Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #3663 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Tipjip f'postijiet projbiti

Question

Issa li f'April se jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda dwar il-projbizzjoni tat-tipjip f'ċerti postijiet, jista’ il-Ministru jelenka dawk il-postijiet li l-liġi tiddefinixxi bħala postijiet li jagħtu xi servizz bi ħlas jew mingħajr'? X'kampanja se ssir mid-dipartiment tas-saħħa biex kemm is-sidien, kemm l-impjegati kif ukoll il-klijenti jkunu jafu r-responsabbiltajiet tagħhom dwar it-trażżin tat-tipjip f’ċerti postijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk kull ħanut, post tad-divertiment u bini ieħor għandux ikollu xi messaġġ fejn jidher mill-pubbliku u mill-ħaddiema li ma jistax isir tipjip?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li t-tipjip ma' jitħalliex jsir f'postijiet magħluqa, kif msemmija hawn taħt (Liġi ta' Malta fl-att dwar il-kontroll tat-tipjip tat-tabakk Kap 315 Artiklu 3.1). Postijiet fejn jingħata servizz lill-pubbliku, sew bi ħlas sew b'xejn, inkluż il-bejgħ ta' oġġetti, Sptarijiet, bini fejn tingħata kura medika, Bini għal persuni anzjani, Skejjel u postijiet oħra fejn imorru tfal jew żgħażagħ, Bini fil-magħluq fejn jingħataw edukazzjoni għolja u taħriġ vokazzjonali, Bini fil-magħluq li jintuża għad-divertiment bħal bini tar-radju u t-televiżjoni, Bini fejn jintwerew esibizzjonijiet, Bini u postijiet fejn isir l-isport, Portijiet u ajruporti. Ser issir kampanja fejn ser jitqassam ktejjeb żgħir sabiex jgħarraf il-pubbliku dwar il-kontenut ta' din l-amenda li saret fil-liġi. Il-persuni responsabbli mill-ħanut, post ta' divertiment u bini ieħor għandhu jinforma b'mod ċar kemm lill-impjegati kif ukoll lill-pubbliku, li t-tipjip mhux qed jitħalla fil-bini, billi jwaħħal avviżi li jkunu jidhru ċari. Dawn l-amendi jiddeskrivu r-responsabbilta' tal-Persuna responsabbli mill-istabilliment li jiżgura li ħadd ma jitħalla jpejjep f'dawk iż-żoni fejn it-tipjip huwa projbit. Iż-żoni fejn jitħalla t-tipjip għandhom jkunu sseparati minn dawk fejn ma jitħalliex tipjip u t-tipjip jitħalla jsir biss f'kamra magħluqa. Il-Prinċipal huwa responsabbli li jassigura li l-impjegati ma għandhomx ikunu meħtieġa li jidħlu f'dawk il-kmamar ukoll waqt li jkunu qegħdin jaqdu dmirijiethom. Dan ifisser li ħadd ma jitħalla jpejjep fil-post tax-xogħol jew f'post pubbliku li jkun taħt il-kontroll tal-prinċipal ħlief f'kamra msemmija fejn jista' jsir it-tipjip.
Leg 10 PQ #3664 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti li saru ommijiet

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-2003 kemm kien hemm studenti li saru ommijiet? Kemm minnhom kienu mill-iskejjel ta’ l-istat, indipendenti u tal-knisja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena 2003, daħlu 140 każijiet ġodda. Minn dawn, 37 kienu għadhom l-iskola, 17 kienu jattendu korsijiet post-sekondarji/Universita', u 86 kienu għadhom kemm spiċċaw l-iskola, jew bdew jaħdmu, jew qegħdin id-dar. Mogħti l-parir li skond l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, 2001 ma tistax tingħata aktar informazzjoni dettaljata, minħabba l-possibilta' ta' l-identifikazzjoni tal-persuna meta n-numri jiġu maqsumin.
Leg 10 PQ #3665 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel ta' l-istat — Vacancies ta' kapijiet/assisteni kapijiet

