Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola Sport — Post ta' Area co-ordinators

Question

Jista' il-Ministru jgħid wara li dehret sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern għall-post ta' Area co-ordinators Skola Sport mal-kunsill Malti għall-isport, kemm applikaw, min kienu u min ġie magħżul? Xi kriterji ġew mitluba? X'inhi n-natura tax-xogħol/dmirijiet tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-ħlas?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Membru li minħabba li dawn il-karigi ta' Area Co-Ordinators mhumiex għall-uffiċjali pubbliċi imma għall-ingaġġ part-time ma nħossx li għandha ssir pubblika lista ta' nies li tinkludi ismijiet ta' dawk li ma' ġewx magħżula. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi mistoqsija speċifika fuq xi individwu li jħossu aggravat nitolbu bil-metodu tas-selezzjoni jgħaddi l-isem taħt karta separata mal-mistoqsija u nindaga fuq il-każ partikolari. Il-kriterji meħtieġa u li ġew mitluba kienu illi l-applikanti jkollhom kwalifiki akkademiċi jew tekniċi fil-qasam ta' l-isport, esperjenza ta' tagħlim jew coaching f'attivitajiet motorji f'diversi dixxiplini sportivi, abilita' li torganizza u timplimenta programmi ta' rikrejazzjoni u edukattivi għat-tfal. Fost in-natura tax-xogħol u dmirijiet mitluba hemm illi Area Co-Ordinator ikun responsabbli mill-area, mill-għalliema u coaches assenjati lilu, mill-faċilitajiet, is-syllabus, attrezzaturi, attendenzi tat-tfal u ta' l-għalliema, filwaqt li jżomm ko-ordinazzjoni kontinwa ma' l-iSkolasport Co-Ordinator u l-Kunsill Malti għall-Isport. Il-ħlas huwa ta' Lm 14.00 kull sessjoni ta' 3 siegħat il-waħda, kull nhar ta' Sibt minn Ottubru sa' Mejju.

Skola Sport — Post ta' Sports instructors/coaches

Question

Jista' il-Ministru jgħid wara li dehret sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern għall-post ta' Sports instructors/coaches Skola Sport mal-kunsill Malti għall-isport, kemm applikaw, min kienu u min ġie magħżul? Xi kriterji ġew mitluba? X'inhi n-natura tax-xogħol/dmirijiet tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-ħlas?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li minħabba li dawn il-karigi ta' Sports instructors/coaches mal-Kunsill Malti għall-Isport mhumiex għall-uffiċjali pubbliċi imma għall-ingaġġ part-time ma nħossx li għandha ssir pubblika lista ta' nies li tinkludi ismijiet ta' dawk li ma' ġewx magħżula. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi mistoqsija speċifika fuq xi individwu li jħossu aggravat nitolbu bil-metodu tas-selezzjoni jgħaddi l-isem taħt karta separata mal-mistoqsija u nindaga fuq il-każ partikolari. Il-kriterji meħtieġa u li ġew mitluba kienu illi l-applikanti jkollhom kwalifiki akkademiċi jew tekniċi fil-qasam ta' l-isport, esperjenza ta' tagħlim jew coaching f'attivitajiet motorji f'diversi dixxiplini sportivi, abilita' li torganizza u timplimenta programmi ta' rikrejazzjoni u edukattivi għat-tfal. Mal-lista magħżula hemm żewġ helpers sabiex jgħinu lit-tfal ta' l-iSpecial Class bil-bżonnijiet individwali tagħhom. Fost in-natura tax-xogħol u dmirijiet mitluba hemm illi Instructor jew Coach ikun responsabbli mill-klassi ta' tfal assenjati, responsabbli ta' l-apparat użat, iżomm l-attendenzi tat-tfal u preparazzjoni bir-reqqa tal-lezzjoni, filwaqt li jżomm ko-ordinazzjoni kontinwa ma' l-Area Co-Ordinator tiegħu. Il-ħlas huwa ta' Lm10.00 kull sessjoni ta' 2 1/2 il-waħda, kull nhar ta' Sibt minn Ottubru sa' Mejju.
Leg 10 PQ #3648 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-knisja — Salarji ta' l-għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet is-somma totali li ngħatat għas-salarji ta’ l-għalliema/staff ieħor ta’ l-iskejjel tal-knisja fis-sena skolastika 2002/2003? Jista’ jgħid kemm ingħata għal xogħol ieħor ta' manutenzjoni fl-istess żmien? Meta sar il-ħlas għal xogħol ta' manutenzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li is-somma totali li ngħatat lill-Knisja għall-Iskejjel tagħha għal salarji u spejjeż oħra fis-sena skolastika 2002/2003, jiġifieri bejn Ottubru 2002 u Settembru 2003 hija ta’ Lm9,080,225.
Leg 10 PQ #3649 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-knisja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm ingħata lill-iskejjel tal-knisja għas-salarji u manutenzjoni separatament fl-ewwel xhur tas-sena skolastika li qegħdin fiha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont li ngħata lill-Awtoritajiet tal-Knisja għal salarji u spejjeż ġenerali ta’ l-Iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika li ninsabu fiha, jiġifieri minn Ottubru 2003 sa Jannar 2004 huwa Lm3,266,662.
Leg 10 PQ #3650 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Awtoritajiet ekklesjastiċi — Tqassim ta' fondi għall-iskejjel tal-knisja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tingħatax somma globali lill-knisja f'Malta u din titqassam mill-awtoritajiet ekklesjastici għall-iskejjel tagħha? Huwa magħruf kemm tingħata kull skola għas-salarji u għall-manutenzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti breakdown ta' kif saru l-ħlasijiet lil kull skola tal-knisja għas-sena skolastika 2002/2003?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li is-somma globali votata fl-estimi tiġi mgħoddija lill-Awtoritajiet tal-Knisja f’numru ta’ pagament ugwali f’forma ta’ tranche kull xahar li jkopri 1/12 tas-somma globali. Dan il-pagament f’forma ta’ tranche jkopri kemm salarji kif ukoll spejjeż ġenerali.

