Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx sar xi studju dwar l-effetti ta' tipjip (passive smoking) f'Malta? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li studji epidemjoloġiċi ta' din ix-xeħta qatt ma saru hawn Malta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadhomx jitqassmu flus tas-Super 5 lill-għaqdiet sportivi? Jekk iva, jista' jgħid fis-sena 2002 lil min u kemm tqassmu u minn liema Ministeru?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħal kull sena, fl-2002 tqassmu flus lil diversi għaqdiet sportivi mill-fond tas-Super Five. Nqiegħed fuq il-mejda tal-kamra lista li turi kif ġew mqasma dawn il-flus lill-għaqdiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux ser issir pedestrian zebra crossing fi Triq Hompesch Ħaż Żabbar, fil-lights li saru dan l-aħħar u li jagħtu għal Marsaskala, fost oħrajn, u dan minħabba li fl-ebda mument persuni ma jistgħu jaqsmu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi ftit qabel il-
lights
imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hemm
pelican crossings
ħdejn il-
Housing
Estate
kif ukoll
zebra crossing
iktar 'il fuq f'Labour Road u għalhekk ma jidhirx li hemm bżonn li jsiru faċilitajiet oħra f'din il-parti tal-lokalita'.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37994 u cioe' jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kemm saru vjaġġi minn xarabanks u mini-buses biex iġorru tfal tal-iskola, kemm kien it-total li għandu jitħallas, diġa tħallas xi ħaġa, kemm u meta, jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali tiegħi għaliex it-tweġiba li ta m'għandha x'taqsam xejn mal-mistoqsija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'kull ġurnata skolastika bejn l-ewwel ġurnata tas-sena skolastika 2002 u l-Milied (63 ġurnata b'kollox), saru 752 vjaġġ kull filgħodu u l-istess numru ta' vjaġġi kull wara nofsinhar. Is-somma dovuta għal dan is-servizz tammonta għal Lm408,500, li minnhom tħallsu Lm306,229.73 sa' l-aħħar ta' Diċembru 2002 u Lm19,073 tħallsu f'Jannar 2003.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' membri fil-korp tal-pulizija bħalissa? Kemm minnhom għandhom aktar minn ħamsa u għoxrin sena servizz? Jista' jgħid kemm matul din is-sena se jagħlqu l-eta' li bilfors ikollhom jirtiraw? Ta' liema rank huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,790 membru fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn hemm 154 li fil-preżent għandhom 25 sena servizz, filwaqt li hemm 3 kuntistabbli oħra li matul din is-sena ser jagħlqu l-eta` ta` l-irtirar.
Jista' il-Ministru jgħid bħalissa fil-korp tal-pulizija hemmx min jieħu allowance talli jitkellem b'lingwa barranija? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm u liema lingwa jitkellmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m`hemm l-ebda membru tal-Korp tal-Pulizija li qiegħed jieħu allowance talli jitkellem b`lingwa barranija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi studjat mill-Universita' jekk l-eżami tal-Malti fil-livell tas-SEC għandhux jinqasam f'żewġ karti separati tal-lingwa u tal-letteratura kif inhu l-Ingliż? Jaf li numru ta' għalliema tal-Malti jippreferu li jsir hekk?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċċju, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
X'kien l-ammont totali fi flus li ntlagħbu fuq il-logħob kollu organizzat mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku fl-2002?
Response (DALLI, JOHN)
Ngharraf lill- Onorevoli Interpellant li id-dhul totali fi flus mill-loghob kollu organizzat mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku fl-2002 kien ta’ Lm22,365,310.
Jista' il-Ministru jelenka kemm intlagħbu flus f'kull logħba organizzata mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku fl-2002 separatament u kemm kien hemm rebħ li ma ġiex imsarraf?
Response (DALLI, JOHN)
Ngharraf lill-Onorevoli Interpellant li ser inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tgharrif mitlub.
