Jista' il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-ufiċjali tal-NSO li siefru fuq xogħol fis-sena li qegħdin fiha u x'kien il-għan taż-żjara tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru qed tingħata fit-tabella hawn annessa.
Ta' min jinnota li l-maġġoranza l-kbira ta' dan is-safar jiġi ffinanzjat mill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt li l-bini fejn isiru l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC huwa kollu addattat għal dan il-għan? Hemm xi pjan biex dawn l-eżamijiet isiru f'bini aktar modern u fejn ma jkunx hemm ħsejjes żejda ta' traffiku bħal f'ċerti ċentri fil-Belt Valletta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet jagħmel użu minn għaxar skejjel ta' l-Istat u waħda tal-Knisja biex jorganizza l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC. Il-faċilitajiet huma l-istess faċilitajiet użati mill-istudenti li jattendu dawn l-iskejjel.
Barra dawn iċ-Ċentri, id-Dipartiment jagħmel użu mill-erba' Ċentri tiegħu, tlieta f'Malta u wieħed f'Għawdex biex ikun jista' jakkomoda n-numru kbir ta' studenti li joqgħodu għal dawn l-eżamijiet matul ix-xahar ta' Mejju.
Id-Dipartiment qiegħed iwettaq pjan ta' ħidma biex jimmodernizza u jtejjeb l-ambjent fiċ-Ċentri tiegħu. Tant li bejn is-sena 1999 u 2003 intefqet is-somma ta' Lm127,615 f'restawr u titjib fl-ewwel sala taċ-Ċentru ta' Sant'Iermu, fiċ-Ċentru t'Għawdex kif ukoll fir-raba' sular ta' l-iskola Primarja tal-Belt Valletta fejn ġie installat lift għall-persuni bi bżonnijiet speċjali.
Id-Dipartiment ukoll ikkunsidra diversi postijiet oħra barra l-Belt Valletta sabiex ikun jista' jorganizza l-eżamijiet il-bogħod miċ-ċentru iżda ma sabx li dawn kienu addattati biex isiru fihom.
Id-Dipartiment huwa kommess li jkompli jaħdem u jirsisti sabiex bir-riżorsi disponibbli jorganizza l-eżamijiet f'postijiet moderni skond il-ħtiġijiet tal-lum.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li joħorġu r-riżultati tas-SEC u MATSEC? Meta huwa ppjanat li jsiru r-resits? Jista' jagħti t-timetable għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li huwa maħsub li r-riżultati tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola joħorġu fit-tielet ġimgħa ta' Lulju, bħalma ġara fi snin oħra.
Tagħrif dwar it-timetables ta' l-eżamijiet supplementary ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tibda tiffunzjona l-Qorti tal-Familja peress li jidher li hemm numru konsiderevoli ta' kawżi mwaħħla quddiem is-sekonda awla?
Response (BORG, TONIO)
Preżentement għadu għaddej xogħol ta` kostruzzjoni u abbelliment fil-post fejn ser tiffunzjona l-Qorti tal-Familja. Kif dawn jitlestew wieħed ikun jista` jieħu deċiżjoni fuq il-ġurnata meta din tista` tibda topera.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jinxtraw kotba ġodda għall-iskejjel ta’ l-Istat f'livell primarju u sekondarju separatament għall-użu fis-sena skolastika li jmiss? Liema huma dawn il-kotba? Kemm se jinxtraw minn kull ktieb?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kotba l-ġodda li ser ikunu introdotti fis-sena skolastika li jmiss u l-ammont tagħhom.
Ħruġ ta' offerti — Kotba ġodda - Skejjel primarji u sekondarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ħargu l-offerti biex jinxtraw kotba ġodda għall-iskejjel primarji u sekondarji ta’ l-Istat? Jista’ jgħid minn tefa’ offerta u kemm kienet kull waħda? Min rebaħ kull offerta?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm fallew ġranet ta' skola t-tfal fl-iskejjel primarji statali matul is-sena skolastika 2001- 2002 fl-iskejjel ta' Bormla, Gżira, Żejtun, Żebbuġ, Mellieħa u Xewkija? Kif kienu mqassmin bejn dawk li kienu awtorizzati u dawk le skond il-livelli tal-klassijiet (Year 1 - Year 6)?
Minn dawk li kienu awtorizzati kemm minnhom kienu ċċertifikati minn tabib b'mard konness mas-sistema respiratorja? Kemm minn dawk li ma kenux awtorizzati ntbagħtilhom social worker biex isegwi jekk jeżistux problemi soċjali fil-familji tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm tfal qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum sena b'sena u kemm minnhom għaddew minn Malta kollha? Matul dawn l-aħħar ħames snin kemm tfal qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum sena b'sena u kemm minnhom għaddew mill-iskejjel primarji ta' Bormla, Gżira, Żejtun, Żebbuġ, Mellieħa u Xewkija?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif kollu mitlub mill-Onor. Membru.
