Legislature:
Category:
Reset
Active:

Methadone Maintenance Programme — Pazjenti

Question

Nagħmel referenza għall-mistoqsija numru 1113, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni fuq il-Methadone Maintenance Programme u kemm ilhom fuq dan il-programm? Hemm ċittadini barranin fosthom? X'isir biex dawk li ilhom ħafna fuq dan il-programm jitneħħew għax ma jkollomx aktar bżonnu għax ikunu fiequ? Kemm intefaq fuq methadone fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Methadone Maintenance Programme hu mifrux fuq madwar sentejn u l-535 persuna li qed isegwu dan il-programm huma f’diversi fażijiet tiegħu. Ninsab infurmat ukoll li t-Tweġiba għat-Tieni Parti tal-Mistoqsija hi fl-affermattiv. Kif diġa’ ndikajt qabel, dan il-programm jieħu fit-tul u d-doża titnaqqas ftit ftit skond il-parir mediku. Meta persuna eventwalment tieqaf tieħu l-methadone, tagħmel trattament tan-Naltrexone jew tkompli tattendi sezzjonijiet ta’ counselling. Ninsab infurmat li l-Methadone jinxtara mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Leg 10 PQ #1787 Sitting 44 2003-10-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Mewt minħabba t-tipjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena kemm huwa stmat li mietu pazjenti direttament jew indirettament minħabba t-tipjip? Kemm kienu nisa? X'kienet l-eta' medja ta' dawk li mietu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' każijiet ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2003 u li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 195 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 134 raġel u 61 mara. L-eta' medja fl-irġiel kienet ta' 73 sena, u fin-nisa ta' 79 sena.

Żgħażagħ — Żjarat kulturali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inċentivi beħsiebu joffri l-Ministeru biex aktar żgħażagħ speċjalment gruppi organizzati tal-iskejjel iżuru mużewijiet u monumenti storiċi u kulturali f'Malta u Għawdex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Aġenzija ser timpjega Public Programmes Manager li ser jieħu ħsieb li jikkordina proġetti ma' l-iskejjel, taħdidiet u fora pobbliċi fil-mużewijiet, siti u postijiet oħrajn fost affarijiet oħra.

Siti storiċi — Tiswija u manutenzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu s'issa matul din is-sena finanzjarja fuq siti storiċi u monumenti kemm għat-tiswija kif ukoll għall-manutenzjoni ġenerali? Jista' jgħid fuq liema siti/postijiet? Kemm kienu vvutati flus għal dan il-għan f'din is-sena finanzjarja? X'hemm proġettat għall-kumplament ta' din is-sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-flus li intefqu fuq siti storiċi u monumenti għall-manutenzjoni ġenerali u proġetti kapitali hu kif hawn fit-tabella. In-nefqa Rikorrenti approvata għas-sena 2003 kienet ta’ Lm1,170,000. In-nefqa Kapitali approvata għas-sena 2003 kienet ta’ Lm400,000. Dan ma’ jinkludiex it- ticketing – Lm 100,000 u dan il-proġett miexi skond il-programm stabbilit. Muż /Siti Nefqa 2003 Stima Approvata Nefqa sa issa Rikurrenti Kapitali Kapitali Siti Arkajeloġiċi 10,000 3,276 Mużew ta’ l-Arti 2,048 20,000 3,394 Għar Dalam 177 5,000 Uffiċċju ewlieni – Triq il-Merkanti 1,238 97,500 12,861 Haġar Qim/Mnajdra 437 80,000 37,449 Ipoġew 2,469 5,000 3,091 Palazz ta’ l-Inkwiżitur 2,398 10,000 8,199 Mużew Marittimu 4,452 25,000 2,094 Unit ta’ l-Istorja tal-Militar 1,967 10,000 1,253 Mużew ta’ l-Istorja Naturali 1,043 10,000 3,354 Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkejoloġija 1,411 52,500 8,222 Roman Domus 37 60,000 9,042 Katakombi ta’ San Pawl 5,000 T-Tempji ta’ Ħal-Tarxien 407 10,000 18,083 400,000 92,236
Leg 10 PQ #1592 Sitting 43 2003-10-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kapijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix xi policy dwar il-kapijiet ta' l-iskejjel, kif dawn jiġu magħżula u kif jintbagħtu fl-iskejjel ngħidu aħna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-kapijiet ta' l-iskejjel jiġu magħżula wara li tkun ħarġet is-sejħa mill-PSC għall-applikazzjoni biex jimtlew il-vaganzi li jinħolqu. L-applikanti jidhru quddiem bord imwaqqaf mill-PSC. Ir-riżultati ta' dan l-interview jistabbilixxi l-order of merit. Meta jiġi biex jintbagħtu fl-iskejjel, diversi fatturi jittieħdu in konsiderazzjoni, l-aktar it-tip u l-ambjent ta' l-iskola konċernata.
Leg 10 PQ #1593 Sitting 43 2003-10-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Subject coordinators

