Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #791 Sitting 18 2003-07-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Instructors

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex l-instructors jiġu ħaġa waħda ma' l-għalliema? Jista' jgħid ukoll kemm hemm instructors u fejn qed iwettqu l-ħidma tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 10 PQ #615 Sitting 17 2003-07-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Taqsima għall-Promozzjoni tas-Saħħa — Abbuż mix-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebha tagħmel it-Taqsima għall-Promozzjoni tas-Saħħa fis-sena skolastika li jmiss biex ikompli jwissi ż-żgħażagħ kontra l-abbuż mix-xorb? Hemm xi pjan biex fis-sajf issir xi kampanja ta' reklamar f'xi postijiet ta' divertiment għall-istess għan?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fil-kampanja biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ jevitaw illi jixorbu bla rażan, id-dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa qiegħed juża numru sabiħ ta' billboards. Dawn ġew imqegħda f'Paceville. Barra dawn, hemm madwar għaxar karozzi tal-linja li fuqhom hemm il-messaġġ Tħallix l-Alkoħol Ikissrek, b'messaġġ viżwali addatt għall-okkażjoni. Għas-sena skolastika li ġejja hemm il-ħsieb li jsir fuljett apposta biex jitqassam fl-iskejjel. Fuq dan il-qasam, is-sena l-oħra kien sar proġett bi sħab mal-kulleġġ Mother Theresa fl-iMsida fejn l-istudenti għamlu ġimgħa ta' attivita' fuq l-alkoħol, kif ukoll iddisenjaw posters għal din l-okkażjoni li tqassmu fl-iskejjel.
Leg 10 PQ #616 Sitting 17 2003-07-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Xogħlijiet ta' tiswija u manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma x-xogħlijiet ta' tiswija u manutenzjoni li se jsiru fis-sajf fuq l-iskejjel ta’ l-Istat? F'liema skejjel u x'inhu x-xogħol li se jsir f'kull skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ix-xogħlijiet ippjanati mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada għal dan is-sajf huma ħafna u varji: minn sempliċiment xogħol ta' tisbieħ, għal xogħlijiet estensivi ta' kostruzzjoni u finitura. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed tippjana biex issebbaħ l-ambjent edukattiv ta' numru sostanzjali ta' skejjel, tagħmilhom aktar aċċessibli permezz ta' bini ta' ramep u stallazzjoni ta' diversi lifts, tibni laboratorji għat-tagħlim ta' xjenza u teknoloġija kif jitlob il-kurrikulu nazzjonali u wkoll qed tieħu ħsieb biex issaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fejn ikun meħtieġ, fost ħafna xogħlijiet oħra. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' xogħlijiet ippjanati li hu ippjanat li jsiru fix-xhur li ġejjin.
Leg 10 PQ #617 Sitting 17 2003-07-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kuntratti — Skejjel - Xogħol ta' manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx il-kuntratti kollha tax-xogħol u manutenzjoni li se jsiru fis-sajf fl-iskejjel ta’ l-Istat? Dawn kollha ngħataw wara sejħa pubblika? Lil min ingħataw il-kuntratti? Għal-liema skola? Kemm se jiswa x-xogħol f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li s-Seduta tal-Parlament ġiet avvanzata għal dalgħodu mill-bieraħ fil-għaxija, t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal u għaldaqstant tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Impjiegi — Kuntratti li qed iħaddmu nies barranin illegalment

Question

F'kummentarju fuq Capital Radio fl-4 ta' Ġunju, fis-2.15 ta' wara nofsinhar intqal li hemm kuntratturi li qed iħaddmu ħaddiema barranin illegalment u jħallsuhom bi 80 ċenteżmu fis-siegħa u dan anke fuq proġetti tal-gvern. Jista’ il-Ministru jinvestiga u jara jekk dan l-abbuż hux qed isir jew le? Jekk jinstab li dan hu minnu, jista’ jagħti dettalji dwar fuq liema xogħol kienu qed jitħaddmu u min kienu l-kuntratturi in kwestjoni u fuq kollox jittiehdu l-passi meħtieġa skond il-liġi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tieghu lill-Ministru koncernat.
Leg 10 PQ #706 Sitting 17 2003-07-01 Oral · Interim From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa — Mediċini - Meningite

