Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #504 Sitting 14 2003-06-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżerċizzji fiżiċi

Question

Peress li huwa fatt magħruf li l-obesita` fost it-tfal hija allarmanti, jista’ il-Ministru jgħid x'inhu jagħmel id-dipartiment ta’ l-edukazzjoni biex jiżgura li l-lezzjonijiet f'kull livell ta’ l-iskejjel primarji, sekondarji u sixth form fl-edukazzjoni fiżika jiżdiedu? X'qed isir biex il-ġenituri jintwerew il-benefiċċju li t-tfal tagħhom jagħmlu eżerċizzji fiżiċi regolari u li dawn għandhom jibdew l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li: 1. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jorganizza regolarment korsijiet għall-għalliema biex jaddottaw strateġiji ta' tagħlim biex aktar jimmotivaw lill-istudenti lejn l-attivita' fiżika. 2. Ikunu organizzati għadd ġmielu ta' Field Days u Fun Runs, fuq bażi ta' reġjun, ta' lokalita' u ta' skola. F'ħafna minn dawn jipparteċipaw il-ġenituri. 3. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jemmen li parti sostanzjali tal-problema tista' titnaqqas bi programm edukattiv. L-istudenti jingħataw tagħrif u parir mhux biss mill-P.E. teachers iżda wkoll minn teachers tal-PSD u tal-Home Economics meta l-istudenti jagħżlu dan is-suġġett bħala 'option'. 4. 'Id-dieta' u 'r-relazzjoni bejn l-attivita' u l-ikel' huma wkoll temi fis-sillabu għall-istudenti tal-P.E. 'option'.
Leg 10 PQ #505 Sitting 14 2003-06-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Lezzjonijiet ta' taħriġ fiżiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx previst li fis-sena skolastika li ġejja jkun hemm aktar lezzjonijiet ta' taħriġ fiżiku? Kemm kien hemm f'din is-sena li se tagħlaq? Jista’ jagħti l-figuri għal kull livell?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux previst li fis-sena li ġejja jkun hemm żieda fil-lezzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Fiżika. Fis-sena li għaddiet it-taqsim ta' ħin għall-lezzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Fiżika kien hekk: 1. Skola Primarja: sagħtejn u nofs fil-ġimgħa 2. Junior Lyceum Form 1 u 2: 2 lezzjonijiet fil-ġimgħa 3. Skola Sekondarja Form 1, 2 u 3: 2 lezzjonijiet fil-ġimgħa 4. Junior Lyceums Form 3, 4 u 5: lezzjoni waħda fil-ġimgħa 5. Skola Sekondarja Form 4 u 5: lezzjoni waħda fil-ġimgħa 6. Junior Lyceum (Klassi P.E. option): Form 3, 4 u 5: 4 lezzjonijiet fil-ġimgħa 7. Skola Sekondarja (Klassi P.E. option): Form 4 u 5: 5 lezzjonijiet fil-ġimgħa. Biex jinġabar in-numru ta' lezzjonijiet li attwalment saru matul is-sena skolastika, ikun jeħtieġ li tintbagħat ċirkulari għall-informazzjoni mill-iskejjel mid-dipartiment ta' l-'Operations' fi ħdan id-Diviżjoni.
Leg 10 PQ #506 Sitting 14 2003-06-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Għalliema ta' l-edukazzjoni fiżika

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema ta’ l-edukazzjoni fiżika mpjegati mad-dipartiment ta’ l-edukazzjoni? Dawn huma kollha mpjegati fix-xogħol li ggradwaw għalih? Kemm minnhom jgħallmu f'aktar minn skola waħda? Kemm huma assenjati għall-iskejjel primarji, sekondarji u sixth form?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħal issa hawn 125 għalliem ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel statali. X'uħud minnhom jgħallmu suġġett ieħor ukoll. Mhux kollha huma ggradwati B.Ed, għaliex x'uħud attendew it-Training Colleges waqt i oħrajn huma 'instructors'. 37 minnhom jgħallmu f'iktar minn skola waħda. Dawn l-għalliema huma assenjati fl-iskejjel kif jidher hawn taħt: 23 peripatetic fl-iskejjel primarji 11 activity teachers (PE) fl-iskejjel primarji 01 swimming promotion unit 83 fis-sekondarji u junior lyceums 07 sekondarja għolja.
Leg 10 PQ #507 Sitting 14 2003-06-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Sexually transmitted infections