Jista' il-Ministru jgħid minn liema bliet u rħula jridu jkunu l-istudenti sabiex imorru fil-Junior Lyceums tal-bniet u tas-subien separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Catchment Areas jiġu deċiżi finalment wara li jsir l-eżerċizzju biex jistabbilixxi kemm għaddew tfal minn kull belt jew raħal. Għadu kmieni biex tingħata r-risposta għal din id-domanda.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 706 u cioe' jista' jgħid jekk it-titqiba tal-meningite hux out of stock jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta hu maħsub li din tkun fiċ-ċentri tas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta għad-Domanda Numru 706 li tajt fis-Seduta Numru 21.
Jista’ l-Ministru jgħid x'kien it-total ta' studenti li qagħdu għall-eżamijiet għad-dħul fil-Junior Lyceum? Kemm kienu bniet u kemm subien? Kemm għaddew suġġett b'suġġett?
X'kien in-numru ta' studenti li għaddew mill-ħames (5) suġġetti? Kemm kien hemm studenti li kienu eliġibbli li jagħmlu dan l-eżami u għażlu li ma jagħmluhx?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat mid-Dipartiment u t-tagħrif ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li talbu li ma joqogħdux għall-eżami tar-Reliġjon? Dawn kienu tfal ta' ġenituri Maltin? Kien hemm minn talab biex ma joqgħodx għal xi eżami ieħor minbarra r-Reliġjon?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 39 talbu li ma joqogħdux għall-eżami tar-Reliġjon. (Kien hemm ukoll 10 studenti 'expatriate' li awtomatikament ikunu eżenti mir-Reliġjon).
Mid-39 student imsemmija fuq, 28 għandhom il-ġenituri Maltin, 3 għandhom wieħed biss mill-ġenituri ta' ċittadinanza Maltija, u 8 għandhom il-ġenituri it-tnejn barranin.
Studenti li talbu li ma joqogħdux għal xi eżami ieħor minbarra r-Reliġjon:
Studju Soċjali 10
Malti 17
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex l-iskola tal-Ħandaq, li qabel kienet tas-servizzi Ingliżi, jsirilha xogħol ta’ maintenance? Huwa l-ħsieb li din tinbena mill-ġdid jew li jsir xogħol kbir ta’ maintenance biss?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola tal-Ħandaq ser isiru xi xogħolijiet ta' maintenance, partikolarment fuq is-soqfa biex dawn ma jibqgħux iqattru.
Dan is-sajf ser issir ħidma sabiex tinħatt boiler room biex il-kamra tkun tista' tiġi kkonvertita għat-tagħlim, xogħolijiet żgħar ta' tisbieħ, tibdil ta' xi katusi tad-drenaġġ u xi overhead high tension cables ser jintradmu taħt l-art.
Qed isiru diskussjonijiet mall-MEPA dwar din l-iskola sabiex tkun tista' tinbena skola ġdida f'dawn l-inħawi jew fil-viċin. Dan is-suġġett kien ukoll diskuss f'konsultazzjonijiet pubbliċi li għamlet il-MEPA riċentament.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex l-iskola Ġużeppi Despott tal-Verdala tinbena mill-ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sar l-audit u tħejja master plan għall-iskola Ġużeppi Despott, li jieħu in konsiderazzjoni diversi fatturi, fosthom iċ-ċaqlieq demografiku ta' l-istudenti, il-ħsibijiet Edukattivi futuri, l-istat tal-bini eżistenti u l-ħtiġijiet li jirrikjedi l-Kurrikulu Nazzjonali.
Peress li l-kumpless Ġużeppi Despott hu magħmul minn diversi blokok, li wħud minnhom għandhom valur storiku, il-Fondazjoni għall-Iskejjel ta' Għada ser tieħu ħsieb biex tirrestawra dawk il-blokok li jridu jinżammu, filwaqt li twaqqa' n-nissan huts u tibni kumpless modern għal madwar elf student.
Wara li saret konsultazzjoni mas-surmast ta' l-iskola, saret applikazzjoni għall-outline development permit lill-MEPA, liema applikazzjoni qed tiġi pproċessata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li bħalissa qed jieħdu l-PE bħala suġġett akkademiku? Kemm minnhom huma subien u kemm bniet? F’liema skejjel qed isir it-tagħlim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 784 student u studenta li għażlu l-Edukazzjoni Fiżika bħala suġġett 'option' fiż-żewġ komponimenti tiegħu dik prattika u dik teorika. Minn dawn l-istudenti 393 huma subien u 391 huma bniet.
