Jista’il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 2787 u cioe' jgħid kemm tqassmu flus matul din is-sena lill-għaqdiet sportivi taż-żgħażagħ u oħrajn? Kemm ħadu kull wieħed u mil-liema vot tqassmu dawn il-fondi? Jista’ jgħid ukoll min iddeċieda kemm tkun l-għotja?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra dettalji dwar l-għotjiet lil għaqdiet sportivi, taż-żgħażagħ u dawk ta’ xejra kulturali għas-sena 2003.
Il-fondi tqassmu mill-voti rikorrenti rispettivi allokati għall-Isport, żgħażagħ u kultura.
L-għotjiet jiġu kkunsidrati fuq il-merti tagħhom skond kriterji kif stabbiliti hawn taħt :-
SPORTS
L-isports: Sakemm twaqqaf il-Kunsill Malti għall-Isport il-proċess ta’ evalwazzjoni u tqassim ta’ għajnuniet kienu jkunu bażati fuq tlett kategoriji:-
1. Għajnuna lill-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali
2. Avvenimenti li jseħħu kull sena
3. Għajnuna għal titjieb ta faċilitajiet
Il-Ministeru kien jiġbor it-talbiet li jsirulu u jibgħat suġġerimenti lid-dipartiment tal-Isport u wara din il-konsultazzjoni tingħata l-għajnuna.
Il-Ministeru f’evalwazzjoni tiegħu jistħarreġ
1. Il-validita’ ta’ l-attivita’ fl-isfond tal-programmi ta’ zvilupp tekniku li l-istess għaqda jew assoċċjazzjoni tkun ppreparat.
2. Ir-rapport finanzjarju kif sottomess mill-ghaqda jew assoccjazzjoni
3. Għajnuniet jew sponsorships oħra li l-istess għaqda/assoċċjazzjoni tkun ġabet
4. Programmi ta’ żvilupp għaż-żgħażagħ/nurseries li l-istess għaqda tkun qed tesegwixxi matul is-sena finanzjarja.
Bil-ħolqien tal-Kunsill Malti għall-Isport dawn il-proċeduri qegħdin jiġu raffinati u l-istess Kunsill qiegħed iħejji policy document biex jiġu regolarizzati dawn l-isponsorships.
KULTURA
Fir-rigward tal-għotjiet bħala parti mill-Cultural Support Programme il-kriterji huma :
1. avveniment ikun ta’ natura kulturali
2. il-livell u l-kwalita’ ta’ l-avveniment
3. id-dimensjoni tal-popolarita’ fuq l-avveniment kulturali
4. l-ammont ta’ bżonn għas-support biex l-avveniment jittella’
5. kemm ippruvaw jiksbu sponsorships minn bnadi oħra barra mill-Kunsill Malti għall-Kultura u Arti
ŻGĦAŻAGĦ
Fir-rigward taż-żgħażagħ il-kriterji li bihom gew magħżula l-għaqdiet huma dawn:
Ingħatat preferenza lil:
a) Għaqdiet taż-żgħażagħ għal proġetti li l-proposti jsiru bejn Lulju u Diċembru 2003.
b) Għaqdiet li ma rċevew l-ebda għajnuna finanzjarja u għajnuna oħra fl-iskema bejn Jannar u Ġunju 2003.
c) Għaqdiet li juru li jistgħu jew kienu kapaċi jiġbru fondi mill-attivitajiet jew minn sorsi mhux tal-Gvern.
d) Għaqdiet li l-attivita' tagħhom taqbel ma' programmi oħra tal-Ministeru.
Talbiet li ma jaqgħux taħt dawn il-preferenzi xorta jigu kkunsidrati skond il-kontribut li jistghu jagħtu lill-komunita'. Tingħata għajnuna wkoll lill-għaqdiet taż-żgħazagħ li jiffurmaw parti minn moviment nazzjonali, iżda dawn l-għaqdiet għandhom iressqu t-talba tagħhom lill-moviment nazzjonali li japplika f'isimhom. Dan il-programm ta' għajnuna ma japplikax għall-Kunsilli Lokali.
Skola fil-Birgu — Ilmenti dwar tfal li qed jagħmlu l-istorbju
Question
Peress li kelli lmenti minn residenti li joqogħdu viċin skola fil-Birgu, li isimha qed jingħata separatament, li studenti li jattendu din l-iskola qed ta' kuljum jagħmlu l-istorbju kemm fil-għodu u kemm wara nofs inhar, jistgħu l-awtoritajiet edukattivi jwissu lil din l-iskola dwar dan? Għaliex dawn l-istudenti qed jitħallew jitlajjaw viċin l-iskola anke waqt il-ħinijiet ta’ l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-awtoritajiet ta' l-iskola ġew informati b'dan l-ilment u lesti jinvestigaw kull ilment li jsir.
