Jista' il-Ministru jgħid jekk l-istaff room ta' Maria Assunta ġietx imkabbra jew le sabiex takkomoda lill-għalliema kollha, issa li dawk li kienu fl-iskola Adelaide Cini qegħdin f'Maria Assunta wkoll? Kemm hemm għalliema b'kollox fl-iskola Maria Assunta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Maria Assunta u Adelaide Cini hemm sitt (6) staff rooms b'kollox - ħamsa (5) f'Maria Assunta u waħda (1) f'Adelaide Cini. F'Maria Assunta hemm mija u tlett (103) għalliem, filwaqt li hemm sittax (16) il-għalliem li jużaw l-istaff rooms ta' Blokk A ta' l-iskola Adelaide Cini. It-total ta' għalliema fiż-żewġ skejjel huwa ta' mija u dsatax (119).
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx għalliema fl-iskola Maria Assunta li qed jagħmlu xogħol ieħor flok dak ta' għalliema? Għalfejn qed jiġri dan u x'inhu x-xogħol li qed jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema kollha fl-iskola Maria Assunta għandhom in-numru stipulat ta' lezzjonijiet skond is-suġġett tagħhom. Xi għalliema għandhom inqas lezzjonijiet mill-ammont stipulat minħabba n-natura tas-suġġett li jgħallmu. Hemm xi għalliema li jieħdu ħsieb it-Tuck Shop waqt il-ħin tal-break.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien ix-xogħol li sar fl-iskola Maria Assunta matul is-sajf u kemm ġie jiswa b'mod separat? Jista' jagħti din l-informazzjoni għall-iskola Adelaide Cini f'każ li saru xi xogħlijiet fiha? Ġie deċiż ta' x'se jiġri mill-iskola Adelaide Cini wara li x-xogħol kollu jitlesta? Jista' jgħid fiex wasal ix-xogħol f'din l-iskola li għandha bini kkundannat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li għalih qed jirreferi l-Onor. Membru kien jikkonsisti f'xogħol ta' żebgħa, refurbishment ta' toilets, canteen, gymnasium, staff rooms, tiswija ta' aperturi, landscaping u qed jiġi refurbished il-Blokk tax-Xjenza. Ix-xogħolijiet għadhom qed jiġu ċertifikati u l-ammont minfuq jiġi stabbilit.
Dwar l-iskola Adelaide Cini, deċiżjoni tittieħed meta jiġi approvat il-pjan ta' ħidma għall-iskejjel għas-snin li ġejjin.
Nies involuti fl-isport — Xiri ta' pilloli mingħajr riċetta tat-tabib
Question
Jista' il-Ministru jordna investigazzjoni dwar minn liema spiżjara u/jew spiżeriji qed jinbiegħu pilloli mingħajr riċetta tat-tabib lil dawk l-isportivi speċjalment bodybuilders li jridu jmorru aħjar fil-kompetizzjonijiet? Jaf li dan stqarrewh il-president ta' l-assoċjazzjoni tal-bodybuilders u żewġ tobba waqt il-programm sportiv GRANDSTAND fuq il-PBS nhar it-Tnejn 20 ta' Ottubru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li investigazzjoni dwar l-allegat bejgħ ta' pilloli mingħajr riċetta tat-tabib minn spiżeriji, liema każ ġie riferut għalih waqt il-programm sportiv Grandstand, diġa' qegħda ssir minn uffiċjali tad-dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtara methadone s'issa din is-sena għall-użu ta' dwk li jixtiequ jieqfu mit-teħid ta' l-eroina u anke dawk li qegħdin fuq il-methadone maintenance programme? Kemm sewa flus?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s'issa inxtraw 20,160 flixkun Methadone ta' 500 millilitru kull wieħed għall-prezz ta' Lm34,106.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq s'issa din is-sena fl-importazzjoni ta' pilloli għad-dipartiment tas-saħħa? Jista' jgħid ukoll kemm tħallsu l-importaturi rispettivi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-nefqa fuq ix-xiri (procurement) fuq pilloli u apparat mediku bejn l-ewwel ta' Jannar u l-31 t'Ottubru 2003 kienet ta Lm14,781,009.
L-importaturi tħallsu Lm13,312,441.64
Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu persuni kawża ta' mard marbut ma' l-ikel, jiġifieri mard tal-qalb, obeżita', eċċ., f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jagħti ħjiel ta' l-etajiet tagħhom f'kategoriji?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' mwiet bil-mard tal-qalb matul is-snin 2001 u 2002 kienu 925 u 956 rispettivament. In-numru ta' mwiet mill-obesita` matul is-snin 2001 u 2002 kienu 1 u 3 rispettivament. L-etajiet tal-persuni li kienu mietu huma indikati fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra.
L-ikel huwa wieħed mill-bosta fatturi li jikkawżaw dawn il-mard.
