Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #2795 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Santa Venera — Skola sekondarja San Franġisk t'Assisi - għalliem tat-Taljan

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se jintbagħat għalliem tat-Taljan minflok l-għalliema preżenti li ħarġet bil-pregnancy leave, fl-iskola sekondarja San Frangisk t’Assisi ġewwa Santa Venera?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema tat-Taljan ser tibda l-pregnancy leave wara l-Milied, u sadattant tintbagħat għalliema oħra.
Leg 10 PQ #2796 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħal Qormi — skola sekondarja Ġuże' Galea - għalliem ta' l-Ingliż

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se jintbagħat għalliem ta’ l-Ingliż għal Form II ġewwa l-iskola sekondarja Ġuże` Galea ta’ Ħal Qormi, minħabba li dik preżenti mill-24 ta’ Settembru 2003 attendiet biss jumejn skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li diġa' ġie mpjegat dan l-għalliem.

Uffiċċju konġunt — Bejgħ ta' proprjeta'

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-aħwa, anke jekk tkun persuna waħda biss li mhux qed taqbel, u allura din tkun qed iżżomm il-bejgħ ta’ proprjeta`, jistax ix-share tagħha jitpoġġa l-Qorti? Jekk ir-risposta hija le, kif jidher li hu l-każ fil-preżent, jikkonsidra l-gvern li jagħmel tibdil f’dan is-sens?

Response (BORG, TONIO)

Kull koproprjetarju għandu d-dritt li jagħżel huwa kemm-il darba jbiegħx sehemu jew le. Għalhekk jekk ma jkunx hemm qbil wieħed irid jibda proċeduri legali sabiex jew tiġi maqsuma l-proprjeta` komuni inkella sabiex issir il-bejgħ in subbasta. Proċedura li tieħu l-ħin tagħha u hija magħrufa li taf tkun komplikata. Għalhekk fl-abbozz numru 15 emendi għall-Kodiċi Ċivili Kap 16 preżentement fuq l-aġenda tal-kamra fil-klawsola sitta u erbgħin (46) qed tiġi proposta proċedura li tagħmel dawn il-każijiet anqas diffiċli sabiex jiġu riżolti.

Kottonera — Kumpless sportiv - Ħaddiema li ħadmu s-sahra

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta ser jitħallsu ta’ l-overtime it-tmien ħaddiema li ħadmu dan l-overtime fil-Kumpless Sportiv tal-Cottonera kif ukoll fil-Marsa sports ground? Jaf li hemm min għandu jieħu ħlas ta’ l-overtime li ilu li sar minn Frar 2003?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Membru li ma jidhirlix li hemm ħaddiema li għamlu xi sahra fi Frar 2003 u għadhom ma tħallsux. Jien infurmat ukoll illi ħaddiema li hemm mal-Kunsill Malti għall-Isport għandhom sa’ Ġunju ta’ din is-sena mħallas, u fil-preżent qiegħed isir xogħol amministrattiv biex jitħallsu x-xhur ta’ Lulju u Awissu 2003.
Leg 10 PQ #2788 Sitting 66 2003-11-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħamrun — Skola Maria Assunta - lezzjoni tal-Physics

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-istudenti ta’ bejn Form 1 u Form 4 ta’ l-iskola Maria Assunta fil-Ħamrun mhux qed jagħmlu lezzjoni tal-Physics fil-laboratorji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent il-blokk tal-laboratorji qiegħed jiġi refurbished u għandu jkun lest sa l-aħħar ta' Diċembru 2003. Sar arranġament biex il-parti tal-prattiku tas-Sillabu issir mit-tieni Term il-quddiem.
Leg 10 PQ #2789 Sitting 66 2003-11-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħamrun — Skola Maria Assunta/Skola Adelaide Cini

