Jista’ il-Ministru jgħid x' inhu l-massimu u l-minimu li tista’ teħel persuna li tħalli tfal taħt l-eta' jiffrekwentaw postijiet ta' divertiment u/jew dawk il-postijiet bħal bars etc? Jista’ jgħid ukoll jekk il-pieni humiex l-istess fil-każ ta' post li jservi alkoħol lil dawn it-tfal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-pieni msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma dawk stabbiliti fil-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija (Kap. 10) u r-Regolamenti ta` l-1995 dwar iż-Żamma ta` Bon Ordni fl-Lokalitajiet ta` Divertiment.
Postijiet ta' divertiment — Bejgħ ta' alkoħol lil żgħażagħ taħt l-eta'
Question
Jista’ il-Ministru jara li ssir aktar sorveljanza mill-pulizija f' lokalitajiet fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ? Jaf li minkejja twissijiet mis-segretarju parlamentari fil-ministeru tal-finanzi, l-Onor.Vassallo, xorta hemm rapporti ta' bejgħ ta' flixken tax-xorb magħluqa lil tfal taħt l-eta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet u ser tibqa` tagħmel sorveljanza sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm abbużi kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista’ il-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet biex xi darba jiġu ntrodotti regolamenti aktar ħorox dwar il-bejgħ ta' flixken ta' alkoħol u l-bejgħ ta' alkoħol fi grokkijiet lil tfal taħt l-eta'?
Response (BORG, TONIO)
It-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3091, għadha tgħodd.
Jista’ il-Ministru jindaga dwar x’qed iżomm milli tittieħed deċiżjoni minn dawk konċernati biex jitneħħa l-periklu mit-toroq ta’ ħdejn l-iskola li minħabba fih l-istudenti ta’ l-iskola Antonio Bosio tal-Gżira qed ikollhom jiffaċċjaw meta jirkbu l-privates fil-ħin ta’ wara nofsinhar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi qiegħdha tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni informa lill-Kunsill tal-Lokal dwar is-sitwazzjoni. Il-Kunsill intalab iwaħħal it-tabelli neċessarji biex il-parking space biswit l-iskola jiġi riservat għall-coaches fil-ħinijiet tal-ħruġ ta’ l-istudenti ta’ l-iskola sekondarja.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm prodotti li mill- 1 ta' Jannar 2004 għolew? Jaf li affarijiet bħal minerali, imbejjed u toiletries għolew 5% oħra minbarra it-3% zieda?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3900, Seduta 93.
Dipartiment tal-kummerċ — Prodotti li jkollhom żieda fil-prezzijiet
Question
Jista’ il-Ministru jgħid meta jogħlew xi oġġetti, specjalment lokalment, id-dipartiment tal-kummerc jiġi mgħarraf? X' kontrolli għandu d-dipartiment biex jiġi żgurat li ż-żiediet huma ġustifikati?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema ta’ price control kif kienet titħaddem meta s-suq ma kienx liberizzat m’ghadhiex tgħodd ghaż-żminijiet tal-lum.
Id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni isegwi l-prezzijiet fis-suq biex kemm jista’ jkun jassigura li l-prezzijiet ikunu dawk ġusti u mhux riżultat ta’ xi ftehim bħal kartell jew abbuż ta’ dominanza.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-talba tal-Malta football association dwar eżenzjoni mill-VAT ma ġietx aċċettata?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-attivitajiet li jsiru u s-servizzi mogħtija mill-Malta Football Association, bħal dħul fil-grounds tal-football, faċilitajiet tal-gym u l-kiri ta’ ċentru ta’ konferenzi huma suġġetti għat-taxxa skond il-liġi tal-VAT. Dan japplika għal kull entita’ li tagħti jew toffri servizzi simili.
Jista’ il-Ministru jgħid fis-sena skolastika 2002/2003 kemm-il ġenitur ittellgħu l-qorti talli t-tfal tagħhom ma attendewx l-iskola u ma kellhomx raġuni ġustifikata? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu subien u kemm bniet? Kemm kienu mill-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja u indipendenti separatament? Mill-liema lokalitajiet kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li it-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' assenzi mhux ġustifikati fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti separatament wara l-ewwel term ta' din is-sena skolastika? Jista’ jelenka dawk l-iskejjel li għamlu dawn ir-rapporti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li in-numru ta' rapporti ta' assenzi mhux ġustifikati minn skejjel statali fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kien ta 3506. M'hemmx informazzjoni għall-iskejjel l-oħra.