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm subject coordinators u f'liema suġġetti? Jista' jgħid ukoll x'kondizzjonijiet għandhom dawn is-subject coordinators?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li is-Subject Co-ordinators minbarra x-xogħol tagħhom jagħtu 14-il lezzjoni ta' 45 minuta fil-ġimgħa li jistgħu jiżdiedu b'żewġ lezzjonijiet oħra jekk is-suġġett li jgħallmu jirrikjedi aktar sigħat fil-ġimgħa. Numru ta' Subject Suġġett Co-Ordinators 2 Art 2 Business Studies 1 Chemistry 14 English 4 French 3 Geography 2 German 4 History 2 Home Economics 2 Information & Communication Technology 3 Integrated Science 4 Italian (2 on attachment at MCAST) 10 Maltese 15 Maths 3 Physical Education 7 Physics 5 Primary Education 4 Religious Knowledge 3 Social Studies 3 Technology Education 2 Textile Studies Total 95
Leg 10 PQ #1594 Sitting 43 2003-10-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel sekondarji/junior lyceums — Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li qed igħallmu fl-iskejjel sekondarji u junior lyceums li mhux qed igħallmu s-suġġett tagħhom? Jista' jgħid ukoll x'suġġett qed igħallmu u liema suppost jgħallmu? X'inhi r-raġuni ewlenija għalfejn jiġri dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat kif ġej: Skola X'suġġett qed jgħallem X'suġġett suppost jgħallem Agius De Soldanis Tech. Design Art Lily of the Valley GSS Mosta Ingliż lit-tfal batuti Technical Design Naxxar Higher Secondary Sociology Maltese/Philosophy M'Assumpta GSS Ħamrun Religion Textiles St. Francis of Assisi BSS Sta. Venera Technology Education Electrical Installation St. Josph BJL Corradino P.E. Motor Vehicles Għalliema jgħallmu suġġett ieħor u mhux il-main subject għal diversi raġunijiet fosthom: a) is-suġġett ma jibqax jiġi magħallem bħal fil-każ ta' Electrical Installation u Motor Vehicles; jew b) ftit studenti jagħżlu is-suġġett u l-għalliem jibda jgħallem s-subsidiary subject tiegħu; jew c) is-suġġett li qed jgħallem ikun relatat mas-suġġett prinċipali tiegħu.
Leg 10 PQ #1595 Sitting 43 2003-10-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Canteens

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jingħatax rendikont tal-canteens fl-iskejjel? Jekk iva, lil min jingħata dan ir-rendikont?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-canteens fl-iskejjel ta' l-istat huma immexxija b'waħda minn żewġ sistemi. Il-biċċa l-kbira tal-canteens fl-iskejjel ta' l-istat huma immexxija minn kuntratturi privati magħżula mill-Kunsill ta' l-Iskola, li jiksbu t-tmexxija tal-canteen b'offerta pubblika. Dawn ma jissottomettu l-ebda rendikont tal-finanzi tal-canteen. Xi canteens jew tuck shops jitmexxew mill-Kunsill ta' l-iskola. F'dawn il-każi, jinżamm rendikont ta' l-istess skola, li minn żmien għal żmien jiġu awditjati mill-Awditur Ġenerali.
Leg 10 PQ #1596 Sitting 43 2003-10-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Każi ta' dixxiplina