Kunsilli lokali — Kunsilliera

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3093 u cioe' jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' kunsilliera f'Malta u Għawdex li huma bejn it-18-il sena u l-25 sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm disgħa u għoxrin (29) Kunsilliera li huma bejn it-18-il sena u l-25 sena. Ħamsa u għoxrin (25) minnhom qegħdin ma` Kunsilli f`Malta u erbgħa (4) f`Għawdex.
Leg 10 PQ #3614 Sitting 87 2004-01-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Direct orders

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2456 dwar direct orders, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji relevanti bħal ngħidu aħna l-ammont individwali għal kull direct order kif ukoll x'kien ix-xogħol u min għamel dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tagħrif rilevanti li diġa' tajt. Mhux il-każ li wieħed jagħti d-dettalji mitluba li dejjem jiġu verifikati mill-awditur tal-Kulleġġ, tal-Gvern u ta' l-NAO.

Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2814 u cioe' minħabba li wara l-elezzjoni kien hemm tibdil fil-ministeri minn kif kienu fil-leġislatura li għaddiet, jista' il-Ministru jgħid liema voti waqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u kemm kienu? Kemm intnefaq s’issa minn kull vot separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-voti l-ġodda li għaddew taħt il-Ministeru tiegħi u l-fondi li kien hemm f'kull vot huma kif jidhru fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-fondi allokati lid-Dipartiment taż-żgħażagħ u Sports baqgħu jiġu amministrati mill-istess Dipartiment. Ta' min jinnota li matul is-sena il-bilanċ tal-fondi li kien allokat taħt il-Cost Centre ta' l-Isport ġie mgħoddi lill-Kunsill Malti għall-Isport.

Ħal Qormi — Triq tal-Ħandaq

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2969, jista' il-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' dwar it-Trasport għamlitx spezzjoni f'din it-triq? Jekk iva, x'irriżulta? Jekk le, meta se ssir din l-ispezzjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi s-sena li għaddiet kienet saret spezzjoni f'dawn l-inħawi u nstab li t-triq għandu bżonn isirilha xi patching, u li fil-fatt sar. Fil-preżent it-triq qed terġa tiġi patched peress li tfaċċaw aktar potholes wara l-maltemp.
Leg 10 PQ #3617 Sitting 87 2004-01-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Secretarial Services Ltd.

