Jista' il-Ministru jikkonferma li wara l-1 ta' Mejju 2004 studenti barranin iħallsu biss miżati bħal dawk ta' studenti Maltin, fejn dan japplika? Jista' jgħid jekk dan japplikax ukoll għall-Universita'? Kemm hemm studenti barranin li matul din is-sena akkademika qed jattendu l-Universita'? Mill-liema pajjiż ġejjin u kemm huma mitluba jħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti li jiġu minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja minn wara Mejju ta' l-2004 iħallsu biss miżati bħall-istudenti Maltin. Il-pagament isir skond il-kors.
S'issa in-numru ta' studenti mill-pajjiżi membri jew aċċedenti meħuda flimkien ta' l-U.E. hi l-anqas. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bin-numru ta' studenti barranin li qed jattendu l-Universita' din is-sena akkademika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin li qed jattendu skejjel statali? F'liema livelli jinsabu u mill-liema pajjiż huma? Dawn jintalbu jħallsu xi miżata?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha ħlasijiet amministrattivi l-Universita' ta' Malta li jiġu mposti fuq l-istudenti jew forsi xi persuni oħra? X'inhuma dawn il-ħlasijiet separatament u kemm huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlasijiet amministrattivi mitluba mill-istudenti huma kif ġej:
Certificate - Attendance of course Lm1.00
Certificate - result (not detailed) Lm2.00
Certificate - result (detailed) Lm5.00
Certificate - translation of Latin certificate Lm2.00
Revision of paper Lm15.00 (refundable if there is an improvement in grade)
Tender Fee Lm5.00 (Minimum charge Lm5, Maximum Lm10)
Application Fee - Foreign students Lm40.00
Application Fee - Junior College Lm5.00
Borrower's Library Fee Lm20.00
(Non registered University Student)
Wied il-Għajn — Triq l-Aħmar - vultaġġ baxx ta' elettriku
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu sabiex il-problema ta' vultaġġ baxx fi Triq l-Aħmar ġewwa Wied il-Għajn tiġi solvuta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien nfurmat li l-problema msemmija kienet diġa investigata u ġie deċiż li jsir feeder ġdid biex tissolva din il-problema. Kif jinħareġ il-permess mill-ADT biex issir it-trinka meħtieġa, ix-xogħol jkun jista' jinbeda u jiġi finaliżżat.
Fondazzjoni għall-iskejjel ta' Għada — Kap Eżekkuttiv
Question
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn il-Kap Eżekkuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada li ismu qed jintbagħat separatament mhux qed jidħol għax-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal mistoqsija numru 2046.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi perikli oħra fl-iskola San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa, minbarra l-kwistjoni marbuta mad-drenaġġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u t-Technical Services Branch tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qegħdin jispezzjonaw l-iskola San Ġużepp Ħaddiem għal kull forma ta' periklu li possibilment jista' jkun fiha. Tajt struzzjonijiet biex fejn jiġi stabbilit li hemm xi perikolu għas-saħħa u s-sigurta' ta' dawk li jattendu l-iskola jittieħdu l-passi li hemm bżonn skond is-sengħa u l-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux ser jitwaħħlu chillers u filters, bħal dawk li twaħħlu fl-iskola F X Attard tal-Marsa, fl-iskejjel l-oħra wkoll, jiġifieri fl-iskola Primarja, Fra Diegu Bonanno u San Ġużepp Ħaddiem?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'hemmx ippjanat li jiġi stallat il-makkinarju imsemmi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm sewa' x-xogħol li sar mill-FTS, matul ix-xhur tas-Sajf fl-iskejjel, inkluż xogħol li sar minħabba li kellna ftit tal-ġimgħat ilu? Jista' jagħti dawn id-dettalji separatament għal kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li diversi xogħolijiet għadhom qed jiġu kwantifikati mill-Quantity Surveyors, it-tagħrif mitlub għad irid jiġi kompilat u tweġiba tingħata f'xi Seduta.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li jagħmlu parti mill-Kumpannija Nazzjonali tad-Drama? Jista' jgħid ukoll x'ħidma wetqet fl-aħħar sena u x'hemm ippjanat għall-futur?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi sallum ma' teżistix Kumpannija Nazzjonali tad-Drama u għalhekk ma nista' nagħti ebda informazzjoni dwar l-operat tagħha. Jista' jagħti l-każ li l-Onor. Abela qed jirreferi għal xi entita' oħra u allura nistiednu jispeċifika x'inhi l-informazzjoni li għandu bżonn ħalli nkun nista' nipprovdiha.
Jikkonferma l-Ministru li f'tender maħruġ mill-Gvern inġieb dqiq mid-ditta l-ħażina u mhux dak li kien jinġieb is-soltu u dan sabiex jingħata lil dawk il-persuni li huma allerġiċi għad-dqiq? Fil-każ li dan hu minnu, jista' jgħid x'passi ttieħdu? Waslu rapporti l-Ministeru li hemm persuni li qed jixtru dqiq huma minħabba li dak li nġieb mhux tajjeb?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 1944.