Question

Jista' il-Ministru jgħid fis-sena skolastika 2002/2003 kemm ġew irrapportati każi ta' għalliema/kindergarten assistants li kienu każi ta' dixxiplina? Ta' liema natura kienu dawn il-każi? Dwar kemm minnhom ittieħdu passi dixxiplinarji? Liema kienu dawn il-każi? X'passi dixxiplinarji ttieħdu? Dwar l-oħran li s'issa tħallew għaddejjin, se jittieħdu xi passi dixxiplinarji fil-ġejjieni qarib? Għaliex dwar dawn ta' l-aħħar ma ttieħdux passi dixxiplinarji u jekk hu l-każ, lanqas se jittiħedu fil-ġejjieni qarib?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika 2002/2003 kien hemm 51 każ ta' dixxiplina kontra Għalliema u Kindergarten Assistants. Dawn kienu mqassmin hekk: i) 24 każ ta' Disciplinary Charges (Regulation 20) ii) 26 każ ta' twiddiba bil-miktub (Regulation 19) iii) każ wieħed ta' assentejiżmu mingħajr leave (Regulation 36) Il-każijiet taċ-charges kienu jikkonċernaw: i) 22 każ ta' diżubbidjenza ii) każ ta' imġieba arroganti iii) każ ta' nuqqas ta' osservanza ta' regoli u regolamenti Dwar il-każijiet ta' twiddiba bil-miktub dawn kienu kollha każijiet fejn l-individwi rrapurtaw morda u t-tabib ma sabhomx id-dar meta żarhom. Fil-każ tar-Regulation 36 dan kien każ ta' assentejiżmu mingħajr leave.

Raħal Ġdid — Pace Grasso ground

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb għal ground ta' Pace Grasso? Jikkonferma jew le li kien hemm qbil li dan il-ground jiġi mogħti b'titlu ta' kera lill-MFA għal għaxar snin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Numru 1549.
Leg 10 PQ #1586 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Persuni jaħdmu b'mod illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu ħaddiema bararnin jaħdmu llegalment f'Malta u Għawdex separatament mill-1 ta' Jannar sat-23 ta' Settembru? Ta' liema nazzjonalita' kienu? X'kien ix-xogħol prinċipali li kienu qed jagħmlu? X'passi ħadet l-ETC kontra s-sidien li ħaddmuhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-ħaddiema barranin li nstabu jaħdmu matul din is-sena, mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kienu: Xahar Tip ta' Xogħol Jannar 3 Catering Frar 7 Kostruzzjoni 2 Retail 1 Industrija Marzu 4 Catering 5 Kostruzzjoni April 0 Mejju 9 Kostruzzjoni 2 Catering Ġunju 1 Catering Lulju 3 Hawkers 2 Kostruzzjoni 13 Catering Awissu 19 Kostruzzjoni 3 Catering 1 Servizzi Oħra Settembru 6 Catering
Leg 10 PQ #1587 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

CCF — Priġunieri li jintbagħtu għall-kura fl-isptar San Luqa

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex priġunieri mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li jkollhom bżonn kura medika fl-Out Patients ta' l-isptar San Luqa u li jitmexxew mill-kuriduri ta' l-isptar bil-manetti, jittieħdu fil-ħinijiet ta' fil-għodu? Ma jaħsibx li dawn għandhom jingħataw trattament f'ħin differenti tal-jum u mhux meta jkun hemm mijiet ta' nies fl-Out Patients?

Response (BORG, TONIO)

L-amministrazzjoni tad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi ma għandix kontroll fuq il-ħinijiet li jingħataw l-appuntamenti li jkollhom il-priġunieri għall-Out Patients ta` l-Isptar San Luqa. Dawn jiġu ffissati mit-tobba, professuri u d-dipartimenti konċernati ta` l-istess sptar. Mhux l-ewwel darba li jingħataw appuntamenti għal wara nofs in-nhar ukoll.
Leg 10 PQ #1588 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Każijiet soċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm dawk li jissejħu każijiet soċjali miżmuma fl-isptar San Luqa għaliex m'għandhomx fejn imorru? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Il-familji tagħhom abbandunawhom? X'inhi l-medja ta' l-eta' ta' dawn il-pazjenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat in-numru totali ta' każijiet soċjali fl-isptar San Luqa, bħalissa huwa ta' 70 persuna li minnhom 49 huma nisa u 21 huma rġiel. Skond is-'Social Workers' li għandna jaħdmu fl-isptar 4 biss minn dawn huma abbandunati mill-familji tagħhom. L-eta' ta' dawn il-pazjenti ta' natura soċjali tvarja bejn is-67 u l-95 sena.
Leg 10 PQ #1589 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Għaqdiet — Ħlas għal xogħol extra