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2408, jista' il-Ministru jgħid jekk fir-rigward tas-Secretarial Services Ltd inħarġitx tender jew le? Jista' jgħid ukoll jekk saritx il-proċedura normali li l-ewwel jinkitbu lill-ETC? Jista' jgħid ukoll jekk din l-istess kumpannija hux l-istess waħda li saret il-kirja tal-post mingħandha? X'inhi l-pożizzjoni fil-preżent dwar il-post li huwa mikri lill-FTS meta dan kien mikri b'mod temporanju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fir-rigward tas-Secretarial Services Ltd., din kienet direct order li nħarġet skond ir-regolamenti bil-permess meħtieġ tal-Ministeru tal-Finanzi. Is-servizz ta' temping ma jirrikjedi l-ebda proċedura fejn għandha tiġi mgħarrfa l-ETC. Informat ukoll li l-post minn fejn topera l-FTS m'huwiex tas-Secretarial Services Ltd., imma ta' l-AON Insurance Brokers. L-FTS għandha l-permess tal-Ministeru tal-Finanzi biex topera minn Ta' Xbiex. L-għażla tal-post saret wara sejħa pubblika fil-gazzetti.
Leg 10 PQ #3618 Sitting 87 2004-01-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tindif

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu u min kienu dawk li applikaw għall-Avviż Nru. FTS 131/03 għal tindif ta' darba f'diversi skejjel primarji u sekondarji f'Malta? Jista' jgħid ukoll min kien dak li ġie magħżul għal dawn ix-xogħlijiet u kemm kienu l-offerti ta' kull wieħed? X'xogħlijiet twettqu s'issa minn dak li ġie magħżul u kemm tħallas?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saru erbgħa offerti għal din is-sejħa. L-applikanti kienu dawn: Tender No. 3 Omajco Cleaners Ltd. Lm 6,350.00 Tender No. 4 Clentec Cleaning Services Ltd. Lm 7,898.50 Tender No. 1 Premier Cleaning Services Lm 9,468.00 Tender No. 2 Bad Boy Cleaning Services Lm11,584.50 It-tender ġie mogħti lil Omajco Cleaners Ltd. għal prezz ta' Lm 6,350.00. Ix-xogħol jikkonsisti fit-tneħħija ta' debris, trabijiet u tindif tal-parti tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli li għadda minn fażi ta' rikostruzzjoni u refurbishment. S'issa għadu ma sar l-ebda pagament peress li l-kontijiet qed jiġu verifikati.
Leg 10 PQ #3545 Sitting 86 2004-01-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Konferenza dwar il-lingwa Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se ssir konferenza dwar il-Malti bl-istess mod li se ssir għal-lingwa Ingliża? Jekk iva, meta se ssir u x'inhuma l-miri ta' din il-konferenza?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva. Id-data preċiża għadha ma ġietx stabbilita.
Leg 10 PQ #3546 Sitting 86 2004-01-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu nazzjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġie mplimentat minn dak li nsibu fil-kurrikulu nazzjonali sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid ukoll jekk sarx eżerċizzju ta' x'fadal jiġi mplimentat mill-istess kurrikulu u t-target dates sabiex dawn jiġu mplimentati?

Response (GALEA, LOUIS)

Skond il-pjan strateġiku għall-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali, kull skola tfassal it-twettiq tal-Kurrikulu permezz tal-Pjan ta' Żvilupp ta' kull skola li jħares lejn il-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet ta' l-iskola partikolari. Issa ser jinbeda eżerċizzju li jkopri l-iskejjel kollha biex jirraporta dwar l-iżviluppi u r-riżultati miksuba u fl-istess ħin jiġi aġġornat il-Kurrikulu fid-dawl tal-bidliet li seħħu fl-aħħar snin u dawk li qed jiġu diskussi.