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi, anke jekk temporarji, sabiex dik il-parti li għadha mħarbta fi Triq il-Kavallieri ta' Malta ġewwa M'Scala tiġi rranġata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq għandu diversi talbiet għal xogħlijiet fejn l-iżvilupp għadu mhux komplut bħal f'dan il-każ, u għalhekk l-asfalt f'din it-triq isir aktar il-quddiem meta l-iżvilupp jitlesta.
Kemm kienet il-Youth Labour Supply (16-24 sena) fil-31 ta' Awissu, 2003? Kemm minn dan in-numru ta' żgħażagħ, f'din id-data, kienu tfajliet, u kemm kienu ġuvintur? Kemm kienet il-Labour Supply totali fl-istess ġurnata? Kemm kienu dawk iż-żgħażagħ ta' din l-eta' (maqsumin fi tfaljliet u ġuvintur) mill-Youth Labour Supply li kienu qegħdin jaħdmu f'din id-data?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Youth Labour Supply — Ħaddiema mal-Gvern u Korpi Gorvernattivi
Question
Kemm mill-Youth Labour Supply (16-24 sena) fit-31 ta' Awissu, 2003 (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) kienu qegħdin jaħdmu mal-Gvern u Korpi Governattivi; fil-manifattura, turiżmu, servizzi finanzjarji, servizzi oħra, bejgħ (retail), kostruzzjoni, biedja, sajd, setturi oħrajn? Liema kienu l-aktar għaxar (10) xogħlijiet (Occupations) li kienu jaħdmu fihom dawn iż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur)? Kemm kienu ż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) mill-Youth Labour Supply li kienu/huma self-employed? F'liema oqsma kienu/huma jaħdmu bħala self employed? Kemm kien hemm żgħażagħ ta' l-eta' msemmija (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) li kienu qegħdin fi skema ta' apprendistat fid-data msemmija? Liema kienu dan l-iskemi, u kemm kien hemm f'kull skema (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur)?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk iż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) mill-youth labour supply li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fil-31 ta' Awissu, 2003? Liema kienu dawk ix-xogħlijiet li kienu qed jirreġistraw għalihom iż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) bla xogħol? X'kien il-livell edukattiv ta' dawk iż-żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm kien hemm żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal aktar minn sitt xhur u x'kien il-livell edukattiv tagħhom? Kemm kien hemm żgħażagħ (maqsumin fi tfajliet u ġuvintur) li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal mill-anqas sena u x'kien il-livell edukattiv tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-ispiża bħala persentaġġ tal-GDP tal-pensjonijiet f'pajjiżna? Jista' jgħid x'kien il-persentaġġ għaxar (10) snin ilu? X'mistenni jkun il-persentaġġ fis-snin 2020, 2030 u 2040?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ispiża tal-pensjonijiet imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali bħala persentaġġ tal-GDP kien 6.81% fl-1992 u 7.71% fl-2002.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nissuġġerixxi li din issir lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għalliema tal-kindergarten li ħarġet on maternity leave fl-iskola ta' l-Għarb Għawdex, ġietx sostitwita' minn għalliema oħra? Huwa minnu li kien hemm għalliema li għax intbagħtet l-Għarb ħarġet bis-sick leave b'ċertifikat miftuħ? Veru li dan wassal sabiex kull ġimgħa l-għalliema qed tinbidel u dan b'detriment għall-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema tal-Kindergarten (1) fl-iskola Primarja ta' l-Għarb, Għawdex li ħarġet bil-maternity leave, ġiet sostitwita b'mod permanenti saż-żmien meħtieġ mill-14 ta' Ottubru 2003.
Universita' ta' Malta — Librerija - Xiri ta' kotba
Question
Jista' il-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar 5 snin kemm intefqu flus, sena sena, f'xiri ta' kotba għall-librerija ta' l-Univerista'? Jista' jgħid ukoll fuq liema suġġetti kienu? Fil-preżent kemm għandha kotba din l-istess librerija?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub għall-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija.
Informat ukoll li fil-preżent it-total ta' volumi ta' kotba li għandha il-Librerija ta' l-Universita' huwa ta' 720,000.
Jista' il-Ministru jgħid kif jiġu magħżula l-istudenti li juru x-xewqa li jidħlu għall-Beauty Course (1st diploma) offrut mill-MCAST? Xi kriterji jintużaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ta' l-MCAST jiġu magħżula skond il-kriterji stabbiliti u pubblikati fil-Prospectus ta' l-istess Kulleġġ.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar jew x'ser isir mill-makkinarju li jinsab f' Umberto Colosso ġaladarba din issa m'għadhiex bħala trade school?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-makkinarju li kien jinsab fl-ex-Skola tas-Snajja Umberto Calosso u li kien għadu f'kundizzjoni tajba ittieħed fil-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija għall-użu tal-Kulleġġ. Makkinarju ieħor li ġie ċertifikat li m'għadux tajjeb għall-edukazzjoni u t-taħriġ ġie dikjarat bħala obsolete minn borad of survey u qiegħed jinbiegħ 'tale quale' b'sejħa għall-offerti fil-Gazzetta tal-Gvern u fil-gazzetti lokali ta' kull nhar ta' Ħadd.