Question

Minħabba li l-aċċess bejn l-iskola Maria Assunta u Adelaide Cini fil-Ħamrun huwa perikoluż, jista’ il-Ministru jara li dan il-passaġġ jiġi rranġat u mhux jibqa’ bil-pallets ta’ l-injam? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus f’żebgħa u xogħol iehor marbut mas-sinjali tat-traffiku ġewwa l-istess skejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt assigurat li l-passaġġ in kwestjoni m'għandux jippreżenta perikolu, pero' tlabt lil min hu konċernat jikkonsidra is-sitwazzjoni u jagħtini parir.
Leg 10 PQ #2790 Sitting 66 2003-11-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Jum il-gradwazzjoni

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li jkun hemm selection committee sabiex jara d-diskorsi ta’ l-istudenti li jagħmlu f’jum il-gradwazzjoni tagħhom? Jista’ jgħid ukoll fejn hu maħsub li jsiru ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni għal din is-sena? X’kienet ir-raġuni li saret bidla fil-post fejn isiru normalment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' tistieden lill-Kunsill ta' l-Istudenti Universitarji (KSU) biex għal kull ċerimonja jagħżlu huma rappreżentant ta' l-istudenti biex jagħmel diskors ta' l-okkażjoni. L-Universita' ma taħtar l-ebda kumitat ta' l-għażla. Iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni ta' din is-sena ser isiru fil-Multipurpose Sports Hall fl-Universita' minħabba l-kwantita' kbira ta' gradwati.

Ommijiet xebbiet intitolati għaċ-children's allowance

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ommijiet mhux miżżewġa li sa l-aħħar ta' Ottubru kienu qed jirċievu ċ-children's allowance? X'kien it-total globali li tħallas? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ommijiet huma taħt is-16-il sena, minn 16 sa 18-il sena u ’il fuq minn 18-il sena? Kemm hemm ommijiet mhux miżżewġa f'Għawdex li qed jirċievu ċ-children's allowance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Ottubru 2003 kien hemm 1,819 ommijiet mhux miżżewġa f’Malta u 42 f’Għawdex li kienu qed jirċievu ċ-Children’s Allowance. Peress li l-eta’ ta’ l-applikant m’hiex waħda mill-kriterji biex titħallas din l-allowance ma tinżammx statistika dwar l-etajiet tal-benefiċċjarji. Ninsab infurmat ukoll li statistika dwar il-ħlasijiet tinżamm b’mod globali fuq il-pagamenti totali u mhux skond l-istat ċivili jew l-etajiet tal-benefiċċjarji.

Anzjani — Karta anzjan

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għandhom il-karta anzjan? Kemm ħarġu s'issa din is-sena? Jista' jgħid x'benefiċċji għandhom l-anzjani meta juru din il-karta ta' identita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa Settembru 2003 kien hemm 73,096 anzjan li kellhom il-Kartanzjan. Rigward kemm ħarġu Kartanzjan din is-sena, 4,297 ħarġu għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u 2,417 ħarġu għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 75 sena. Il-benefiċċji li għandhom l-anzjani meta juru din il-karta ta’ identita’ huma: - roħs fuq il-Karozzi tal-Linja - roħs fuq il-Vapur t’Għawdex - roħs fuq it-telefon għal dawk li għandhom il-karta roża - jidħlu Trade Fair Grounds b’xejn - preferenza fil-queues għal min għandu 75+ card fi sptarijiet u polyclinics

Immigranti llegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x' inhu n-numru ta' immigranti li qed jinżammu mill-pulizija u mis-suldati li ilhom miżmuma aktar minn sena? Kemm hu n-numru ta' dawk li ilhom miżmuma aktar minn sentejn? X'inhuma r-raġunijiet prinċipali li dawn baqgħu jinżammu msakkrin? Kemm hemm li għadha ma ġietx stabbilita n-nazzjonalita' tagħhom? Kemm minn dawn huma taħt is-16-il sena? Kemm hemm trabi li twieldu waqt li ommijiethom kienu miżmuma hawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 232 immigrant illegali fiċ-ċentri ta` akkomodazzjoni tal-Pulizija u l-Forzi Armati li ilhom aktar minn sena, filwaqt li minnhom, hemm 5 li ilhom aktar minn sentejn. Hemm numru minnhom li kellhom l-applikazzjoni rifjutata u qed jistennew li jiġu ripatrijati. Dan jista` jsir biss malli jiġu akkwistati d-dokumenti mill-pajjiżi konċernati. Hemm ukoll numru li qed jistenna l-eżitu tal-proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Kollha kemm huma iddikjaraw nazzjonalita` imma l-verifika sseħħ biss meta jaslu d-dokumenti. Hemm 19 li skond id-dikjarazzjonijiet li għamlu mal-wasla tagħhom għandhom anqas minn 16-il sena, filwaqt li hemm ukoll 9 trabi li twieldu Malta.
Leg 10 PQ #2782 Sitting 65 2003-11-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tfal ta' immigranti li jattendu l-iskejjel f'pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal ta' immigranti li qegħdin miżmuma Malta li qed jattendu l-iskejjel? Kemm qed imorru fi skejjel ta’ l-Istat? F'liema snin qegħdin? Kien hemm skejjel tal-Knisja li ntalbu biex idaħħlu wħud minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Immigranti llegali — Impjieg temporanju

