Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tas-seminars imsejħa INT (Irrid Nagħżel Tajjeb)? Jista' jgħid min jieħu sehem fihom u fejn isiru dawn is-seminars? Kemm huma l-fondi li b'kollox huma dedikati għal dawn is-seminars?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskop tas-Seminars INT huwa li jinħoloq mudell ħolistiku dwar il-bżonnijet ta' l-istudenti żgħażagħ Maltin fuq suġġetti bħal Relazzjonijiet, Valuri, Sesswalita, Kif tkun Assertiv, Taf Lilek Innifsek u problemi oħra. Għalhekk l-istudenti żgħażagħ ikunu f'pożizzjoni li jagħmlu għażla aħjar.
L-ideja huwa li jsiru seminars barra mill-iskola, b'mod informali biex l-istudenti jistgħi isaqsu u jgħidu fejn ma jaqblux anke b'mod kritiku. Is-seminars huma esperjenza fejn studenti żgħażagħ subien u bniet jisimgħu lil xulxin f'ambjent krejattiv. B'hekk ma jkunx hemm barrieri ta' komunikazzjoni.
Fis-seminars qegħdin jieħdu sehem studenti ta' 15-il sena fi skejjel statali u tal-Knisja. Din is-sena dawn is-seminars bdew isiru fid-Dar ta' San Ġużepp, Sta. Venera, li poġġew għad-dispożizzjoni tagħhom sular b'għaxart'ikmamar li jintużaw kuljum. Għal din is-sena skolastika, għal dawn is-seminars, hija prevista s-somma ta' Lm 15,000. Din is-somma tinkludi it-trasport ta' l-istudenti. Is-sena li għaddiet kien hemm madwar 3495 student.
Jista' il-Minsitru jgħid x'inhu l-iskop li numru kbir ta' skejjel jibqgħu mixgħula bil-lejl b'ammont ta' dawl sostanzjali, jiġifieri mhux bozza jew tnejn?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ebda skola m'għandha tħalli id-dawl mixgħul għal xejn b'xejn. Numru ta' skejjel jintużaw filgħaxija għall-attivitajiet varji. Ser nitlob lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tfakkar li min hu konċernat b'dan.
Jista' l-Ministru jgħid x’se jsir minn Sant' Iermu? Għad hemm il-ħsieb li hemmhekk isiru l-imħażen sabiex jintużaw minn dawk involuti fil-Karnival? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk għadx hemm il-ħsieb li jsir il-villaġġ tal-karnival?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li qatt ma kien hemm ħsieb li l-imħażen jintużaw minn dawk involuti fil-Karnival, isiru fil-Forti Sant’Iermu.
Dejjem kienet l-intenzjoni li Sant’iermu ikun jista’ jintuża għall-skopijiet oħra aktar addattati għall-post storiku bħal dan, u li il-karrijiet tal-Karnival jinstabilhom post ieħor aktar adattat.
Dan huwa dak li dejjem irreferejna għalih meta nitkellmu fuq villaġġ tal-Karnival. Din hija l-intenzjoni tal-Ministeru tiegħi li fuqha qegħdin naħdmu b’impenn u nispera li filwaqt li lil dawk li huma involuti fil-Karnival noffrulhom post aktar addattat fl-istess ħin inkunu nistgħu nibdew naħsbu bis-serjeta’ biex nagħtu lil Sant’Iermu id-dehra li jixraqlu.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali jew il-persuna/i li ħadu dan ir-rwol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li l-membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali huwa kompost kif ġej:
Is-Sur Nazju Abela Chairman
Is-Sur Nenu Aquilina Membru
Dr. Paul Mifsud Membru
Is-Sur Martin Morana Membru
Is-Sur Lawrence Mizzi Membru
Is-Sn. Margaret Mercieca Membru
Is-Sn. Lydia Chetcuti Membru
Is-Sur Charles Coleiro Membru
Is-Sn. Joyce Guillaumier Membru
Is-Sur Charles Caruana Membru
Is-Sur Anton Miceli Segretarju
Jista' il-Ministru jagħti n-numru ta' għalliema li qed jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja? Kemm huma nisa u kemm huma rġiel? Kemm huma impjegati fuq bażi part-time? Kemm hemm għalliema reliġjużi? Kemm mit-total għandhom 'il fuq minn 61 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema, nisa u rġiel separatament, li huma mpjegati fl-iskejjel indipendenti/privati? Kemm minnhom huma fuq bażi part-time? Kemm hemm li għandhom 'il fuq minn 61 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal-liċenzja biex jinfetħu skejjel biex igħallmu l-Ingliż? Minn min saret kull applikazzjoni? F'liema lokalita' tinstab kull waħda? Meta saret kull applikazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm applikazzjoni waħda għall-liċenzja biex tinfetaħ skola ħalli jitgħallmu l-Ingliż. Din l-applikazzjoni saret mis-Sur Michael Parnis għal skola fil-Belt Valletta u l-applikazzjoni saret fis-17 ta' Lulju 2003.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabu karozzi tal-linja ġodda? Kemm fadal li jridu jiġu? Dawk li qegħdin hawn kollha bdew jintużaw fuq ir-rotot? X'se jiġri minn dawk il-karozzi tal-linja li issa m'hemmx bżonnhom għax ġew il-ġodda flokhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s'issa, 122 karozzi tal-linja ġodda ġew importati jew mibnija f'Malta. Mill-122 karozza, 37 għadhom qegħdin fil-proċess li jiġu liċenzjati, filwaqt li l-kumplament ta' 85 huma liċenzjati sabiex joperaw.
