Postijiet li għandhom faċilita' għal ġbid ta' films
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jsir biex jilqa' għall-isfida ta' postijiet oħra li għandhom faċilitajiet għal ġbid ta' films bħal dawk fir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija, issa li Malta se tidħol fl-Unjoni Ewropea? Malta qed toffri xi inċentivi biex il-producers tal-films jagħżlu lil Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa fatt li ħafna pajjiżi madwar id-dinja għarfu li produzzjoni awdjoviżivi jiġġeneraw qliegħ tajjeb għall-ekonomiji tagħhom u għalhekk qed joffru diversi għajnuniet fiskali u finanzjarji biex jattiraw produzzjonijiet internazzjonali lejhom.
Malta, minħabba li hi limitata fid-daqs u t-topografija, fir-riżorsi u fl-infrastruttura qatt ma tista’ tkun kunsidrata bħala destinazzjoni ewlenija f’din l-industrija. Biss, għadna nħaddnu numru ta’ vantaġġi li għadhom jagħmluna destinazzjoni popolari għal-ġbid ta’ ċertu produzzjonijiet li jew jużaw l-baħar u li jew jikrejaw ambjent antik.
Il-kompetituri ewlenin tagħna huma l-Italja, Franza, Spanja, il-Messiku, il-Marokk, it-Tunisija u numru ta’ pajjiżi mill-Lvant ta’ l-Ewropa.
Fil-preżent il-Gvern qed joffri żewġ inċentivi minimi biex jattira aktar produzzjonijiet lejn xtutna li huma:
a) ħlas minimu għall-użu ta’ postijiet publiċi
b) refunds fuq it-taxxa tal-valur miżjud fuq is-servzzi u l-prodotti kollha li jikkunsmaw f’Malta.
Fid-dawl tar-realtajiet internazzjonali u l-inċentivi li qed jingħataw mill-kompetituri tagħna hu l-ħsieb tal-gvern li jingħataw aktar inċentivi li permezz tagħhom nkunu nistgħu nħajru aktar produzzjonijiet lejn Malta.
Pero jidhrilna li m'għandniex nagħmlu shopping list ta' nċentivi imma li noperaw sistema flessibbli biex nindirizzaw il-ħtiġijiet, xi kultant komplessi, ta' kull produzzjoni ta' ċerta daqs.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li ħalla qliegħ dirett u/jew indirett il-ġbid ta' films f'Malta mill-1999 sa Ottubru ta' din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba l-fatt li l-estimi ta’ nfieq li fuqhom isir il-budget ta’ produzzjoni awdjoviżiva mhux dejjem jkun jirrifletti n-nefqa li filfatt isseħħ, huwa diffiċli li wieħed jżomm rendikont preċiż ta’ l-investiment li produzzjoni awdjoviżiva tiġġenera f’Malta.
Minkejja li f’pajjiżna ma tinġabarx statistika uffiċjali fuq din in-nefqa, il-Malta Film Commission tistma li f’dawn l-aħħar 5 snin intefqu f’pajjiżna madwar Lm55 miljun lira minn produzzjonijiet differenti.
Din in-nefqa normalment tinqasam fuq ħolqien ta’ impjiegi temporanji u fissi, bini ta’ sets u bini ieħor, kiri u xiri ta’ apparat u materji oħra, akkomodazzjoni, trasport, servizzi professjonali, ikel u xorb, attivitajiet kulturali u ta’ divertiment kif ukoll mezzi ta’ kommunikazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw bħala part-timers biss fil-31 ta' Ottubru ta' din is-sena? Kemm huma rġiel u kemm huma nisa? Kemm mit-total qed jagħmlu aktar minn xogħol part-time wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Korporazzjoni tirreġistra fuq ir-reġistru tagħha lil dawk li jfittxu xogħol full-time. Minkejja dan il-Korporazzjoni nidiet reġistru eletroniku għal min qed ifittex xogħol part-time fuq il-web-site tagħha, fejn il-persuna tista' tpoġġi C.V. tagħha.
In-numru ta' nies li qegħdin fuq ir-reġistru eletroniku tal-Korporazzjoni sal-31 ta' Ottubru kien ta' 78 li jinqasam f'24 rġiel u 54 nisa. Hdax-il persuna kellha xogħol part-time wieħed filwaqt, li żewg persuni biss kellhom aktar minn xogħol part-time wiehed.
ETC — Persuni li għandhom impjieg full-time u anke part-time
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies li minbarra mpjieg full-time għandhom ukoll impjieg part-time? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar ta' Settembru 2003 in-numru ta' nies li minbarra mpjieg 'full time' kellhom ukoll impjieg 'part-time' kien 15,132; li minnhom 11,559 kienu irġiel u 3,573 kienu nisa.
Il-figura ta' Settembru 2003 hija waħda proviżorja.