Informat ukoll li bħal f'kull Sixth Form oħra ta' Malta, dawn l-istudenti huma marbutin jattendu għall-lezzjonijiet tagħhom, iżda jistgħu jitilqu mill-iskola f'dawk il-ħinijiet li fihom ma jkollhomx lezzjonijiet. Wieħed irid jiftakar li s-suġġetti tagħhom kollettivament ma jkoprux il-ħinijiet kollha ta' l-iskola.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ta’ l-Universita' ta' Malta inkluża l-Malta University Services Ltd. li qabżu s-60 sena fil-każ tan-nisa u 61 fil-każ ta’ l-irġiel li ngħataw estensjoni tas-servizz? F'liema dipartiment jaħdmu? Kemm hemm li ngħataw aktar minn estensjoni waħda ta' sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati serqiet f'Novembru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Novembru 2003 il-każi ta` serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru serqiet ta' opri tal-baħar matul din is-sena? Kemm ġew irrapportati serqiet minn jottijiet/laneċ, eċċ., fl-istess żmien?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tagħrif li jien tajt bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3385.
Universita' ta' Malta — Studenti ta' nazzjonalita' barranija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin li bħalissa qed jattendu l-Universita' ta' Malta f'Tal-Qroqq? Mil-liema pajjizi huma? X'korsijiet qed jattendu?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 1433.
Universita' ta' Malta — Studenti ta' nazzjonalita' barranija
Question
Jista 'il-Ministru jgħid kemm iħallsu l-istudenti barranin li jattendu l-Universita' ta' Malta? Kif jiġi kkalkulat il-ħlas? Il-ħlas għall-istudenti barranin li mhumiex ċittadini ta' pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea se jitbiddel wara l-1 ta' Mejju 2004?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlas li jsir minn studenti barranin li jattendu l-Universita' huwa indikat fl-iskeda li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-miżati huma determinati mill-ispejjeż kollha involuti kemm diretti u indiretti, u għal dan l-iskop is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja hi immaterjali.
Ħal Lija — Kumpless ta' l-universita - studenti ta' nazzjonalita' barranija
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin li jattendu l-Universita' li joqogħdu fil-kumpless li għandha l-Universita' f'Ħal-Lija? Kemm iħallsu? Jista' jgħid jekk hemmx ukoll professuri u/jew lecturers jew staff akkademiku ieħor li joqogħdu hemm? Jista' jagħti dettalji dwar il-ħlasijiet li jsiru minn dawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sad-9 ta' Diċembru 2003 kien hemm 150 student universitarju barrani joqogħdu fir-Residenza ta' Ħal Lija. Dan in-numru ivarja minn żmien għall-ieħor.
Ir-rati li jħallsu l-istudenti ivarjaw skond jekk il-persuna tridx kamra għaliha waħedha jew tkunx lesta toqgħod f'kamra ma' student ieħor. Ir-rati huma kif ġej:
Kamra b'persuna waħda Kamra b'aktar minn persuna waħda
Sena akkademika: minn Lm1056 sa Lm990 minn Lm792 sa Lm660
1st Semester: minn Lm548 sa Lm514 minn Lm411 sa Lm343
2nd Semester: minn Lm520 sa Lm488 minn Lm390 sa Lm325
Fir-Residenza bħalissa hemm joqgħod staff akkademiku wieħed. In-numru ta' dawn jinbidel minn żmien għall-żmien. Ir-rati li jħallsu jiddependi minn liema tip ta' akkomodazzjoni jiddeċiedu li jieħdu.
Jista' il-Ministru jgħid meta sar il-kuntratt biex l-Universita' ta' Malta ħadet f'idejha l-kumpless tagħha f'Ħal-Lija? Ma' min sar? Għal kemm snin? Kemm huwa l-ħlas? L-Universita' għandha sehem fit-tmexxija ta' dan il-kumpless?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ewwel kuntratt għall-kera tar-Residenza sar f'Mejju 1994. Il-kuntratt sar ma' Torri Gardens Ltd. L-ewwel kuntratt kien għal perjodu ta' tlett snin u ġie mġedded minn żmien għall-żmien. Il-kera attwali hi ta' Lm50,000 fis-sena. Ir-Residenza ta' l-Universita' hi immexxija mill-University Catering Services Ltd. L-isħma ta' din il-kumpanija huma kollha ta' l-Universita'.