Il-karozzi tal-linja l-qodma li qed jiġu mibdula mal-ġodda, bħalissa qegħdin jinżammu mill-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex ikun hemm tnaqqis fin-numru tal-karozzi tal-linja? X'se jiġri minn dawk li mhux se jitbiddlu mis-sidien tagħhom ma' karozzi ġodda u qdiemu sew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa għaddejin diskussjonijet ma' l-ATP fuq ir-riforma tan-network. L-Awtorita` minn naħa tagħha qed tagħmel l-istudju tagħha sabiex tistabbilixxi n-numru ottimu li hemm bżonn biex is-servizz jilħaq il-bżonnijiet tal-pubbliku. Jekk dan l-istadju jirriżulta li m'hemmx bżonn il-508 xarabank, wieħed irid isib il-mezz kif ser jimplimenta t-tnaqqis.
Dawk il-karozzi li s-sidien tagħhom mhux ser ibiddlu x-xarabank iridu jassiguraw li jkunu tajbin għat-triq.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex in-nies jitħajru jużaw it-trasport pubbliku u b'hekk iħallu l-vetturi privati tagħhom id-dar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta flimkien ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku qed jaħdmu flimkien fuq pjan sabiex jitkompla l-bdil ta' rotot eżistenti, filwaqt li - jiffaċilitaw l-ivjaġġar bil-karrozzi tal-linja, sabiex b'hekk is-servizz jattira aktar l-użu tal-passiġġieri.
Għal dan il-għan studji qed isiru biex:
Isir servizz aħjar ta' xogħol bi skeda bil-lejl;
Jiġu introdotti rotot ġodda fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Lokali;
Jiġu introdotti rotot ġodda u
interchanges
ġodda li iktar jiffaċilizzaw il-vjaġġ għall-passiġġieri.
Huwa maħsub li b'dawn l-aranġamenti ġodda n-numru ta' passiġġieri ma jibqax jonqos.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm mindu bdiet din is-sena skolastika li karozzi tal-linja/mini-vans li jġorru l-istudenti ta’ l-iskola inqabdu b'numru aktar milli suppost? X'passi ttieħdu? Isiru kontrolli minn uffiċjali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex ikun żgurat li n-numru permess ma jinqabiżx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta waqqfet tiċċekkja 241 vettura li kienu qed iġorru studenti ta' l-iskola. Minn dawn, 57 vettura ġew irrapurtati għal ksur tal-liġi. Il-każi issa jinstemgħu quddiem il-Qrati jew Tribunali lokali
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru t-traffic lights f'Tal Barrani meta toħroġ miż-Żejtun, eżattament minn Vjal il-25 ta' Novembru? X'qed iżomm biex dan ix-xogħol jibda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ser toħroġ sejħa għal offerti għat-tqçgħid tat-traffic lights imsemija mill-Onor. Interpellant. Malli dan il-proċess ta' tendering jitlesta' x-xogħlijiet ikunu jistgħu jibdew.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-somma totali li għandha tieħu l-MALTACOM mingħand abbonati tagħha għall-użu tat-telefon minn djar/kumpaniji/organizazzjonijiet oħra u li dawn ilhom ma jitħallsu għal żmien twil? Jista' jelenka kemm irid jingħata minn familji, kumpaniji kummerċjali u għaqdiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.1130.
Jista' l-Ministru jgħid jekk intefax xi chlorine fl-iskola jew fl-inhawi ta' l-iskola San Ġużepp Ħaddiem fil-Marsa, b' mod partikoari bejn is-17 u l-20 ta' Ottubru 2003? Jista' jgħid għalfejn sar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn is-17 u l-20 ta' Ottubru 2003 ma ntefa' l-ebda 'chlorine' fl-iskola San Ġużepp Ħaddiem, il-Marsa.