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm postijiet vakanti bħalissa ta' Kapijiet jew Assistenti Kapijiet fl-iskejjel ta' l-istat fil-livell primarju u sekondarju? F'liema skejjel? Jista’ jgħid meta ġie vakat kull post u x’kienu r-raġunijiet jekk hux minħabba transfer, iritirar, eċċ?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub. Qed jitwettqu l-proċeduri biex il-postijiet jiġu mimlija.
Leg 10 PQ #3666 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel ta' l-istat — Vacancies ta' għalliema

Question

Jista’ il-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm postijiet vakanti ta' għalliema fl-iskejjel ta’ l-istat fil-livell primarju u sekondarju separatament? F'liema skejjel u f'liema suġġetti? X'inhuma r-raġunijiet prinċipali għal dan in-nuqqas ta' għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel ta' l-Istat fil-livell Primarju m'hemmx postijiet vakanti ta' għalliema, filwaqt li fil-livell Sekondarju hemm ħames postijiet vakanti kif indikat hawn taħt: Suġġetti Vakanti Skola Raġuni Integrated Science St Luċija GJL/ Fortini BSS Għalliem mar jgħallem l-MCAST I.C.T. Ħamrun GS Għalliem li qiegħed bl-Unpaid Leave History Ħamrun GSS Għalliem trasferit History Marsa BSS Subject Co-Ordinator ingħata lezzjonijiet full-load imma dan oġġezzjona għax qed iżomm ma' l-agreement. Physical Education St Lucija GJL Applikazzjonijiet mhux addattati wara wara sejħa għall-interviews għal Supply Teachers. Qed jittieħdu l-passi possibli biex il-vakanzi jimtlew.
Leg 10 PQ #3667 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior college — Għalliema fil-livell tas-sixth form

Question

Jista’ il-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm postijiet battala ta' għalliema fil-livell tas-Sixth Form fil-junior college? Jista’ jgħid ukoll f'liema suġġetti u kemm ilu kull suġġett mingħajr għalliem?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena akkademika 2003/2004, minħabba li in-numru ta' studenti baqa' jiżdied, il-Junior College kellu jfittex għalliema part-time biex ikopri numru ta' siegħat fil-ġimgħa f'dawn is-suġġetti: Filosofija, Matematika, Ingliż, Soċjoloġija, Bioloġija, Fiżika, Environmental Science u Systems of Knowledge. Ma hemm ebda grupp ta' studenti fl-ebda suġġett illi ma ngħatax lezzjonijiet minħabba nuqqas ta' għalliema.
Leg 10 PQ #3668 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

FTS — Ħlasijiet pendenti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm għandha ħlasijiet pendenti l-Fondazzjoni għall-iskejjel t’għada? Jista’ jgħid ukoll lil min, x’kien ix-xogħol li sar u kemm hu l-ħlas pendenti? Jista’ jgħid liema huma dawk ix-xogħlijiet li diġa` ġew verifikati u li jistgħu jitħallsu minħabba li ġew ċertifikati?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-kontijiet ta' l-FTS huma is-suġġett ta' verifika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u mill-Maġistrat inkwirenti, it-tagħrif mitlub jingħata meta dan ix-xogħol ikun ġie konkluż.
Leg 10 PQ #3657 Sitting 90 2004-01-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bormla — Skola Ġużeppi Despott

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għaliex għadu ma sar xejn biex tiġi rranġata t-triq quddiem il-bieb prinċipali ta’ l-iskola Ġużeppi Despott fejn jinġabar ħafna ilma tax-xita li t-triq kważi jkollha tingħalaq?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3691.

Pulizija — Użu ta' speed cameras

Question

Jista’il-Ministru jgħid kemm huma effettivi l-ispeed cameras li qed jużaw il-pulizija? Saru ċitazzjonijiet mindu ġew introdotti s-sena li għaddiet? Jekk iva, kemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija bdiet tagħmel użu minn l-speed cameras sa minn Mejju 2002. Minn dak iż-żmien sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 374 sewwieq li ngħataw ċitazzjoni wara li ġew irreġistrati fuq l-speed camera li kienu qed isuqu b`veloċita` aktar minn dik permessibli.