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-titqiba tal-meningite hux out of stock jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta hu maħsub li din tkun fiċ-Ċentri tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Tarzni — Apprentisti ġodda

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar dħul ta' apprentisti ġodda fit-Tarzni tagħna, wara li diġa wiegħeb li hija l-intenzjoni li jkun hemm skemi ta' apprentistat ġewwa t-Tarzni tal-Marsa u Bormla?

Response (GATT, AUSTIN)

It-Tarznari qegħdin jisponsorjaw apprendisti ġodda skond l-iskemi tal-"Extended Skill Training Scheme (ESTS) u t-"Technician Apprenticeship Scheme (TAS)", tal-Employment and Training Corporation. is-sena 2002 xtaqna nisponsorjaw 60 apprendist iżda fil-fatt sibna 30 biss fis-snajja meħtieġa. Din is-sena t-talba hija ta' 60 apprendist u sissa għażilna 50 fis-snajja meħtieġa.
Leg 10 PQ #609 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Immigranti klandestini

Question

Wara diversi rapporti fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni Taljani u akkużi li hemm rabta bejn it-Turkija u Malta qabel ma immigranti klandestini jittieħdu fi Sqallija, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx kuntatt ma’ l-awtoritajiet Taljani dwar il-mijiet ta' immigranti illegali li daħlu fi Sqallija f'dawn l-aħħar ġimgħat? Ġew identifikati ċittadini Maltin li huma allegati li qed jieħdu sehem f'dawn l-operazzjonijiet illegali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kuntatt mal-Pulizija Taljana fuq materja ta` Immigrazzjoni Illegali hija kontinwa u regolari. Ma jirriżultax illi l-mijiet ta` immigranti illegali li ddaħħlu fi Sqallija, f`dawn l-aħħar ġimgħat, huma l-istess immigranti illegali illi l-Pulizija Taljana qed taħdem fuqhom b`kollaborazzjoni mal-Pulizija Maltija, il-għaliex dawk oriġinaw minn pajjiżi oħra fil-Mediterran. Għadhom qegħdin isiru l-indaġini neċessarji, biex dawk il-Maltin jew barranin li qegħdin Malta, u li huma nvoluti f`dawn l-operazzjonijiet jiġu iddentifikati u l-investigazzjonijiet ser ikomplu bejn iż-żewġ servizzi tas-Sigurta`.
Leg 10 PQ #610 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Sorveljanza — Kosta ta' Malta

Question

Minbarra s-sorveljanza li ssir mill-Pulizija mill-art madwar il-kosta ta' Malta, jista' jgħid x'tagħmir għandha biex din tkun tista’ ssir ukoll mill-baħar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sorveljanza ta` l-ibħra territorjali Maltin hija assenjata lill-Forzi Armati ta` Malta. Il-Pulizija għandha għad-dispożizzjoni tagħha żewġ speedboats u tlett rubber dinghies li jintużaw primarjament għal inshore patrols. Ninsab infurmat ukoll illi kull meta jkun hemm il-ħtieġa, il-Pulizija dejjem titlob u tingħata l-assistenza meħtieġa mill-Forzi Armati ta` Malta.
Leg 10 PQ #611 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sorveljanza tal-kosta Maltija — Patrol Boats