It-tabella mehmuża turi l-iskejjel fejn 'PE option' qed tkun mgħallma u n-numru ta' studenti f'kull skola.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema gradwati/mħarrġa biex jgħallmu l-PE bħala suġġett akkademiku? Min huma u fl-liema skejjel jgħallmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel ta' l-Istat. Dawk immarkati Tr huma għalliema gradwati jew b'ċertifikat ta' Għalliema mit-Teachers Training Colleges u għaldaqstant għandhom il-kompetenzi meħtieġa biex jgħallmu l-Edukazzjoni Fiżika fiż-żewġ komponimenti tagħha dik prattika u dik teorika. Dan ma jeskludix li x'uħud mill-Instructors għandhom ukoll dawn il-kompetenzi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-titqiba tal-meningite hux out of stock jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta hu maħsub li din tkun fiċ-Ċentri tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li kien hemm perjodu bejn l-ewwel ta' Mejju u d-dsatax ta' Ġunju fejn il-HIB kienet out of stock. Dan irriżulta minħabba li l-aġent lokali li kien jissuplixxi din il-mediċina abbanduna l-kuntratt u l-konsenja fl-imħażen tal-gvern skadiet fl-aħħar ta' Mejju.
Saret talba lill-Finanzi biex tinxtara konsenja u din ġiet approvata. Bħalissa hemm ordni ta' 6500 doża u din mistennija tiġi pprovduta fi żmien xagħrejn.
Saret ukoll xirja żgħira ta' 45 doża mis-suq lokali biex jiġu moqdija l-pazjenti. Din waslet fiċ-Ċentru tal-Furjana fid-dsatax ta' Ġunju u fil-preżent qed tingħata lill-pazjenti li jkollhom bżonnha.
Xufiera tal-karozzi tal-linja — Kors ta' customer care
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera tal-karozzi tal-linja jingħatalhomx xi course ta' customer care?
Jista' jgħid kemm kien hemm ilmenti kontra xufiera minn Jannar 2003 sal-lum? X'tip ta' ilmenti kienu?
Kemm minnhom kienu ġustifikati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kull min japplika sabiex jakkwista liċenzja biex isuq karozza tal-linja għas-servizz pubbliku, jingħata kors ta' customer care.
Minn Jannar 2003 sal-lum, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta rċeviet 44 ilment kontra xufiera tal-karozzi tal-linja. Fost dawn kien hemm ilmenti fuq imġieba ħażina, tipjip, tluq qabel il-ħin, ma jieqfux fuq Bus Stop, jabbandunaw ir-rotta, ma għamlux il-vjaġġ, devjazzjoni tar-rotta stabbilita, noll għoli, u sewqan traskurat. L-ilmenti li saru dawn ix-xuffiera tal-karozzi tal-linja ġew mgħoddija lill-Qorti biex jittieħdu passi kontra tagħhom.
Daħlu wkoll għaxar ilmenti oħra fuq imġieba ħażina jew nuqqas tat-twaqqif fuq xi Bus Stop, iżda f'dawn il-każi ix-xuffiera ġew imwissija biss mill-Awtorita' għall-fatt li l-passiġieri ma riedux jitilgħu jixdhu l-qorti.
Skejjel tal-Gvern — Kriri ta' l-iskola - Studenti barranin
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel tal-gvern li qed jinkrew biex fihom qed isir tagħlim lil studenti barranin? Kemm jintalbu jħallsu f'kull każ l-organizzaturi? Peress li diġa' ġew xi studenti barranin biex jitgħallmu l-Ingliż u bdew fit-23 ta' Ġunju jista' l-Ministru jassigura li dawn mhux qed ifixklu t-tagħlim u / jew l-eżamijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Lulju u Awissu ta' kull sena, meta n-numru ta' studenti barranin li jiġu f'Malta ħalli jitgħallmu l-Ingliż ikun fl-aqwa tiegħu, ikun hemm skejjel ta' l-Ingliż li jagħmlu użu minn skejjel tal-Gvern meta dawn ikunu vojta wara li tispiċċa s-sena skolastika. Il-kiri ta' dawn l-iskejjel huwa prerogattiva tal-Kunsill Skolastiku ta' kull skola konċernata u jinbidel minn sena għall-oħra skond il-ħtiġijiet tal-mument. Huwa assigurat illi t-tagħlim u l-eżamijiet fl-iskejjel tal-Gvern bl-ebda mod ma jiġu mfixkla b'din l-attivita' li tibda wara li tintemm is-sena skolastika għall-istudenti Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li hemm nies illitterati f'pajjiżna? Jista' jgħid kif saru dawn il-kalkoli? Kemm hemm persuni taħt il-25 sena li huma illitterati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li huwa Ċensiment Nazzjonali li jinħareġ mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika li jagħti tagħrif nazzjonali dwar il-problema b'mod ħolistiku.
F'xi Seduta ser inpoġġi l-istatistika fuq il-Mejda tal-Kamra.