Imdina — Palazz Vilhena

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir biex jiġi żgurat li l-Palazz Vilhena fl-Imdina ma jibqax jikkrolla? Saru rapporti tekniċi f'dawn l-aħħar għaxar snin? Jekk fl-affermattiv, meta u minn min saru? Jista' jgħid x'kienu r-rakkomandazzjonijiet prinċipali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2983.
Leg 10 PQ #3610 Sitting 86 2004-01-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Spezzjonijiet f'canteens ta' l-iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3200 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u cioe' jista' jgħid matul din is-sena skolastika kemm saru żjajjar fi ħwienet/canteens fi skejjel ta' l-istat, indipendenti u dawk tal-knisja? F'liema skejjel saru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mdina Dungeons

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3204, jista' il-Ministru jgħid min huma l-operaturi ta' l-Imdina Dungeons? Kemm inkera lilhom parti mill-Palazz Vilhena? Għal kemm żmien u b'liema ħlas? Meta sar il-kuntratt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-operaturi ta' l-Imdina Dungeons huma MDE Ltd. Il-kuntratti ġew iffirmati mad-Dipartiment ta' l-Artijiet u għalhekk nitlob lil Onor. membru jagħmel il-mistoqsija lil Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #3612 Sitting 86 2004-01-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Vot kapitali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-Vot kapitali li kellha l-Universita' f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm intnefqu minn dawn il-voti, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Birżebbugia — Triq San Ġorġ - żejt li qed jispiċċa ġo bir f'fond nru. 8

Question

Jista' il-Ministru jara x'inhi s-sitwazzjoni fejn żejt qed jidħol f'bir ġewwa post nru. 8, Triq San Ġorġ, Birżebbugia? Jista' jara li l-korporazzjoni Enemalta tieħu l-passi neċessarji ħalli din is-sitwazzjoni ma titħalliex għaddejja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-korporazzjoni Enemalta diġa indagat il-każ imsemmi fil-mistoqsija parlamentari u l-uffiċju legali tal-korporazzjoni Enemalta diġa wieġeb lis-sinjuri li għamlu l-ilment fuq dan il-każ.
Leg 10 PQ #3540 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu nazzjonali — Focus groups

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx preżentati xi rapporti mill-focus groups tal-kurrikulu nazzjonali? Jekk iva, jista' ipoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Hemm xi xogħol ieħor li twettaq minn dawn il-focus groups? Jekk iva, jista' jgħid fiex kienet tikkonsisti din il-ħidma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul il-perjodu li kienu mwaqqfa formalment il-'Focus Groups', cioe' minn Novembru 2001 sa Novembru 2003, dawn ħadmu biex iwettqu tipi diversi ta' xogħol. Dan ix-xogħol għadu għaddej sal-ġurnata tal-lum u ħafna minnu qed jiġi evalwat. Fost oħrajn dan ix-xogħol kien jikkonsisti f'laqgħat ma' għalliema, kapijiet ta' skejjel kif ukoll f'laqgħat mal-ġenituri dwar twettiq ta' diversi partijiet tal-Kurrikulu. Uħud mill-gruppi ippreżentaw ukoll rapporti li pero' f'dan l-istadju mhumiex għall-pubblikazzjoni.
Leg 10 PQ #3541 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu nazzjonali — Focus groups

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-focus groups li ġew imwaqqfa minħabba l-kurrikulu nazzjonali? Jista' jgħid ukoll min huma n-nies li qed iservu fuq kull focus group? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi riżenji minn dawn il-focus groups u kemm jitħallsu dawk li qegħdin f'dawn il-groups?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Focus Groups dwar il-Kurrikulu Nazzjonali li huma magħmulin minn għalliema li ġejjin mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti kif ukoll mill-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni. Informat li ir-rata tal-ħlas tal-membri hi Lm5.00 fis-siegħa, tal-Co-Ordinators hi ta' Lm6.00 fis-siegħa. Rati tal-ħlas ta' l-Uffiċjali Edukattivi waqt il-ħin tax-xogħol hi ta' 75% tar-rata indikata.