Skejjel — Studenti li ħarġu qabel l-eta' ta' 16-il sena
Question
Jista’ il-Ministru jgħid fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kemm kien hemm talbiet minn studenti biex jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16-il sena? Kemm kien subien u kemm bniet u kemm kienu mill-iskejjel ta' l-Istat, mill-iskejjel tal-Knisja u mill-iskejjel indipendenti? X' kienu r-raġunijiet prinċipali għal dawn it-talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li in-numru ta' studenti li talbu biex jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16-il sena fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika hu kif jidher hawn taħt:
Sena Skolastika Skejjel ta' l-Istat Skejjel tal-Knisja Skejjel Indipendenti
2003 - 2004
L-Ewwel Term
Subien 18 1 NIL
Bniet 15 1 NIL
Ir-raġuni prinċipali għal dawn it-talbiet hi is-sejbien ta' impieg. F'każijiet rari jkun hemm talbiet għal raġunijiet umanitarji.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3612 u cioe' kemm kien il-vot kapitali li kellha l-Universita' f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm intnefqu minn dawn il-voti, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-Voti Kapitali approvati lill-Universita' ta' Malta fis-snin 1999 sa 2003 u l-ammonti minfuqa fis-snin rispettivi huwa kif ġej:
Sena Ammont approvat fl-estimi Ammont minfuq
1999 2,753,000 2,833,000
2000 2,095,000 2,045,000
2001 800,000 799,978
2002 800,000 800,023
2003 800,000 755,000
Totali 7,248,000 7,233,001
Ta' min jinnota li fis-snin 1999/2000 l-Universita' ta' Malta kienet ibbenefikat minn fondi mir-raba' Protokoll Taljan għall-ammonti ta' LM 1,953,000 għas-sena 1999 u LM 1,295,000 għas-sena 2000.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3611 li ġiet riferuta lilu mill-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dik il-parti tal-Palazz Vilhena fl-Imdina magħrufa bħala l-'Mdina Dungeons' ġiet mikrija lill-MDE Limited għal 16-il sena b`effett mid-29 ta` Mejju 1991 bil-kera ta` Lm6,255.00 fis-sena. Skond il-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-kirja, l-kera kellha tiżdied wara l-ewwel 8 snin skond indiċi tal-għoli tal-ħajja u għalhekk b`effett mid-29 ta` Mejju 1999 l-kera żdiedet għal Lm7,922.00 fis-sena.
Il-kirja ġiet imġedda għal 16-il sena oħra b`effett mit-8 ta` April 2003 taħt l-istess kundizzjonijiet imma bil-kera ta` Lm8,700.00 fis-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid x' kien l-ammont globali li l-gvern daħħal mill-VAT fis-sena finanazjarja 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant li d-dħul mill-VAT fis-sena 2003 kien kif jidher hawn taħt:
Dħul gross
LM 147, 040,462
Refunds
LM 23,130,429
Dħul nett
LM 123,910,033
Jikkonferma l-Ministru li ikel bħal ħobż multi grain u ħalib magħmul mis-soya huma soġġetti għal ħlas ta' 18% VAT? Jekk iva, dawn mhux ikkonsidrati bħala ikel tajbin għas-saħħa li kemm-il darba jiġu rakkomandati mit-tabib? Jekk fin-negattiv, jista’ jgħid għaliex dawn l-affarijiet għolew mill-1 ta’ Jannar 2004?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħobż multi grain huwa eżenti bi kreditu, jiġifieri m’hemmx VAT fuqu. Il-ħalib magħmul mis-soya bean huwa suġġett għall-VAT bir-rata standard u dan ilu hekk minn mindu daħlet il-VAT.
L-Onorevoli Membru japprezza wkoll li l-prodotti ma jkunux kunsidrati tajbin għas-saħħa u rakkomandati mit-tabib fuq il-bażi jekk humiex suġġetti għat-taxxa jew le imma fuq kriterji oħra.
Fir-rigward tal-prezzijiet, dawn kellhom ikunu aġġustati biss biex jirriflettu iż-żieda fir-rata tal-VAT fejn meħtieġ.
Fl-2003 kemm il-persuna/organizzazzjoni eċċ nqabdet li ma ħarġitx ircevuta fiskali jew li ma żammitx mal-liġi tal-VAT? Dawn kollha ttellgħu l-qorti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2003, ġew rappurtati 401 persuna jew organizzazzjoni li wara li saritilhom spezzjoni mid-Dipartiment instab li kienu naqsu li jagħtu riċevuta fiskali jew ma kienux qed josservaw il-liġi tal-VAT.