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' STI (sexually transmitted infections) fl-2002 u fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Il-pazjenti kienu kollha Maltin? Kemm kien hemm nisa? Liema nfezzjoni kienet irrapportata minn tobba jew ġew ittrattati l-isptar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li s'issa għadha ma teżistix notifikazzjoni statutorja ta' l-STI (sexually-transmitted infections). Għaldaqstant, mhumiex magħrufa qualunkwe infezzjonijiet li jiltaqgħu magħhom il-GPs u l-ispeċjalisti l-oħra fl-isptarijiet. Huwa l-ħsieb, madanakollu, i l-STIs ikunu notifikabbli hekk kif tiġi fis-seħħ l-Att dwar is-Saħħa Pubblika.
Leg 10 PQ #508 Sitting 14 2003-06-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-saħħa — Sexually transmitted infections

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kif it-taqsima tas-saħħa tispjega lill-istudenti fl-iskola u lill-poplu in ġenerali dwar STI ( sexually transmitted infections )? Isiru xi kampanji edukattivi għal dan il-għan?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li b'mod ta' rutina, kull skola li titlob s-servizz tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa fil-qasam tas-saħħa sesswali tiġi moqdija. L-interventi jieħdu forma ta' talks formali ma l-istudenti u jintużaw videos adattati. B'mod ġenerali r-reklamar fuq il-meżżi tax-xandir jgħinu biex iqajmu kuxjenza fuq il-bżonn li persuna tkun infurmata fuq ir-riskji kollha relatati mas-sess. Id-Dipartiment iqassam ukoll leaflets informattivi. Fil-qasam tal-Prevenzjoni sekondarja l-kumitat imwaqqaf apposta (STIPC) jagħmel reklamar fuq il-meżżi tax-xandir kollha biex iħeġġeġ lill-pubbliku jagħmel użu mis-servizzi fosthom screening tal-GU clinic li qegħda l-Isptar Boffa.
Leg 10 PQ #477 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Paceville — Sorveljanza mill-pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu passi biex jiżdied in-numru ta' pulizija speċjalment f'Paceville issa li dalwaqt jaslu eluf ta' żgħażagħ barranin, ħafna minnhom ta' anqas minn sittax-il sena, biex jistudjaw l-Ingliż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi qed tittieħed azzjoni skond kif meħtieġ.
Leg 10 PQ #478 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Stabilimenti tad-divertiment — Żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il persuna taħt l-eta' legali ta' 16-il sena nstabu f'xi ħanut jew post tad-divertiment fejn jiġi servut l-alkaħol u dan fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? F'liema lokalita' u kemm kienu l-postijiet differenti? X'passi ttieħdu kontra s-sidien u / jew dak li jkun qed jieħu hsieb il-post?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena kien hemm 13-il persuna li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija talli biegħu alkoħol lill-persuni ta` anqas minn sittax-il sena. Il-lokalitajiet fejn seħħew dawn il-każi kienu San Ġiljan, Marsascala u Baħar iċ-Ċagħaq.
Leg 10 PQ #479 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ċirkolari dwar żgħażagħ taħt l-eta' fi stabilimenti ta' divertiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni jhossx l-obbligu li qabel ma jibda s-sajf, peress li jiżdied sew in-numru ta' żgħażagħ barranin, ħafna minnhom taħt l-eta', jibgħat ċirkulari li tfakkar lill-kapijiet ta' dawn l-iskejjel li l-liġi ma tippermettix lil żgħażagħ taħt is-sittax-il sena li jidħlu f'bars u postijiet ta' divertiment, u dan għax l-iskejjel stess jorganizzaw ħafna mill-attivitajiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel kollha li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani jħossu diġa dan l-obbligu u ħafna minnhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex l-istudenti taħt is-sittax il-sena, meta joħorġu filgħaxija, ikun hemm min jieħu ħsiebhom u jwissihom kontra dan il-periklu li l-liġi ma tippermettix. Il-Bord ta' Sorveljanza bi ħsiebu jibgħat Ċirkolari lill-iskejjel kollha li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani kif suġġerit mill-Onor. Membru.
Leg 10 PQ #480 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Żgħażagħ taħt l-eta' li nqabdu jixtru s-sigaretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kemm inqabdu żgħażagħ taħt is-sittax-il sena jixtru s-sigaretti? X'passi ttieħdu kontra s-sidien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena ma tressqet il-Qorti l-ebda persuna dwar l-offiżi li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #481 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Nies li nqabdu jpejpu f'NO SMOKING areas