Jista' il-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat kienx hemm ħsara fil-filters ta' l -iskola FX Attard fil-Marsa? Jista' jgħid jekk din il-ħsara tolqotx periklu għall-istudenti u l-għalliema? Jista' jgħid ukoll jekk din l-iskola tbatix minn nuqqas ta' dawl jew vultaġġ adegwat?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet numru 2385, 2387 u 2388.
Jista' il-Ministru jagħti l-lista ta' kotba li nkitbu minn uffiċjali għolja tal-MATSEC, li skond il-code of professional academic conduct, għandhom jagħmlu riċerka, kif ukoll jissottomettu rapport għall-performance bonus li fih iridu jgħidu x'pubblikazzjonijiet ikunu ħarġu? Jista' jgħid min kienu dawk li kitbu dawn il-kotba fil-perjodu bejn l-2000 u l-2003?
Jista' jgħid fl-istess perjodu liema kienu l-kotba fis-sillabu tal-Malti li ntgħażlu għal kull sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kellux ilmenti dwar nuqqas ta' indafa fl-iskola primarja ta' Marsascala? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li din l-iskola titkabbar minħabba l-fatt li l-popolazzjoni ta' dan il-post qiegħed dejjem tkompli tikber?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija ma waslulix ilmenti dwar nuqqas ta' ndafa fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn.
Ninsab informat ukoll li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qiegħdha tiffinalizza il-pjan għall-ħidma li jmiss fl-iskejjel ta' l-istat. Tweġiba tkun tista' tingħata meta dan il-pjan jiġi approvat.
Marsa — Skola San Ġużepp Ħaddiem - Tagħlim ta' woodwork
Question
wara li rċevejt diversi ilmenti mingħand studenti adulti li jattendu l-evening classes tal-woodwork ġewwa l-iskola San Ġużepp Ħaddiem fil-Marsa, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li għall-ewwel darba dawn qed jiġu mitluba li jġibu magħhom il-materjal u mhux qed jiġi provdut lilhom mid-diviżjoni bħas-snin ta' qabel?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 2344.
Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Korsijiet ta' fil-għaxija
Question
Jista' il-Ministru jgħid id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni kemm tipprovdi korsijiet ta' fil-għaxija? X'inhu s-suġġett li qed jiġi mgħallem u fejn? Kemm qed jattendu studenti għal kull wieħed mill-korsijiet offruti u kemm hu l-ħlas? Jista' jista' jgħid ukoll jekk il-materjal li jkun meħtieġ jingħatax b'xejn jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li id-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jorganizza 114-il kors differenti.
Ta' min jgħid li l-korsijiet Electrical Installation Licence A u B, Electrical and Electronics Engineering Technical C&G 8030 Level 4, Electrical Motor Armature Winding, Advanced Technical Diploma in Mechanical Engineering C&G 2565, Engineering Skills C&G 1155, Telecommunication and Electronics Engineering C&G 2720 u Advanced Technician Diploma in Applied Information Technology C&G 7235 Level 4 minn din is-sena skolastika qed jiġu offruti mill-MCAST.
Il-korsijiet il-qosra, Computer Awareness, Cookery and Nutrition, Ju-Jitsu Self Defence, Flower Arranging, Ballroom Dancing, Sequence and Line Dancing, Beauty Care, Feep-Fit (Males and Females), Craft Course (Beading), Maltese Sign Language u Curtain Making jerġgħu jibdew fi Frar. Madwar 600 adult ieħor jattendu.
F'korsijiet li jinħtieġu l-prattika il-materjal jingħata biss lill-għalliem/a biex dawn juru il-metodu prattiku tax-xogħol lill-istudenti.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-korsijiet.
Sport tal-bodybuilding — Teħid ta' sustanzi llegali
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex avviċinat minn uffiċjali ta' l-assoċjazzjoni tal-bodybuilding rigward it-teħid ta' sustanzi llegali f'dan l-isport? Jista' jgħid jekk ġiex mitlub biex jgħin biex jeqred l-imġieba ta' xi wħud?
Jaf li l-president ta' din l-assoċjazzjoni stqarr bla tlaqliq fuq il-programm sportiv GRANDSTAND tal-PBS nhar it-Tnejn 20 ta' Ottubru li qed isibha diffiċli biex jikkontrolla t-teħid ta' sustanzi llegali fil-bodybuilding?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li uffiċċjali Maltin tal-bodybuilding infurmaw lill-Ministru b’rapport ta’ riżultati posittivi ta’ doping u talbuh jieħu dawk il-miżuri sabiex dan l-aspett negattiv ta’ l-isport jiġi kontrollat.
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għadda dan ir-rapport lill-Kunsill Malti għall-Isport sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa skond il-parametri tal-liġi ta’ l-isport.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-ministeru tiegħu li għandu responsabbilta' fl-isport wara li atleti/footballers/bodybuilders, eċċ., jiġu meqjusa bħala pożittivi wara li jkun sar test tad-doping?