Jista' il-Ministru jgħid minn dawk li għandhom xogħol part-time biss, kemm minnhom huma taħt il-25 sena? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Kemm minnhom huma taħt il-21 sena u kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar ta' Settembru 2003 ħaddiema jaħdmu xogħol 'part-time' biss, kien hemm 2,887 irgiel taht -il 25 sena u 3,584 nisa. Taħt -l 20 sena kien hemm 1,551 irgiel u 1,877 nisa.
Il-figura ta' Settembru 2003 hija waħda proviżorja.
Jista' il-Ministru jgħid minn dawk li bagħtu r-return tat-taxxa għas-sena li għaddiet qabel l-aħħar ta' April, kemm fadal biex jintbagħtilhom jekk fadlilhomx jagħtu aktar taxxa jew li qegħdin tajjeb?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn total ta’ 127,338 dikjarazzjonijiet (return tat-taxxa għas-sena ta’ stima 2003) li daħlu sal-aħħar ta’ April, 548 persuna għad trid tkun innotifikata; minn dawn 20 m’għandhomx bilanċ x’jagħtu, 90 għandhom xi diskrepanza fl-informazzjoni mogħtija, u 438 għandhom bilanċ ta’ taxxa favur tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema nieqsa fl-MCAST? Jista' jagħti din il-lista separatament għal kull kulleġġ jew istitut, kif ukoll jgħid x'inhu s-suġġett? X'qed isir sabiex jimtlew dawn il-vakanzi? X'inhuma d-diffikultajiet sabiex jimtlew dawn il-postijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2817, informat li il-Kulleġġ joħroġ sejħiet pubbliċi meta dan ikun jeħtieġ. Id-diffikultajiet li wieħed jiltaqa' magħhom meta jsir ir-reklutaġġ ta' għalliema għall-kulleġġ vokazzjonali huma relatati ma' dewmien minħabba in-notice period, riżenji, dewmien fir-release mid-Dipartimenti tal-Gvern, il-kultura ġdida tax-xogħol fl-MCAST (sigħat itwal u vaganzi mnaqqsa) u l-faċilita' li wieħed jerġa' lura mal-Gvern jekk qabel kien impjegat tas-servizz pubbliku.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2346, jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri ta' l-Anti-doping advisory board li ġie mwaqqaf dan l-aħħar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-membri ta' l-Anti Doping Advisory Board huwa ffurmat kif ġej :-
Dott. Stephen Zammit M.D. Chairperson
Is-Sn. Lara Gerada B.Pharm Segretarja
Dott. John Buhagiar M.D. Membru
Dott. Janet Mifsud B.Pharm (Hons), Ph.D. (Qub) Membru
Is-Sur John Farrugia (Vice-President M.F.A.) Membru
Is-Sur Joe Cassar (Seg. Ġen. M.O.C.) Membru
Dott. Peter Fenech LL.D. Membru
Is-Sur Joe Dimech Membru
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati għalliema s'issa minn dawk li għamlu l-interviews ftit qabel bdiet is-sena skolastika wara li ggradwaw mill-Universita'? Kemm għad fadal gradwati li għadhom fuq il-waiting list?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li in-numru ta' għalliema li ġew impjegati li għamlu l-interviews ftit qabel bdiet is-sena skolastika kienu:-
Primarja - 54
Sekondarja - 56.
In-numru ta' għalliema li fadal gradwati li għadhom fuq il-waiting list huma:-
Primarja - 77
Sekondarja - 62.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1973, jista' il-Ministru jgħid jekk irċeviex ilmenti li minkejja li d-dqiq li nġieb, prima facie, jidher li huwa skond l-ispecifications tat-tender, xorta waħda mhux tajjeb għal dawk li għandhom bżonnu għax it-tip ta' dqiq li nġieb huwa cornflower?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa rċieva lmenti minn pazjenti dwar id-dqiq gluten free. L-ilmenti kienu jikkonċernaw il-kwalita' tal-ħobż magħmul minn dan id-dqiq.
Wara diversi interventi tad-Dipartiment mal-aġent lokali għadu kemm intlaħaq qbil biex konsenji futuri ta' dqiq ikunu ta' tip differenti. Id-dqiq il-ġdid huwa aktar preferut biex jiġu magħmula ħobż u għaġin.
Jista' il-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li jikkwalifikaw għall-għajnuna legali? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din l-għajnuna tiġi riveduta?
