illi riċentement, bħala parti mill-programm ta` tiġdid fl-Għases tal-Pulizija, f`din l-Għassa ukoll sar xogħol ta` manutenzjoni estensiv kif ukoll ġiet fornita b`għamara ġdida u b`sistema ta` komunikazzjoni tar-radjo. Kemm ix-xogħol ta` manutenzjoni kif ukoll l-għamara sar kollu mill-membri tat-Taqsima tat-Trades tal-Korp tal-Pulizija stess.
Jista' il-Ministru jgħid hux minnu li wara li l-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn nieda kampanja intensiva favur il-ħtieġa ta' għassa tal-pulizija f'post ċentrali u attrezzata tajjeb, inkluż bir-riżorsi umani neċessarji u wara l-preżentazzjoni ta' ittra ta' appoġġ lill-Membri Parlamentari kollha, saru xi xogħlijiet fuq l-għassa preżenti, kif ukoll inxtrat għamara ġdida?
Jekk fl-affermattiv, jista' il-Ministru jgħid kemm hija s-somma minfuqa fuq xogħlijiet u fuq xiri ta' għamara?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38001 f`din l-istess Seduta.
Jista' il-Ministru jikkonferma li, minkejja l-isforzi kollha lin saru min-naħa tal-Kunsill Lokali ta' Marsaskala għall-akkwist ta' għassa ġdida f'post adattat u attrezzat tajjeb, sal-lum, ir-residenti ta' Marsaskala jridu jinqdew bl-għassa ta' Ħaż Żabbar?
Jista' il-Ministru jgħid ukoll kemm huma l-vetturi disponibbli għall-għassa ta' Ħaż Żabbar li trid taqdi l-bżonnijiet ta' Ħaż Żabbar u l-postijiet ta' l-inħawi, inkluż ta' Marsaskala?
Response (BORG, TONIO)
B`żieda mat-tagħrif li jiena tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38001, ninsab infurmat illi l-Għassa tal-Pulizija ta` Ħaż Żabbar hija l-Għassa prinċipali tal-Diviżjon, li tinkludi Wied il-Għajn. Għalhekk bhal kull Diviżjon ieħor tal-Korp tal-Pulizija, din għandha għad-dispożizzjoni tagħha karozza. Id-Diviżjon ta` Ħaż Żabbar ukoll jifforma parti mid-distrett ta` Bormla, fejn hemm żewġ vetturi oħra li jintużaw skond in-neċessita`. Pero` dan ma jfissirx illi f`każ ta` bżonn ma jsirx użu minn vetturi oħra tal-Korp tal-Pulizija, bħal ma huma tad-Distretti oħra jew tal-Mobile. Ta` min ifakkar ukoll illi matul ix-xhur tas-sajf f`Wied il-Għajn tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fuq patrol, kemm minn tad-distrett kif ukoll minn taqsimiet oħra bħalma hija l-Iskwadra tal-Mobile u dik tal-Muturi tat-Traffiku, kif ukoll isir użu mill-Mobile Police Station.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx ħsieb li jitwaħħlu security cameras f'diversi postijiet f'Malta u Għawdex u jekk fl-affermattiv jistax jgħid jekk Marsaskala hux wieħed minn dawn il-postijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi huwa l-ħsieb tal-Korp tal-Pulizija li tkompli bl-istallazzjoni ta` aktar security cameras simili għal dawk li hemm fl-inħawi ta` Paċeville. Fil-fatt diġa` nbeda l-proċess għax-xiri ta` aktar minn dawn is-security cameras. Ninsab ukoll infurmat illi f`dan l-istadju għadhom ma ġewx determinati l-lokalitajiet fejn dawn il-cameras ser jiġu nstallati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba żar u daħal fl-għassa ta' Marsaskala?
Response (BORG, TONIO)
Qed nieħu gost li l-Onor. Interpellant qed jafferma li hemm għassa tal-Pulizija f`Wied il-Għajn, għax hawn min fil-Partit tiegħu qed jagħti l-impressjoni li m`hemmx għassa.
Kemm ili Ministru ta` l-Intern fiż-żewġ leġislaturi żort diversi għases tal-Pulizija, inkluż Wied il-Għajn. Ma jfissirx li refurbishment tal-għases isiru skond fejn imur il-Ministru. Għalhekk għalkemm qatt ma kont żort l-għassa tax-Xgħajra, sar xogħol estensiv fiha.