Question

Peress li hemm akkużi serji mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Ragusa fi Sqallija dwar rabta bejn Malta u t-Turkija fejn jidħlu immigranti klandestini li daħlu fi Sqallija f'dawn l-aħħar ġimgħat, ma jarax il-Prim Ministru li hemm bzonn aktar sorveljanza tal-kosta peress li t-Taljani qed jallegaw li qed jitilqu dgħajjes ta' speed qawwi minn Malta b’immigranti klandestini fuqhom? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-iskwadra Marittima qed taħdem bil-patrol boats kollha? Hemm minnhom bil-ħsara?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Forzi Armati jagħmlu sorveljanza mal-kosta fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata. Infurmat li sitt “patrol boats” qegħdin jaħdmu filwaqt li erbgħa oħra jinsabu f’fażijiet diversi ta’ manutenzjoni jew tiswija.
Leg 10 PQ #612 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipendenza fuq l-alkoħol — Kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li bħalissa qed jiġu kkurati minħabba dipendenza fuq l-alkoħol? Kemm minnhom huma rġiel u kemm huma nisa? Kemm huma taħt l-eta' ta' 25 sena? Kemm minnhom spiċċaw kors ta' kura u wara ftit kellhom jerġgħu jidħlu fil-programm ta' kura? Kemm kien hemm nies li ġew ikkurati fl-2001 u 2002?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Monte Carmeli bħalissa hemm 26 pazjent li qed jiġu kkurati minħabba dipendenza fuq l-alkoħol, (18 irġiel, li minnhom 5 qegħdin bil-leave u 8 nisa, li minnhom 2 qegħdin bil-leave, waħda tattendi residential programme u oħra qiegħda bil-leave u tattendi day programme). Ħadd minn dawn il-pazjenti ma huma taħt il-25 sena. 12 (11 irġiel u mara) spiċċaw il-kors ta' kura u wara ftit kellhom jerġgħu jidħlu fil-programm ta' kura. Fl-2001 kien hawn 110 (97 irġiel u 13-il mara) filwaqt li fl-2002 kien hawn 114 (90 irġiel u 24 mara) li ġew ikkurati minħabba l-problema ta' l-alkoħol.
Leg 10 PQ #613 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Eżamijiet