Għalkemm huwa minnu li kull għaqda tieħu l-azzjoni tagħha, ma jaħsibx il-Ministru li l-kunsill Malti għall-isport għandu jindaħal ukoll, anke biex jipproteġi atleti oħra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infakkar lil Onor. Interpellant li wieħed mill-għanijiet tal-Liġi għall-Isport huwa li toħloq il-qafas sabiex tkun tista' ssir leġislazzjoni sussidjarja li tirregola l-abbuż minn sustanzi ipprojbiti fl-isport.
Ta’ min iżid illi Malta permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport hija affiljata mal-W.A.D.A. (World Anti-Doping Agency) sa’ mill-2002. Din l-aġenzija dinjija twaqqfet propju bl-iskop li tikkoordina u tikumbatti l-użu illegali ta’ sustanzi ipprojbiti fl-isport. Malta qiegħda tipparteċipa fil-laqgħat kollha ta' din l-aġenzija.
Konxji mill-fatt li dan is-suġġett huwa wieħed importanti ħafna, huwa pjaċir tiegħi ninforma lil Onor Interpellant li l-Kabinett approva it-twaqqif ta’ Anti Doping Advisory Board li l-funzjonijiet tiegħu ser ikunu speċifikament li :
1. jagħti pariri sabiex titwaqqaf Politika Nazzjonali u Pjan ta’ Azzjoni speċifikament fuq anti doping;
2. jagħti pariri flimkien ma’ l-avukat generali dwar ir-ratifika
tal-Konvenzjoni tal-W.A.D.A. u jissuġġerixxi metodi ta’ kif
għandna ninplimentaw din il-Konvenzjoni;
3 jipprepara Regolamentazzjoni li eventwalement għandha
twassal għall-Avviż Legali dwar l-Anti Doping
Dan il-Kumitat ser jiltaqa’ fil-ġranet li ġejjin.
Nies involuti fl-isport — Teħid ta' sustanzi llegali
Question
Wara li fil-programm sportiv GRANDSTAND tal-PBS ta' l-20 ta' Ottubru, il-president ta' l-assoċjazzjoni tal-bodybuilding u t-tabib tal-kumitat olimpiku Malti u tabib ieħor imdaħħal fl-isports tkellmu ċar u fit-tul dwar li qed jittieħdu sustanti llegali minn ħafna sportivi biex imorru aħjar fl-isport, ma jaħsibx il-Ministru li dan għandu jiġi nvestigat mill-pulizija? Jaf li l-istess sinjuri stqarrew li jafu li ħafna minn dawn is-sustanzi li jittieħdu mill-isportivi huma importanti llegalment u/jew li jinbiegħu minn xi spiżjara anke mingħajr riċetti?
Jaf ukoll li stqarrew li pilloli llegalment qed jinbeigħu minn ċerti gyms?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kummenti li saru waqt il-programm imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kienu ġeneriċi. Infurmat ukoll illi fejn jirriżulta lill-Pulizija illi jkun hemm xi abbuż minn dawn is-sustanzi, jittieħdu passi skond il-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid illum kemm hemm skejjel liċenzjati biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Liema huma u f'liema lokalita' jinsabu? Kemm hemm li fetħu ġodda din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Studenti ta' nazzjonalita' barranija — Tagħlim ta' l-Ingliż f'pajjiżna
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew studenti barranin biex jitgħallmu l-Ingliż f'pajjiżna? Jistgħu jingħataw il-figuri bejn l-1 ta' Jannar u l-aħħar ta' Settembru 2003? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sat-30 ta' Settembru 2003, 55,273 studenti barranin ġew f'Malta u Għawdex sabiex jistudjaw l-Ingliż. Dawn l-istudenti barranin ġew f'pajjiżna minn Andorra, Awstrija, Arġentina, Belġju, Brażil, Bulgarija, Ċili, Repubblika Ċeka, Ċina, Franza, Ġappun, Ġermanja, Greċja, Italja, Korea, Libja, Messiku, Norveġja, Olanda, Polonja, Portugal, Rumanija, Russja, Slovakkja, Spanja, Svezja, Svizzera, Turkija u Ukrajna.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li jiġu nominati surġenti maġġuri fil-korp tal-pulizija? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi l-proċedura li qed tiġi addottata? Kemm hemm postijiet vakanti f'dan ir-rank?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi huwa l-ħsieb li jinħatru Surġenti Maġġuri fil-Korp tal-Pulizija, wara li jiġu valutati l-ħtiġijiet attwali tal-Korp tal-Pulizija u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali.
Jista' il-Ministru jgħid, issa li tlestew l-interviews għall-assistenti kummissarji u supretendenti ġodda u ntbgħatu r-riżultati, x'għad fadal isir qabel ma joħorġu l-promozzjonijiet? Kemm kien hemm li qagħdu għall-interview għal kull kariga? Kemm se jiġu appuntati f'kull rank?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 18-il Supretendent li għamlu interview għal kariga ta` Assistent Kummissarju, filwaqt li għal kariga ta` Supretendent kien hemm 21 Spettur. F`dan il-proċess qed tkun segwita il-proċedura stabbilita għall-promozzjonijiet fis-Servizz Pubbliku, liema proċess għadu mhux finalizzat.