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu nies ipejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit u dan fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Fejn? Kien hemm xi każ fejn minn dawk li nqabdu kienu mpjegati tal-post?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena kien hemm persuna waħda li nqabdet tpejjep f`post fejn it-tipjip huwa projbit. Dan kien fl-isptar San Luqa u l-persuna involuta mhix impjegata hemm.
Leg 10 PQ #502 Sitting 13 2003-06-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tagħlim dwar sex education

Question

Wara t-tweġiba parlamentari dwar in-numru ta' ommijiet li kienu għadhom l-iskola u peress li jidher li l-attivita' sesswali ta' eta' żgħira qed tikber, jista' il-Ministru jgħid jekk l-istudenti kemm bniet kif ukoll subien fl-iskejjel sekondarji ta’ l-Istat jiġux mgħallma l-perikli tas-sess f'eta’ żgħira jew aħjar sex education? L-istudenti jiġu mgħallma l-konsewgenzi u r-responsabbiltajiet taghhom wara t-twelid ta' tarbija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel Sekondarji qed isir programm mill-għalliema tal-Personal and Social Development (PSD) fuq is-Sexuality and Relationship Education. Dan il-programm mifrux mill-Form I sa Form IV u s-sena d-dieħla jidħol ukoll fil-Form V. Fil-lezzjonijiet l-istudenti ma jiġux mogħtija biss tagħrif fuq is-suġġett iżda wkoll valuri u skills marbutin mas-suġġett. L-istudenti kollha fil-Form IV jattendu wkoll seminar ta' tlett ijiem fejn is-suġġett tas-Sexuality and Relationship Education jiġi trattat bejn l-istudenti u l-għalliema tal-P.S.D. Fis-seminar jattendu studenti subien u bniet u jkun hemm parti mill-programm li jittratta dwar relazzjonijiet fejn is-subien u l-bniet ikunu flimkien. Naturalment joħorġu ahjar il-konsegwenzi u r-responsabiltajiet taż-żgħażagħ Maltin.
Leg 10 PQ #471 Sitting 12 2003-06-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel ta' l-Ingliż — Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kontroll isir fuq dawk l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin biex jiġi assigurat li dawk kollha li jiġu mpjegati bħala għalliema jkunu fil-fatt iggradwati jew almenu għandhom l-A level fis-suġġett? Kemm saru spezzjonijiet f'kull skola mill-1 ta' Ġunju 2002 sa l-1 ta' Ġunju ta' din is-sena għal dan il-għan? Inqabdu xi nies li ma kellhomx il-kwalifiki skond il-liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel kollha li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani jafu li kull min jgħallem magħhom irid ikollu liċenzja maħruġa mingħad il-Bord ta' Sorveljanza. Matul is-sena li għaddiet, mill-1 ta' Ġunju 2002, membri tal-Bord ta' Sorveljanza għamlu żjarat fl-iskejjel kollha f'Malta u Għawdex u ma nstab l-ebda każ ta' għalliema fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani mingħajr liċenzja.
Leg 10 PQ #472 Sitting 12 2003-06-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Rapporti dwar inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fatali tat-traffiku fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena u fejn saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena kien hemm 8 inċidenti tat-traffiku fatali. Dawn seħħew f`dawn il-lokalitajiet: Valletta; Msida; Gudja; San Pawl il-Baħar; Birkirkara; Swieqi; San Ġiljan u Żejtun.
Leg 10 PQ #473 Sitting 12 2003-06-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Testijiet tal-breathalyser