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet/organizzazzjonijiet/kumpanniji li talbu lill-pulizija biex jaħdmu xogħol extra u s'issa għadhom ma ħallsux? Jista' jgħid kemm hi kull somma li trid titħallas? Kemm ilhom biex jitħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta` Settembru 2003, l-ammont ta` flus li għad irid jitħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għal extra duty maħdum fuq talba ta` terzi jammonta għal Lm76,315, kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Peress li, kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, dan is-servizz isir fuq talba ta` terzi, u sabiex isir il-ħlas lill-membri tal-Korp l-ammont dovut irid l-ewwel jinġabar mingħand min ikun għamel it-talba. Infurmat ukoll illi qed isir kull sforz sabiex dan l-ammont dovut jinġabar u jitħallas lill-membri tal-Korp.
Leg 10 PQ #1590 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Għaqdiet — Ħlas għal xogħol extra

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra dawk il-kumpanniji/għaqdiet u organizzazzjonijiet oħra li ilhom ma jħallsu lill-korp tal-pulizija ta' xogħol extra? Liema huma u kemm ilhom ma jħallsu? X'inhi s-somma f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1589 f`din l-istess Seduta.
Leg 10 PQ #1591 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti għal kull istitut/kulleġġ fl-MCAST u kemm ġew aċċettati? Kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija kien għadu qed jirċievi l-applikazzjonijiet ta' l-istudenti u għalhekk mhux f'pożizzjoni li jagħti tweġiba finali f'dan l-istadju. Bħala tagħrif parzjali, ġejt informat li fl-ewwel sejħa, li saret f'Awissu, applikaw 2386 student biex jidħlu l-Kulleġġ. Tagħrif aktar definit inkun nista' nagħtih meta l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet fit-tieni sejħa jiġi kompletat.
Leg 10 PQ #1548 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Korp tal-Pulizija — Assistenti kummissarji/Supretendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet biex jinħatru Assistenti Kummissarji u Supretendenti ġodda? Kemm hemm uffiċjali nieqsa f'dawn ir-ranks bħalissa? Kemm ilhom battala dawn il-postijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċess ta` ħatra fil-karigi ta` Assistenti Kummissarji u Supretendenti fil-Korp tal-Pulizja għadu mhux finalizzat, iżda, inħareġ ir-riżultat tal-eżami li ġie komunikat lil persuni konċernati..

Pace Grasso football ground

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li hemm xi pjanijiet sabiex il-ground tal-football ta' Pace Grasso ma jkomplix jintuża għall-isport? X'se jsir minflok? Meta ġie ffirmat il-kuntratt mal-MFA u meta jintemm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi fl-iżvilupp li qed jiġi ippjanat għall-ground tal-football ta' Pace Grasso il-faċilitajiet sportivi ser jiżdiedu u mhux jonqsu. Il-pjanti għadhom qed ikunu emendati. Madanakollu wieħed jista' jara l-pjanti mhemuża ma' l-outline application li saret mill-M.E.P.A. L-M.F.A. ma għandha l-ebda kuntratti iffirmati għall-użu ta' din il-faċilita'. Sakemm jibda x-xogħol fuq il-proġett, l-M.F.A. ser tibqa' tuża l-faċilita' normali. Inbdew diskussjonijiet mal-M.F.A. fuq x'arranġamenti jistgħu jsiru għall-użu tal-pitch tal-football fil-futur.
Leg 10 PQ #1550 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Postijiet ta' divertiment — Żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn Ġunju sal-15 ta' Settembru kemm inqabdu żgħażagħ taħt is-16-il sena f'postijiet tad-divertiment? F'liema nħawi kienu? Kemm minn dawn iż-żgħażagħ kienu barranin? F'kemm-il każ ittieħdu passi kontra s-sidien? Ingħalqu xi ħwienet/postijiet ta' divertiment mill-pulizija li fihom instabu persuni taħt l-eta'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul il-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant kien hemm 16-il persuna taħt is-sittax-il sena, kollha Maltin, li nqabdu mill-Pulizija f`postijiet ta` divertiment li jinsabu f`San Ġiljan u Wied il-Għajn. B`riżultat ta` dan, il-Pulizija bdiet passi quddiem il-Qorti kontra tlett sidien ta` dawn l-istabbilimenti, liema każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti u għaldaqstant fl-ebda każ ma ġiet ordnata is-sospensjoni tal-liċenzja.
Leg 10 PQ #1583 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel ta' l-Istat — Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema, irġiel u nisa, impjegati fl-iskejjel ta' l-Istat: a) fl-iskejjel primarji; b) dawk sekondarji; c) Sixth Form? Jista' jagħti l-etajiet tagħhom kemm hemm taħt it-30 sena; taħt l-40 sena, taħt il-50 sena u taħt l-eta' tal-pensjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.