Jista' il-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija numru 2782 u jagħti d-dettalji mitluba dwar l-istudenti ta' immigranti illegali li jattendu skejjel f'Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li in-numru ta' tfal ta' immigranti li qegħdin miżmuma Malta u li qed jattendu l-iskejjel ta' l-istat huma ħmistax. Sebat'itfal oħra qegħdin jattendu fi tlett skejjel tal-Knisja. 22 tifel u tifla qed jattendu f'waħda mill-iskejjel Primarji Indipendenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2783, jista' il-Ministru jgħid kemm hemm immigranti li huma rikkonoxxuti bħala refuġjati u dawk li huma meqjusa taħt protezzjoni? Ta' liema nazzjonalita' huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati u n-numru ta` dawk li ingħataw protezzjoni umanitarja mill-Uffiċċju Malti għar-Refuġjati hu ta` 79 u 417 rispettivament. Hemm ukoll 124 persuna oħra li kisbu protezzjoni mill-UNHCR.
Hemm ukoll numru ta` persuni li ingħataw protezzjoni temporanja mill-awtoritajiet Maltin u li ma ġewx proċessati mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati.
Naħseb li jkun iktar għaqli, speċjalment għall-aħjar sigurta` tar-refuġjati nfushom, jekk ma jingħadx pubblikament mill-liema pajjiżi huma ġejjin ir-refuġjati li għandna fostna.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2778 dwar eżamijiet ta' l-'O' u l-'A' levels, jista' il-Ministru jgħid mit-tliet skejjel indipendenti msemmija fit-tweġiba, liema huma l-bordijiet barranin li għalihom jitressqu studenti tagħhom? Kemm hu stmat li jitressqu studenti, f'liema suġġetti u f'liema livelli?
Fl-aħħar eżamijiet li saru f'Mejju/Ġunju ta' din is-sena, jista' il-Ministru jgħid kemm qagħdu għall-eżamijiet fil-livell ordinarju ta' l-Universita' ta' Londra? F'liema suġġetti u kemm kien hemm studenti maqsuma f'subien u bniet li resqu għal kull eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid mit-total ta' studenti li qagħdu għall-eżamijiet organizzati mill-Universita' ta' Londra f'livell ordinarju, kemm kienu mill-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja u dawk indipendenti? Kemm kienu subien u kemm kienu bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Londra toffrix eżamijiet fil-livell avanzat lil studenti Maltin? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti d-dettalji dwar in-numru ta' studenti, dwar is-suġġetti, eċċ.?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid bħala parti mill-wirt storiku ta' pajjiżna meta l-aħħar li tnaddfu s-swar ta' l-Imdina u minn min? Jeżisti xi programm biex dawn is-swar jitnaddfu b'mod regolari?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi mhuwiex attrezzat li jagħmel dan it-tip ta’ xogħol.
Hemm unit speċifika mal-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura li tieħu ħsieb tagħmel dan ix-xogħol u għalhekk nitolbok tagħmel id-domanda lil Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi tiswijiet fis-swar ta' l-Imdina f'dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' jgħid x'kienu dawn it-tiswijiet, kemm qamu u minn min saru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi mhuwiex attrezzat li jagħmel dan it-tip ta’ xogħol.
Hemm unit speċifika mal-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura li tieħu ħsieb tagħmel dan ix-xogħol u għalhekk nitolbok tagħmel id-domanda lil Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2003 kemm kien hemm każi rrappurtati ta' AIDS? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Kemm kien hemm persuni ta' nazzjonalita' barranija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika illi mill-ewwel ta' Jannar 2003 s'issa ġew notifikati erba' (4) persuni li għandhom l-AIDS.
Minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalita' u biex nipproteġu l-individwi kkonċernati, informazzjoni fuq is-sess u nazzjonalita' ma tistax tingħata.
Jista' il-Ministru jgħid meta nbena l-palazz Vilhena fl-Imdina? Kemm minnu qed jintuża bħalissa u għal liema skop?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li għall-ewwel parti tal-mistoqsija jista' jagħmel riferenza fil-kotba ta' l-istorja, fir-rigward tat-tieni parti - bħalissa madwar 80% tal-palazz qiegħed jintuża.
Il-parti prinċipali hija okkupata mill-Mużew Nazzjonali ta' l-Istorja Naturali, parti oħra tintuża bħala uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta' l-Imdina, parti oħra bħala Għassa tal-Pulizija, u l-Mdina Dungeons mikrija lil terzi persuni.