Question

Jista' i-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kemm saru testijiet tal-breathalyser? Kemm-il sewwieq instab pożittiv? Kien hemm xi sewwieqa li kienu nvoluti f'xi inċident tat-traffiku li ġie mogħti l-breathalyser? Jekk fl-affermattiv, jista' il-Ministru jagħti dettalji?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena kien hemm 38 sewwieq/a li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn 20 kellhom riżultat pożittiv, 2 kienu fin-negattiv filwaqt li 16 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. Infurmat ukoll illi minn dawk li sarilhom dan it-test kien hemm 24 li kienu involuti f`xi inċident tat-traffiku. Minn dawn ta` l-aħħar 13 kellhom riżultat pożittiv filwaqt li 11 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut.
Leg 10 PQ #474 Sitting 12 2003-06-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Apparat biex jiġi kkontrollat l-ispeed tal-vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li sa fl-aħħar jiġi wżat it-tagħmir li nġieb biex jiġi kkontrollat l-ispeed tal-vetturi fuq bażi uffiċjali? X'inhu jżomm milli dan jinbeda? Jekk saru xi testijiet fit-triq b'dan it-tagħmir, jista’ il-Ministru jgħid meta u fejn saru?

Response (BORG, TONIO)

Infakkar l-Onor. Interpellant fit-Tweġiba preċedenti li jien kont tajt dwar dan is-suġġett, ċioe` li l-provvediment legali meħtieġ biex il-Pulizija tkun tista` tagħmel użu mill-speed cameras kien ġie ppublikat fl-1 ta` Marzu 2002. Ninsab infurmat illi l-Pulizija ilha tagħmel użu minn l-speed cameras sa minn Mejju tas-sena l-oħra. Dan qed isir fil-By Pass ta` l-Imrieħel u fit-Triq tal-Barrani. Infurmat ukoll illi s`issa kien hemm 185 sewwieq li ngħataw ċitazzjoni wara li ġew irreġistrati fuq l-speed camera li kienu qed isuqu b`veloċita` aktar minn dik permessibli.
Leg 10 PQ #475 Sitting 12 2003-06-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

CCF — Sejba ta' droga fuq priġunieri

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba f'dawn il-ħames xhur tas-sena nstabet droga fuq priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? X'kienet id-droga u f'’liema ammont? Fejn instabet? X' passi ttiehdu u kontra min? Kien hemm xi ħadd ieħor li fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin nstabu bid-droga? Jista’ il-Ministru jagħti d-dettalji?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ewwel ħames xhur ta` din is-sena kien hemm tmien (8) okkażżjonijiet meta nstab xi trab suspettuż fuq priġunieri jew fiċ-ċelel tagħhom. F`dawn il-każi kienu involuti ħames priġunieri. Għad m`hemmx konklużjoni jekk din kenitx droga. Ninsab infurmat ukoll illi l-każi kollha ġew mgħoddija lill-Pulizija u f`kull każ saret inkjesta maġisterjali. Dawn il-każi għadhom qed jiġu investigati.
Leg 10 PQ #476 Sitting 12 2003-06-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri li a) qed jiskontaw sentenza u b) qed jistennew sentenza, li huma dipendenti fuq id-droga? Kemm minnhom huma barranin u ta' liema pajjiż? Jista’ jgħid kemm minnhom qed jingħataw kura regolari? Jista’ jgħid kemm għandu l-iżgħar wieħed u kemm l-akbar?

Response (BORG, TONIO)

Il-kura li tingħata kif ukoll is-sitwazzjoni medika tal-priġunieri huma ta` natura kunfidenzjali u ma nħossx li għandhom isiru pubbliċi. Madanakollu ninsab infurmat illi fil-preżent hemm tlieta u għoxrin (23) priġunier li qed jagħmlu programm ta` riabilitazzjoni mid-droga; 7 fis-S.A.T.U., 6 f`Santa Marija/Sedqa u 10 mal-Caritas.