Question

B’riferenza għar-risposta għal mistoqsija numru 463, dan ifisser li kulħadd jista' jagħmel ftehim privat ma' xi kulleġġ jew universita` barranija u jorganizza eżamijiet hawn Malta mingħajr ebda kontroll? Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni m'għandhiex interess tkun taf min u kif qed jiġu organizzati? Ir-riżultati kollha huma aċċettati f'Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet għandu l-awtorita' li jmexxi u mhux jirregola eżamijiet ta' barra tal-London Edexcel, City and Guilds International, London Chamber of Commerce and Industry, u l-Assessment and Qualification Alliance (AQA) u eżamijiet oħrajn, offruti minn diversi Bords barranin. Id-Dipartiment minn dejjem għamilha ċara ma' dawn il-Bordijiet barranin ta' eżamijiet li huwa jkun jista' joffri s-servizz lilhom jekk ikun żgurat li d-Dipartiment huwa l-uniku aġent f'Malta li għandu r-responsabbilta' assoluta tat-tmexxija ta' l-eżamijiet offruti minnhom. L-Att dwar l-Edukazzjoni jeżiġi li kull skola trid titlob permess biex topera imma ma jgħid xejn dwar l-organizzazzjoni ta' eżamijiet għan-nom ta' kulleġġ jew universitajiet barranin. Dan l-aħħar, l-edukazzjoni transnazzjonali kibret sew għaliex saret ħafna aktar faċli permezz ta' 'Distance' u 'eLearning'. Id-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti jħares b'mod pożittiv lejn dan l-iżvilupp għaliex sar possibli li residenti Maltin isegwu varjeta' akbar ta' korsijiet li Malta fiċ-ċokon tagħha ma tistax toffri. Pero', l-edukazzjoni transnazzjonali ġabet magħha ħafna problemi ġodda ta' rikonoxximent ta' kwalifiki, ta' kontenut, li ġieli jkun fqir, ta' korsijiet, u ta' nuqqas ta' gwida serja lill-istudenti. Biex jilqa' għal problemi bħal dawn, il-Ministeru waqqaf il-'Malta QRIC (Qualifications Recognition Information Centre)' permezz ta' l-Att XIII ta' l-20 ta' Settembru 2002. Dan iċ-ċentru: jista' jipproteġi lill-istudenti billi jfornihom b'informazzjoni dwar ir-rikonoxximent u l-valur ta' kwalifiki speċifiċi organizzati barra minn Malta qabel ma dawn jinkitbu fil-kors; jista' jagħti informazzjoni dwar il-valur ta' kwalifiki miksubin barra minn Malta lill-entitajiet edukattivi, lil min iħaddem u lill-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu liċenzji, warrants, etc, biex wieħed jipprattika xi professjoni jew sengħa; jippromovi kredenzjali miksuba minn istituzzjonijiet rikonoxxuti Maltin ma' entitajiet barra minn Malta. Iċ-Ċentru qiegħed jipparteċipa f'diversi studji u pjanijiet li qegħdin isiru mill-Unjoni Ewropeja biex tikber it-trasparenza u l-kwalita' fil-korsijiet ta' kull livell u ċ-Ċentru qed jaħdem biex jilħaq l-għanijiet deskritti fil-Proċess ta' Bologna u fil-Konvenzjoni ta' Lisbona. Iċ-Ċentru Malti jifforma parti minn 'network' ta' 'National Accreditation, Recognition and Information Centres (NARIC's)' ta' l-Unjoni Ewropeja u tal-'European Network of National Information Centres on Accademic Mobility and Recognition' (ENIC's) stabbilit mill-Kunsill ta' l-Ewropa u l-UNESCO. Barra minn hekk, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, permezz ta' Regolamenti ta' l-2000 dwar Kwalifiki Professjonali u Vokazzjonali ta' Malta qed jipprovdi qafas fejn l-iskejjel vokazzjonali statali jew indipendenti u min iħaddem jista jipprovdi tagħlim u taħriġ li fi stadji differenti jwassal għal ċertifikat komplut u rikonoxxut fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja, kemm minn min iħaddem kif ukoll minn istituzzjonijiet edukattivi. Qed ninkludi lista ta' entitajiet f'Malta li jipprovdu korsijiet speċjali.
Leg 10 PQ #614 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Tagħlim tal-PSD

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt bit-tagħlim tal-PSD fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti? Jista' jelenka kemm hemm għalliema mħarrġa speċifikament fil-PSD f' kull skola sekondarja tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kwalita' tat-tagħlim tal-PSD fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti tvarja bejn skola u oħra. Fil-maġġoranza dan it-tagħlim hu sodisfaċenti. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ta' l-iskejjel u n-numru ta' l-għalliema mħarrġa.
Leg 10 PQ #509 Sitting 15 2003-06-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-saħħa — Rapporti dwar każi ta' HIV

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ġodda ta' HIV fl-2002 u fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu ta' barranin? Ta' liema nazzjonalita` kienu u kemm kienu rġiel u kemm nisa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' persuni li huma HIV positive ma jistax jiġi determinat għaliex l-HIV mhiex notifikabbli bil-liġi. Nistgħu ngħidu li minn Jannar ta' 2002 sal-31 ta' Mejju 2003 kien hemm 17-il test posittiv. Dan in-numru ma jeskludix testijiet li saru aktar minn darba fuq l-istess persuna.
Leg 10 PQ #510 Sitting 15 2003-06-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-saħħa — Nies infettati bl-HIV

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta' nies infettati bl-HIV li hu magħruf li huma ċittadini Maltin jew residenti barranin f'Malta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' persuni li huma HIV positive ma jistax jiġi determinat għaliex l-HIV mhiex notifikabbli bil-liġi.