Pulizija — Rapporti dwar każi ta' serq

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'kien in-numru totali ta’ serqiet li ġew irrapurtati lill-pulizija fl-2003? Kemm minnhom saru minn djar, kemm ta' vetturi, u kemm minn vetturi?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant diġa` ingħatat xahar b`xahar. Nirreferih għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari li jġibu dawn in-numri: 521, 523, 525, 527, 529, 1509, 1511, 1513, 2547, 2549, 3385 u 3629.

Postijiet ta' divertiment — Żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-2003 kemm kien hemm każi fejn inqabdu żgħażagħ taht is-16–il sena f'postijiet ta' divertiment/bars, eċċ? F'liema lokalitajiet? F'kull każ, ittieħdu passi kontra min imexxi l-post?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 55 persuna taħt is-sittax-il sena li nstabu mill-Pulizija f`postijiet ta` divertiment ġewwa San Ġiljan, Wied il-Għajn u B`Buġia. B`riżultat ta` dan, il-Pulizija bdiet passi quddiem il-Qorti kontra 14-il sid ta` dawn l-istabbilimenti.

Tipjip f'postijiet projbiti — Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm ċitazzjonijiet li nħarġu mill-pulizija u mill-wardens separatament minħabba tipjip f'postijiet li huma mħarsa mil-liġi, bħal ngħidu aħna fl-isptarijiet, trasport pubbliku, eċċ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm erba` persuni li nqabdu mill-Pulizija jpejpu f`postijiet fejn it-tipjip huwa projbit. Għal dak li jirrigwardja d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, ninforma lill-Onor. Interpellant li d-delega ta` l-infurzar tal-liġi kontra t-tipjip f`postijiet li huma imħarsa mill-liġi għadha ma ġietx mgħoddija lill-Gwardjani Lokali.

Bejgħ ta' sigaretti lil żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li jmexxu ħwienet/bars, eċċ, li nqabdu jbiegħu sigaretti lil dawk taħt l-eta` permessa mil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm persuna waħda li nqabdet tbiegħ sigaretti lil persuni taħt l-eta` permessa mill-liġi.
Leg 10 PQ #3651 Sitting 89 2004-01-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għoti ta' fondi lill-awtoritajiet tal-knisja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'inhi s-somma totali li tħallset s'issa lill-awtoritajiet tal-knisja għall-iskejjel tagħha bhala salarji u manutenzjoni separatament mindu sar il-ftehim bejn il-gvern u l-knisja? Jista’ jagħti wkoll il-figuri sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.

Direttorju tal-kodiċi postali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi ppubblikat id-direttorju tal-kodiċi postali ġdid li l-uniku wieħed inħareġ 13–il sena ilu? Ma jaħsibx li dan huwa importanti li jiġi ppubblikat minħabba li l-awtoritajiet tal-posta jesiġu li l-kodiċi postali jitniżżel f'kull indirizz?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi dan il-Ministeru illum il-ġurnata għandu x'jaqsam mar-regolamentazzjoni tas-settur postali u m'għandux ir-responsabbilta` diretta tal-Maltapost. Għal dak li jirrigwarda l-liġi u regolamenti li jittrattaw l-aspett regolatorju, bħalissa ma hemm l-ebda obbligu fuq il-Maltapost sabiex dawn jippubblikaw dan ir-reġistru. Madankollu l-Awtorita` Maltija għal Komunikazzjoni aktar tard din is-sena ser tagħmel eżerċizzju biex tiddetermina f'aktar dettal l-obbligi universali (universal service obligations) tal-Maltapost. Wieħed jistenna li l-kwistjoni tad-direttorju tal-kodiċi postali tiġi studjata flimkien ma' aspetti oħrajn li eventwalment jistgħu jiġu determinati bħala obbligi tal-Maltapost. Għal dak li jirrigwarda l-preżent, din id-domanda għandha tiġi riferuta lill-Ministru responsabbli għall-investimenti u teknoloġija ta' l-informazzjoni.
Leg 10 PQ #3654 Sitting 89 2004-01-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżeriji — Bejgħ illegali ta' sustanzi wżati f'ċertu sport