Mużewijiet/siti storiċi — Żjajjar minn studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel il-ministeru tiegħu biex iħajjar aktar studenti u żgħażagħ iżuru mużewijiet u siti storiċi, speċjalment fis-sena skolastika li jmiss?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-mużewijiet u siti għandhom rwol importanti fl-edukazzjoni u t-tagħlim ta' l-istudenti tagħna u, għalhekk, l-aċċessibilita' għalihom għandha tkun aktar faċli. Heritage Malta diġa ħadet inizjattivi biex tindirizza l-aċċessibilita' għal kulħadd, inklużi studenti w żgħażagħ, billi qed tiftah il-mużewijiet u siti storiċi il-Ħadd darba fix-xahar. Sadattant, Heritage Malta, fasslet pjan għal tlett snin li jinkludi laqgħat u wirjiet, possibilment ma' organizzazzjonijiet oħra interessati fil-qasam tal-wirt storiku. Dawn l-attivitajiet mhumiex immirati biss għall-istudenti u żgħażagħ, iżda għall-poplu in ġenerali. Heritage Malta qed taħdem ukoll fuq programm speċifiku għat-tfal ta' l-iskola bil-għajnuna ta' organizzazzjonijet oħra interessati fil-wirt storiku ta' pajjiżna. Qed ikun ukoll imħejji programm ta' riċerka dwar il-wirt storiku li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Ta' min isemmi l-inizjattivi li ħadet Heritage Malta fil-Birgu meta nfetħu l-mużewijiet u siti għall-pubbliku u kienet organizzata treasure hunt edukattiva għat-tfal. Barra minn hekk, il-Kulleġġ ta' St Edward flimkien ma' Din l-Art Ħelwa, u fi ftehim ma' Heritage Malta, organizzat jum ta' tindif fit-tempji ta' Skorba. Din kienet inizjattiva imħejjija apposta biex l-istudenti jingħataw esperjenza diretta tal-wirt storiku ta' pajjiżna. Bħalissa, Heritage Malta qed tgħin skola privata tiżviluppa programm għas-sajf għall-istudenti tagħha, fuq talba ta' l-istess skola. Heritage Malta tispera li għal sajf ieħor testendi dan il-programm għal skejjel oħra.

Skejjel — Attivitajiet sportivi

Question

Jaqbel il-Ministru li biex iħajjar aktar impenn sportiv bejn l-iskejjel differenti fuq bażi nazzjonali għandhom jiġu organizzati attivitajiet bejn skejjel governattivi, tal-Knisja u dawk indipendenti f' diversi dixxiplini sportivi? X'għajnuna anke organizzativa jista’ jagħti l-Kunsill Malti ta’ l-Isports biex skejjel jieħdu sehem fl-etajiet differenti fuq bażi kompetittiva? Jaqbel li dan l-impenn jista’ wkoll iservi biex jiġu identifikati żgħażagħ bi kwalitajiet sportivi tajbin li b'għajnuna u dedikazzjoni jistgħu jiġu żviluppati biex wara jirrappreżentaw lil pajjiżna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-liġi ta' l-Isport tipprovdi li l-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni jkollu Direttur nominat minnu biex jirrappreżentah fuq il-Kunsill Malti għall-isport. L-inizjattivi li semma l-Onor. Interpellant jridu jiġu koordinati mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Il-ħatra ta' Direttur nominat mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni jagħmel dan aktar faċli. Il-bini ta' faċilitajiet sportivi speċjalment bħal tal-Kottonera u l-Karwija, mibnija viċin skejjel, jiffaċilita' l-użu tagħhom minn studenti. Il-Kunsill Malti għall-Isport diġa' qed jikkordina is-Swimming Promotions Unit fejn studenti mill-iskejjel kollha ikunu ntrodotti għall-għawm, fejn talent mhux tas-soltu jigi identifikat u fejn ukoll ikunu organizzati kompetizzjonijiet. Hija wkoll l-intenzjoni tal-Kunsill Malti għall-Isport li jintroduċi programmi bħal dawn f'dixxiplini oħra.
Leg 10 PQ #467 Sitting 11 2003-06-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Impjiegi — Kuntratturi li qed iħaddmu nies barranin illegalment

Question

F'kummentarju fuq Capital Radio fl-4 ta' Ġunju, fis-2.15 ta' wara nofsinhar intqal li hemm kuntratturi li qed iħaddmu ħaddiema barranin illegalment u jħallsuhom bi 80 ċenteżmu fis-siegħa u dan anke fuq proġetti tal-gvern. Jista’ il-Ministru jinvestiga u jara jekk dan l-abbuż hux qed isir jew le? Jekk jinstab li dan hu minnu, jista’ jagħti dettalji dwar fuq liema xogħol kienu qed jitħaddmu u min kienu l-kuntratturi in kwestjoni u fuq kollox jittiehdu l-passi meħtieġa skond il-liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja tirrigwarda lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi u għalhekk il-Mistoqsija għandha issir lill-Ministru konċernat.