Response (BORG, TONIO)
Skond l-artikolu 912 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, persuna tikkwalifika għall-għajnuna legali jekk ikun jidhrilha li għandha jedd tajjeb biex tħarrek jew tiddefendi ruħha, jew li tkompli jew tkun parti fi proċedimenti, u illi minbarra l-oġġett fil-kawża, hija ma jkollhiex proprjeta’ li l-valur nett tagħha jammonta għal jew ikun aktar minn Lm3,000, bla ma jitqiesu dawk l-oġġetti tad-dar ta’ kuljum li huma meħtieġa għall-użu tal-persuna; u li l-qliegħ tal-persuna fil-perjodu ta’ 12-il xahar li jiġu qabel it-talba għall-għajnuna legali ikun inqas mill-paga minima nazzjonali. Fil-kalkolu tal-valur nett imsemmi ma jitqiesx dak tar-residenza prinċipali tal-persuna jew ta’ kull proprjeta’ oħra, immobbli jew mobbli, li dwarha jkun hemm kwestjoni fil-qorti, ukoll jekk dik il-proprjeta’ ma jkollhiex x’taqsam mat-talba għall-għajnuna legali.
Skond l-artikolu 913 ta’ l-istess Kodiċi, il-kondizzjonijiet imsemmija ma japplikawx għal persuna li tagħmel talba biex tingħata għajnuna legali għal azzjoni għall-korrezzjoni jew għat-tħassir ta’ xi reġistrazzjoni, jew għar-reġistrazzjoni ta’ att tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-mewt. Iżda jekk it-talba tiġi miċħuda il-persuna jkollha tħallas l-ispejjeż tal-kawża jekk il-qorti ma tordnax xort’oħra.
Għalkemm kull suġġeriment ġdid jiġi kkonsidrat, u diġa’ saru numru minnhom minn dan il-ministeru, pjan sħiħ għal dan it-tibdil għadu ma tnediex.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-films li nġibdu kollha jew parti minnhom f'Malta bl-għajnuna tal-Malta film facilities u dan mill-1999 'il hawn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1999 inġibdu f’pajjiżna aktar minn 50 produzzjoni awdjoviżiva.
Il-maġġoranza ta’ dawn il-produzzjonijiet inġiebu Malta permezz tax-xogħol li twettaq il-Malta Film Commission u ġibdu f’diversi postijiet madwar il-gżejjer Maltin kif ukoll fil-Mediterranean Film Studios.
Lista ta’ feature films u films għat-televiżjoni li nġibdu f’dawn l-aħħar ħames snin tinsab fit-tabella mehmuża.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk taħt il-voti Contributions to Government Entities Vot 18, dak li kien ivvutat għal din is-sena ġiex mogħti lill-fodazzjonijiet konċernati skond kif kien ivvutat fil-budget għal din is-sena? Jekk le, kien hemm xi tnaqqis jew żidiet fl-estimi? Jekk iva, kemm kienu separatament għal kull fondazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ikun jista' jingħata meta jingħalqu u jiġu verifikati l-kontijiet konċernati.
Jista’ il-Ministru jgħid fl-MCAST kemm hemm lecturers, assistant lecturers u għalliema nieqsa f’kull istitut separatament? Jista’ jgħid ukoll liema huma s-suġġetti fejn hemm nuqqas ta’ staff?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MCAST — Għalliema li kienu fl-iskejjel tas-snajja'
Question
Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-għalliema li kienu fl-iskejjel tas-snajja’ ġewx mitluba sabiex jgħallmu fl-MCAST? Barra minn dawn, kien hemm għalliema oħrajn li ġew mitluba jagħmlu dan? Jekk iva, mil-liema skola kienu? Jista’ jgħid ukoll x’kienu r-raġunijiet li għalihom dawn m’aċċettawx li jgħallmu fl-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċess ta' reklutaġġ ta' l-għalliema fl-MCAST huwa dak stabbilit mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ. Dan jikkonsisti f'sejħa pubblika u intervista.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-parti tat-triq li tiġi ħdejn il-Liceo Vassalli, Tal-Ħandaq ġewwa Ħal Qormi, jiġifieri it-Triq tal-Ħandaq, hijiex responsabbilta' tal-gvern ċentrali? Jekk iva, jista' jara li din it-triq tingħata priorita' minħabba li hija perikoluża għall-istudenti li jattendu f'dan il-liċeo?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninsab infurmat illi l-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija responsabilta tal-Kunsill Lokali, madankollu tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport sabiex tagħmel spezzjoni f'din it-triq u tara x'għandu jsir.
Jista' il-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni dwar il-Liċeo Vassalli f'tal-Ħandaq, jiġifieri dwar jekk hux se jsir maintenance sħiħ jew inkella hux se titwaqqa' u terġa' tinbena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-materja qed tiġi trattata fil-pjan ta' ħidma ta' l-FTS li qed jitfassal u għad irid jiġi approvat.
Jista’ il-Ministru jagħti dettalji aġġornati ta’ tenders maħruġa fl-2002 u fl-2003 mill- Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u mid-Direttur tal-Kuntratti għan-nom tal-Fondazzjoni? Kemm kien il-kuntratt, min kienu l-kuntratturi, kemm kien l-ammont ta’ xogħol li sar, l-ammont li tħallas u l-ammont miżmum f’kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba hija diġa' pubblika bil-proċeduri tad-Dipartiment tal-Kuntratti.