Jikkonferma il-Ministru li l-pulizija qed tagħmel investigazzjoni dwar parties li qed jiġu organizzati fejn anke qed jitħallew jidħlu tfal taħt l-eta' legali ta' sittax-il sena fejn jinbiegħ l-alkoħol u dan speċifikament f'Baħar iċ-Ċagħaq? Jaf il-Ministru li wieħed minn dawn il-parties ma sarx nhar il-Ġimgħa 24 ta' Jannar għaliex meta marru fil-post imsemmi separatament sabu il-bieb magħluq għaliex qalulhom li beżgħu li kien ser isir rejd tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-ġurnata msemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija kienet diġa` għaddejja bl-investigazzjoni dwar ir-rapport imsemmi, bħal ma diġa` infurmajt lill-Onorevoli Interpellant fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38285. Kien għalhekk illi l-post imsemmi kien ordnat li jinżamm magħluq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm jista' jkollha żmien persuna sabiex tagħmilha ta' disc jockey f'post ta' divertiment? Jikkonferma il-Ministru li hemm rapporti li tfal taħt is-sittax-il sena qed jorganizzaw discos u parties f'postijiet tad-divertiment fejn jinbiegħ l-alkoħol? Il-Pulizija qed tagħmel investigazzjoni dwar dan speċjalment fil-post imsemmi separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma hemmx regolamenti dwar l-eta` li jrid ikollhom disc jockeys. Biss kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, ir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f`lokalitajiet ta` divertiment jipprojbixxu li persuni taħt l-eta` ta` sittax-il sena jitħallew jidħlu ġewwa lokalita` ta` divertiment. Infurmat ukoll illi l-Pulizija irċeviet informazzjoni dwar disco minn żagħżagħ taħt is-sittax-il sena fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, liema informazzjoni qed tiġi investigata.
Jista' il-Ministru jara li jsiru aktar bozoz fi Triq it-Tiben ġewwa Marsaskala minħabba li fil-preżent hemm bozza waħda biss li tinsab f'tarf l-istess triq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li din it-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.
Jista' il-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq iċ-Ċervjola ġewwa Marsaskala kantuniera ma' Triq it-Tiben, minħabba li dik li kien hemm qabel tneħħiet minħabba li kienet ta' periklu minħabba l-arblu li kienet imwaħħla miegħu u ma twaħħlitx oħra minfloka?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minflok il-bozza li kienet tneħħiet twaħħlet waħda ġdida ma' bini fil-qrib u jirriżulta li hemm dawl adekwat.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li ssir Triq it-Tiben ġewwa Marsaskala minħabba l-istat ħażin u perikoluż li din tinsab fih?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha kif ħarġet sejħiet għall-offerti biex isiru xogħlijiet fit-toroq San Ġwakkin, Artilieri u Triq l-Immakulata u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant isir iktar 'il quddiem.
Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx jew hux qed issir inkjesta dwar il-permess li ngħata sabiex titwaqqa' l-faċċata ta' bini storiku li kien magħruf bħala Villa De Fremaux fi Triq Santa Katarina fiż-Żejtun u dan wara li fis-snin li għaddew kien inqered il-post minn ġewwa? Jista' jpoġġi kopja tal-investigazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma saritx inkjesta mill-MEPA dwar il-ħruġ ta` dan il-permess. Il-MEPA talbet parir legali dwar dan il-każ u irriżulta skond dal-parir li l-Kummissjoni ta` l-Iżvilupp aġixxiet fil-parametri tal-liġi u il-permess li nħareġ huwa wieħed validu.
B'referenza għall-mistoqsija numru 38002, jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub u cioe' kemm kienet in-nefqa fil-manutenzjoni u f'għamara ġdida f'hekk imsejħa Għassa ta' Marsaskala?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` spjegajt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38001, kemm ix-xogħol ta` manutenzjoni kif ukoll l-għamara f`dik li hija l-Għassa tal-Pulizija ta` Wied il-Għajn sar kollu mill-membri stazzjonati fit-Taqsima tat-Trades tal-Korp tal-Pulizija stess. Għalhekk in-nefqa kienet dik tal-materjal użat sabiex inħadmet l-għamara u sabiex saret il-manutenzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx ma' dak li jsostni l-Kunsill Lokali ta' Marsaskala u r-residenti ta' Marsaskala, li l' hekk imsejħa Għassa tal-Pulizija hija waħda antika u mhux tajba għaż-żminijiet tal-lum u mhux aċċessibbli la għall-anzjani u lanqas għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? Jaqbel ma dan, jista' jgħid jekk hux qed jittieħdu passi jew hemmx il-ħsieb li jibni Għassa tal-Pulizija ġdida f'post ċentrali f'dan il-lokal?
Response (BORG, TONIO)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jaqbel miegħi li huwa fatt magħruf li l-bini fejn hemm l-Għassa tal-Pulizija ta` Wied il-Għajn huwa wieħed antik. Għaldaqstant kif diġa` spjegajt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38001, il-possibilita` illi l-Għassa tal-Pulizija ta` Wied il-Għajn tkun traslokata għal post ieħor għadha qed tkun mistħarrġa, pero` dan jiddependi fuq meta jinstab post li jkun addatat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet aħjar mill-Għassa preżenti. Sadanittant qed ikun maħsub kif jista` jitjieb l-aċċess għal din l-Għassa.