Fl-istess sena 2003, Taqsima Legali tad-Dipartiment ħadet passi kontra persuni li matul is-sena ta’ qabel kienu rappurtati li naqsu li josservaw il-liġi, kif ġej:
2,108 tressqu l-Qorti għax ma bagħtux id-denunzja tat-taxxa.
689 tressqu l-Qorti għax ma tawx riċevuta fiskali jew għax ma żammewx rendikont ta’ kuljum (journal) kif titlob il-liġi.
49 tressqu l-Qorti fuq akkuża ta’ misapproprijazzjoni.
205 aċċettaw li jħallsu multa ta’ kompromess biex jevitaw prosekuzzjoni fil-Qorti.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il persuna/organizzazzjoni eċċ ġiet imħarrka għaliex matul l-2003 m'għaddietx il-flus li ġabret mill-VAT lid-dipartiment? X' kien l-ammont ta' flus involut?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ taxpayers li ġew mħarrka ċivilment matul l-2003 għax m’għaddewx flus li ġabru mill-VAT lid-Dipartiment kien ta’ 216 għal taxxa totali dovuta ta’ Lm2,017,521.
Inżid ngħid li matul l-istess sena 2003, nġabret is-somma ta’ Lm2,064,281 bi proċeduri ċivili li wħud minnhom inbdew mis-sena ta’ qabel.
Tal-Qroqq — Pixxina nazzjonali - għawwiema tal-ASA
Question
Jikkonferma l-Ministru li hemm uħud mill-għawwiema tal-ASA li m'għadhomx jitħarrġu fil-Pixxina Nazzjonali u se jmorru jitharrġu bi ħlas f'pool privata? Jikkonferma li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba xi problemi dwar il-mod li kienet qed tissaħħan il-Pixxina f' Tal-Qroqq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant bħalissa qiegħed isir xogħol fuq il-pool il-kbir tal-pixxina nazzjonali.
Dan ix-xogħol mistenni li jitlesta sa l-aħħar ta’ Frar.
Irrid inżid ukoll li dan ix-xogħol sar wara ftehim milħuq bejn l-amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Isport u l-A.S.A.
Inżid ukoll li diving pool qiegħda tissaħħan skond l-istess ftehim u għawwiema jistgħu jagħmlu t-taħriġ normali tagħhom fiha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu flus f' pagi fil-Pixxina Nazzjonali f' Tal-Qroqq fl-2003? Kemm inħareġ f'sahra, allowances, etc lill-impjegati? X' kien l-ammont globali li tħallas liċ-chairman u lill-membri tal-bord? Jista’ jgħid jekk hemmx xi percacci ohra? Jekk iva, fiex kienu jikkonsistu dawn il-percacci?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li n-nefqa totali f'pagi fl-2003 kienet ta' Lm 82,942. Minn dawn kien hemm l-ammont ta' Lm4,449 li tħallas f'sahra eċċ. L-ammont globali li tħallas liċ-chairman u lill-membri tal-bord kien ta' Lm 13,525. Ma dawn hemm ukoll performance bonus li jingħata liċ-chairman li għadu ma ġiex kwantifikat. Iċ-Chairman għandu s-servizz ta' telefon ċellulari.
Jista’ il-Ministru jgħid, minbarra l-impjegati tal-Pixxina Nazzjonali, hemm xi ħaddiema konnessi mal-pixxina li huma sekondati minn xi xipartiment tal-gvern? Kemm hemm? X' inhu x-xogħol tagħhom? Kemm ilhom jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-preżent hemm sitt ħaddiema fil-plant room u erba' watchmen detailed mal-Kunsill Malti għall-Isport li qed jagħmlu xogħol fil-Pixxina Nazzjonali. Il-ħaddiema fil-plant room ilhom jagħmlu dan ix-xogħol mill-1993. Mill-watchmen, wieħed ilu l-Pixxina mill-1993, wieħed mill-1998 u tnejn mill-2001.
Żewġ ħaddiema oħra li ġew mibgħuta, wieħed mill-IPSE u l-ieħor mill-MIMCOL, qed jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni u ilhom minn Dicembru u Novembru 2003 rispettivament.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm inqabdu nies ipejjpu f' postijiet ipprojbiti u dan fl-2003? Jista’ jelenka kemm-il persuna tressqet il-qorti u f'liema postijiet inqabdu jpejjpu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra, kien hemm erba` persuni li nqabdu u tressqu l-Qorti mill-Pulizija talli pejpu f`post fejn it-tipjip huwa projbit. Tlieta kienu qed ipejpu fl-isptar San Luqa u l-persuna l-oħra kienet qed tpejjep fil-Qorti.