Jista' l-Ministru jgħid x'użu qed isir minn Villa Psaigon fir-Rabat? Kemm hemm ħaddiema f'din il-Villa u x'inhu x-xogħol li qed jagħmlu? Matul dawn l-aħħar sentejn sar xi xogħol fiha? Jekk iva, x'kienu dawn ix-xogħlijiet u kemm ġew jiswew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li Villa Psaigon li l-użu prinċipali tagħha huwa dak ta' tagħlim prattiku għat-tfal ta' l-iskejjel dwar l-ambjent u n-natrua, kienet tinsab magħluqa minħabba li kien jeħtieġilha xogħol ta' tiswija u immodernizzar. Id-Diviżjoni ħejjiet pjanti u għamlet applikazzjoni ta' żvilupp. Ma' l-approvazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' żvilupp beda l-proċess ta' tħejjija ta' sejħiet għall-offerti għax-xogħol ta' kostruzzjoni u servizzi.
Fil-frattemp, il-Gardening Unit tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ġiet trasferita f'dan is-sit.
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li, l-post ġie mnaddaf minn dan l-istess Unit, issewwew id-dawl u l-ilma, il-kmamar ġew miżbugħa, it-toilets tnaddfu u, fejn kien hemm bżonn, inbidlu. Xi xogħol għadu għaddej fil-bitħa kif ukoll barra. Bħalissa f'dan il-post hemm il-Head tal-Gardening Unit, is-Senior Foreman, skrivana full-time u oħra part-time filwaqt li tlett ħaddiema qed jispiċċaw l-aħħar irtokki fuq il-post.
B'riferenza għat-tielet u r-raba' parti tal-mistoqsija, ix-xogħolijiet li saru dawn l-aħħar sentejn f'Villa Psaigon kienu: tibdil ta' madum tal-ħajt, komunikazzjoni mill-ġdid tal-provvista tad-dawl u l-ilma tal-gvern, tibdil ta' plumbing, alterazzjoni ta' bieb u xogħol ta' żebgħa. Dawn ix-xogħolijiet b'kollox ġew jiswew LM 1,030.59.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li ma thallewx jidhlu Malta meta waslu a) fl-ajruport u b) bil-bahar mill-1 ta' Jannar sallum? Ta' liema nazzjonalita' kienu principalment? X' kienu r-ragunijiet ewlenin ghaliex ma thallewx jidhlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta` din is-sena kien hemm 760 persuna li ma tħallietx tidħol wara li waslet Malta. Minn dawn 737 waslu il-baħar filwaqt li 23 waslu bl-ajru. Il-pajjiżi li kienu ġejjin minnhom dawn il-persuni huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ir-raġunijiet li għalihom dawn in-nies intbagħtu lura kienu prinċipalment li:
Ma jkollomx mezzi biżżejjed biex imantnu lilhom infushom f`Malta
Jiġi stabbilit li ma jkunux ġew Malta għal skop ġenwin ta` turiżmu
Ma jkollomx id-dokumenti kollha neċessarju
Ikunu suġġetti ta` xi struzzjonijiet biex ma jitħallewx jidħlu Malta minħabba xi każ preċedenti jew xi raġuni oħra
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja tal-vetturi ma tħallewx jitħallsu għaliex is-sid kellu xi multa li ma kinitx tħallset u dan fl-ewwel 9 xhur tas-sena? Il-pulizija tiġi infurmata min huma dawk li ma ħallsux biex b'hekk jiġi żgurat li l-vettura ma tkunx qed tinsaq fit-triq? Il-wardens ikunu mgħarrfa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi d-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet m'għandux l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Dan għaliex is-sidien tal-vetturi li ma jġeddux il-liċenzja tal-vettura tagħhom, ma jagħtux raġuni għaliex ma jkunux ġeddew il-liċenzja.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, bħal ma jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant kull vettura jkollha mwaħħla mal-windscreen il-liċenza tat-triq u fuq din il-liċenzja jkun hemm id-data sa kemm tkun valida. Għalhekk ma hemmx għalfejn il-Pulizija u l-wardens ikunu mgħarrfa jekk il-liċenzja tat-triq ta' xi vettura patikolari tkunx tħallset jew le.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm vetturi f'din is-sena li ma għaddewx mill-VRT aktar minn darba u b'hekk ma kinux tajba għat-triq? Kif jiġi żgurat li dawn jiġu skrappjati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' vetturi li ma għaddewx mill-VRT għal aktar minn darba minn Jannar 2003 sa Settembru 2003 jamonta għal 4656. Dawn il-vetturi huma ta' klassi 2 u klassi 3.
Kull vettura li ma tgħaddix mill-VRT tingħata ċ-ċans li tagħmel it-tiswijiet meħtieġa qabel ma jerġa jsirilha test. La darba wara it-tiswijiet isirulha, din tgħaddi mit-test, il-vettura tingħata l-permess li taħdem fit-triq.
Vettura li ma tgħaddix mill-VRT għal aktar minn darba, tingħata ċ-ċans li jsirulha aktar testijiet wara li tiġi rranġata u mhux bilfors tiġi skrappjata.