Pensjonijiet — Programm

Question

Peress li l-Minstru ġie rrappurtat li qal li ser iħabbar programm sa l-aħħar ta' Mejju, dwar il-pensjonijiet, jista' jgħid jekk dan sarx u jagħti dettalji dwar dak li ġie programmat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għandu mpressjoni ħażina.
Leg 10 PQ #606 Sitting 15 2003-06-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Abbuż ta' alkoħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena skolastika li se tispiċċa fi ftit jiem, jekk kienx hemm rapporti ta' każi ta' abbuż ta' alkoħol fost studenti? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti dettalji bħal eta`, x' kien l-abbuż u forsi l-post?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma kien hemm ebda rapport din is-sena skolastika ta' abbuż ta' alkoħol fost l-istudenti fil-ħinijiet ta' l-iskola.
Leg 10 PQ #607 Sitting 15 2003-06-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jispiċċaw studenti mill-iskejjel tagħna din is-sena wara li temmew l-edukazzjoni sekondarja? Kemm huma subien u kemm bniet? Kemm se jispiċċaw minn skejjel statali, tal-Knisja u indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena se jkun hemm 3707 student li ser itemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom mill-Iskejjel ta' l-Istat. 1766 minnhom huma subien filwaqt li 1941 huma bniet. Hemm 1435 student mill-Iskejjel tal-Knisja. 798 minnhom huma subien filwaqt li 637 huma bniet. Hemm 368 mill-Iskejjel Indipendenti. 208 minnhom huma subien filwaqt li 160 huma bniet

Żgħażagħ — Abbuż ta' alkoħol

Question

Peress li qed ikun hemm diversi ittri fil-ġurnali anke minn nies prominenti dwar il-bżonn li ssir xi ħaġa biex jiġi kkontrollat l-abbuż ta' alkohol minn żgħażagħ u peress li inti direttament responsabbli miż-żgħażagħ, jista' jgħid x'beħsiebu jagħmel il-Ministeru tiegħek biex jiġġieled dan l-abbuż u x'ħidma qed issir mal-Ministru ta’ l-Intern u Ġustizzja biex, jekk ikun il-każ, tiġi ppreżentata liġi apposta f'dan il-Parlament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bħal kull pajjiż ieħor Ewropew, il-ġlieda kontra l-abbuż ta' l-alkoħol u sustanzi tossiċi oħra huma maqsuma bejn diversi Ministeri. Riċentament il-Gvern waqqaf Kumitat magħruf aħjar bħala Adolescents Health Coalition, fejn diversi esperti minn Sedqa, Caritas, Ministeri ta' l-Edukazzjoni, tas-Saħħa u dak taż-Żgħażagħ u Kultura, Health Promotion Unit u l-Kulleġġ tat-Tobba qed iħejju pjan biex jindirizzaw il-problemi tas-saħħa fost iż-żgħażagħ. Fost l-oqsma li se jiġu ndirizzati hemm abbużi ta' alkoħol, droga u malnutrition.
Leg 10 PQ #503 Sitting 14 2003-06-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sexually transmitted infection

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-iskejjel ta’ l-Istat studenti subien u bniet jiġux mgħallma l-possibbilta` li jieħdu STI (sexually transmited infection) jekk jipprattikaw is-sess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti fil-Form IV għandhom parti mill-programm tal-Personal and Social Development (PSD) li jittratta dwar STI's fil-Module ta' Health and Sexuality. Barra li jitgħallmu fuq id-differenza bejn H.I.V. u AIDS u l-mod kif din tista tgħaddi fuq l-istudenti, huma jiġu mgħallma l-infezzjonijiet ewlenin bħall-chlamydia, gonhorrea, hepatitis, herpes u syphilis u kif dawn tista teħodhom. Għalhekk l-istudenti qed jiġu mgħallma kif dan il-mard għandu jiġi evitat u xi protezzjoni tista' tuża kontrihom. L-għalliema tal-P.S.D. ngħataw taħriġ fuq is-Sexuality and Relationship Education fl-Inservice Courses tas-sena 2002.