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm immigranti li kienu daħlu Malta illegalment u wara ċertu żmien ingħataw permess li jaħdmu anke temporanjament f'Malta? Kif jiġi deċiż lil min jingħata permess? X'inhu x-xogħol li qegħdin jagħmlu, jekk inhu l-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Membru li immigranti illegali ma jingħatawx permess biex jaħdmu Malta. Iżda dawk il-persuni li setgħu daħlu Malta b`mod illegali u sussegwentement jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati jew persuni li għandha tingħatalhom protezzjoni, qed jingħataw permess biex jaħdmu Malta. Ix-xogħlijiet li jagħmlu dawn il-persuni huma diversi.
Leg 10 PQ #2784 Sitting 65 2003-11-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tal-Ħandaq — Junior lyceum - għalliem tal-Physics

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-Junior Lyceum tal-Ħandaq, fil-Form 3 għad m’għandhomx għalliem tal-Physics?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-Junior Lyceum tal-Ħandaq m'hemm l-ebda nuqqas ta' għalliema tal-Physics.
Leg 10 PQ #2477 Sitting 64 2003-11-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Infermiera li ġew mill-Ingilterra

Question

Jsita' il-Ministru jgħid kemm ġew nurses mill-Gran Brittanja mal-visiting surgeon Dr. Lehowsky sabiex jieħdu ħsieb tal-pazjenti qabel u wara l-operazzjoni? Jista' jgħid ukoll dawn kemm jitħallsu? X'inhi r-raġuni li nurses Maltin mhux qed jagħmlu dan it-tip ta' xogħol? Jista' jgħid jekk dawn l-operazzjonijiet humiex aktar diffiċli u kumplessi minn oħrajn li jsiru fl-isptar San Luqa? Nistgħu nħarrġu nurses Maltin sabiex fil-każ jagħmlu huma dan it-tip ta' xogħol?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' nurses li ġew mill-Gran Brittanja huma sitta. Dawn jitħalsu ħamsa u għoxrin lira Sterlina fis-siegħa. In-nurses Maltin ma jagħmlux dan it-tip ta' xogħol, għaliex in-nurses trenjati fl-ITU/HDU huma limitati. Dawn l-operazzjonijiet isiru minn specjalisti barranin għaliex il-"catchment population" tagħna hija żgħira.
Leg 10 PQ #2488 Sitting 64 2003-11-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Budget għas-safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-budget ta' l-Universita' għas-safar f'dawn l-aħħar sentejn u kemm ġew minfuqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-allokazzjoni tal-fondi mill-'budget' fl-Universita' ma tipprovdix ammonti speċifiċi għas-safar. L-infiq isir fuq approvazzjoni li tingħata għal kull każ. L-ammont totali minfuq matul l-2002 kien ta' Lm76,217 filwaqt li bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena l-ammont kien ta' Lm64,848.
Leg 10 PQ #2775 Sitting 64 2003-11-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Dħul u ħruġ ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aktar sigurta' f'dawk l-iskejjel fejn ikun hemm dħul u ħruġ ta' vetturi u anke parkeġġ fl-istess postijiet li jużaw l-istudenti biex imorru u / jew jitilqu mill-iskola? X'passi ttieħdu f'dawk l-iskejjel fejn dan isir? Hemm possibbilta' f'ċerti skejjel biex vetturi ma jitħallewx jidħlu jew li jinstabu alternattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel diġa' għandhom sistema biex waqt id-dħul, u l-aktar waqt il-ħruġ, tat-tfal mill-iskola ma jkunx hemm tfal u vetturi deħlin jew ħerġin f'daqqa b'nuqqas ta' kontroll.