Question

Jista’ il-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm fl-investigazzjoni li qed issir kif intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 3086 dwar bejgħ illegali minn spiżeriji ta' sustanzi użati f'ċertu sport?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-investigazzjoni li qiegħda ssir f'dawk l-ispiżeriji li jbiegħu dawn it-tip ta' mediċinali għadha għaddejja. Infurmat ukoll li s'iisa ġew referuti erba' kontravenzjonijiet lill-Kummisarju tal-Pulizija biex jinstemgħu quddiem il-Qorti.
Leg 10 PQ #3655 Sitting 89 2004-01-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Tilqim kontra l-influwenza

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' influwenza fl-2003? Kemm kien hemm nies li ngħataw it-tilqim b'xejn kontra din il-marda? Jista’ jgħid kemm kien hemm aktar nies li ngħataw din it-tilqima minn tobba privatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li peress li ħafna mill-każijiet ta' influwenza ma jiġux notifikati, mhux possibbli li jingħata n-numru ta' każi ta' influwenza fil-popolazzjoni ġenerali. Għalhekk, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika waqqaf Influenza Sentnel Surveillance sabiex jiġbor statistika dwar in-numru ta' każijiet ta' influwenza fejn ġie kkonsultat tabib. L-inċidenza ta' l-influwenza varjat matul Ottubru sa Diċembru 2003 - minn 11.21 persuni kull 1,000 persuna li kkonsulta tabib, sa 99.58 kull 1,000 persuna. In-numru ta' ta' nies li ngħataw it-tilqim b'xejn kontra l-influwenza kien ta' 24,900. Ninsab infurmat li ma jinżammx record ta' kemm jingħata tilqim kontra l-influwenza fil-privat.

Bejgħ ta' vetturi second hand

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex obbligatorju li bejjiegħa ta' vetturi second hand juru l-prezz b'mod ċar fuq kull vettura li jkollhom għall-bejgħ fix-showroom tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista’ jara li dan isir u jekk fin-negattiv, jista’ jordna li jibda jsir?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond ir-Regolamenti ta’ l-2002 dwar Prezzijiet Indikati, l-bejjiegħa kollha huma obbligati li jesebbixxu l-prezz li bih il-prodotti jkunu qed jiġu offruti għall-bejgħ. Uffiċjali mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni se jassiguraw li kull min ibiegħ vetturi second hand ikun konxju mill-obbligi li għandu taħt dawn ir-regolamenti u li jaderixxi magħhom.
Leg 10 PQ #3522 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Elettorali — Kunsilliera

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' kunsilliera f'Malta u Għawdex li huma bejn it-18 u l-25 sena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ Kunsillieri f’Malta u Ghawdex li huma bejn it-18 u l-25 sena huwa ta’ 33.
Leg 10 PQ #3619 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel primarji — Kors ġdid bit-titlu "Happy Series"

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu u min kienu dawk l-applikazzjonijiet għall-Avviż Nru. PS 25/03 għal xiri ta' textbooks tal-kors il-ġdid ta' l-Ingliż "Happy Series" għall-iskejjel primarji - sena skolastika 2003/2004? Kemm kienu l-offerti ta' kull wieħed u min ġie magħżul? Jista' jgħid minn meta se jibdew jiġu utilizzati dawn il-kotba u f'liema klassijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija ikun sar pubbliku u imwaħħal fuq in-notice board tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Informat ukoll li l-proċess tax-xiri tal-kotba għadu għaddej. Għalhekk l-ewwel ktieb ta' din is-serje ser jiġi introdott fil-Year 1 ta' l-Iskejjel Primarji Statali f'Settembru 2004.