Leg 10 PQ #2776 Sitting 64 2003-11-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Ġużeppi Despott — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jkun hemm l-ebda sorveljanza meta jkunu ħerġin l-istudenti ta’ l-iskola Ġużeppi Despott wara li jtemmu l-iskola mill-bieb iż-żgħir tal-ġenb biex imorru għall-coaches li jkunu ġew jiġbruhom? Jaf il-Ministru bil-periklu għaliex dawn il-vetturi jkunu għadhom qed jaslu jew ikunu qed isuqu biex jitilqu bl-istudenti jfixxtu l-vettura li se trikkibhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li malli tispiċċa l-ġurnata skolastika l-istudenti ta' l-iskola Ġużeppi Despott jinġabru kollha fil-bitħa ta' l-iskola fejn ikun hemm persuna magħhom li jkollha l-użu ta' Walkie Talkie. Barra mill-iskola jkun hemm membru ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskola li malli tasal karozza javża n-numru tar-rotta, permezz tal-Walkie Talkie, lis-Supervisor li jkun ma' l-istudenti fil-bitħa. Dan iħalli joħorġu mill-iskola lil dawk l-istudenti li jivvjaġġaw ma' din ir-rotta. Dan l-eżerċizzju jdum madwar nofs siegħa u ebda membru ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskola ma jitlaq mill-post qabel ma tkun telqet l-aħħar private. Dan kollu jsir biex jitnaqqas il-periklu għall-istudenti waqt il-ħin tal-ħruġ mill-iskola.
Leg 10 PQ #2777 Sitting 64 2003-11-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Ġużeppi Despott — Problema dwar ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministeru tiegħek jitlob lill-Ministeru responsabbli biex jara x'jista' jsir fit-triq prinċipali eżatt quddiem il-bieb ewlieni ta’ l-iskola Ġużeppi Despott ħalli kull darba li tagħmel ftit xita dan ma jinġabarx f'post wieħed u studenti u vetturi jkollom jaqsmu fuq in-naħa tat-triq b'periklu kbir? Jaf li din is-sitwazzjoni ilha hekk għal żmien twil?

Response (GALEA, LOUIS)

Tajt struzzjonijiet biex isiru il-kuntatti meħtieġa ma' l-awtoritajiet kompetenti biex l-ilment ta' l-Onor. Membru jiġi investigat u tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Leg 10 PQ #2778 Sitting 64 2003-11-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet ta' l-'O' u l-'A' levels

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar liema skejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk privati jippreparaw l-istudenti tagħhom għall-eżamijiet ta' universitajiet/bordijiet barranin kemm fil-livell ordinarju kif ukoll f'dak avvanzat? Peress li dawn kollha jagħmlu wkoll l-eżamijiet tas-SEC/MATSEC ma jaħsibx li huwa wisq għall-istudenti biex jippreparaw għal aktar minn eżami ta' bord wieħed? Kif isir it-tagħlim meta jkun hemm differenza ġieli sostanzjali bejn is-SEC/MATSEC u bordijiet barranin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ebda skola statali ma tipprepara lill-istudenti tagħha għal eżamijiet ta' universitajiet/bordijiet barranin kemm fil-livell ordinarju u avvanzat. Dan ma jfissirx li student li jixtieq jagħti eżami ta' barra, minn rajh, jiġi prekluż. Fl-iskejjel privati hemm tlett skejjel indipendenti li jippreparaw lill-istudenti tagħhom għall-eżamijiet ta' universitajiet/bordijiet barranin. Dawn huma St. Edwards, St. Michael's Foundation for Education u Verdala International. L-iskejjel tal-Knisja jimxu mas-'Syllabus' tal-MATSEC.