Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma — Kontijiet pendenti - kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji/għaqdiet, eċċ.,. li ma ħallsux il-kontijiet lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fis-sena 2003 u s-snin ta' qabel? X'inhu l-ammont dovut? Liema huma dawk li l-aktar għandhom jagħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
L-ammont dovut lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għal konsum ta' ilma minn entitajiet kummerċjali fil-31 ta' Diċembru 2003 kien hekk -
Hotels Lm 492,582
Industrijali Lm 310,741
Kummerċjali Lm 495,706
Farms Lm 80,646
Apparti dawn, jista jkun hemm xi kontijiet ta' każi ta' casa bottega u oħrajn li huma kkunsidrati bħala konsum domestiku u allura mhux inklużi fiċ-ċifri ta' hawn fuq.
Prattikament kull negozju jew entita' kummerċjali jkollha bilanċ pendenti mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dan jiġri għaliex jkun hemm moviment fil-kontijiet billi kontinwament joħorġu l-kontijiet lill-konsumaturi u kontinwament isiru ħlasijiet.
Fir-rigward ta' min huma dawk li l-aktar għandhom jagħtu, din hija nformazzjoni kunfidenzjali.
Kunsill Malti għall-isport — Użu ta' sustanzi illegali waqt l-isport
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3653, jista’ il-Ministru jgħid jekk il-kunsill Malti għall-isport ingħatax parir legali dwar dak li ġie allegat mill-għaqda tal-bodybuilding dwar l-użu ta' sustanzi illegali fl-isport?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi skond il-konsulent legali tal-Kunsill Malti għall-Isport, riferenza għall-każ imsemmi il-parir legali huwa :-
1. Il-mediċini indikati fir-rapport ma humiex inklużi taħt ir-regolamentazzjoni ta' l-Ordinanza ta' Mediċini Perikolużi.
2. L-Att dwar l-Isports, sallum għadu ma jirregolax l-użu ta' sustanzi mediċinali fl-isports, pero' l-Att jagħti lok għal leġislazzjoni sussidjarja li tista' tiġi annessa mal-liġi minn żmien għall-żmien. Dan il-proċess beda permezz ta' Bord imwaqqaf mill-Ministeru f'Novembru 2003.
Jista’ l-Ministru jirrispondi mistoqsija numru 3652 li oriġinarjament saret lill Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u cioe' jgħid meta se jiġi ppubblikat id-direttorju tal-kodiċi postali ġdid li l-uniku wieħed inħareġ 13–il sena ilu? Ma jaħsibx li dan huwa importanti li jiġi ppubblikat minħabba li l-awtoritajiet tal-posta jesiġu li l-kodiċi postali jitniżżel f'kull indirizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li direttorju ġdid tal-Kodiċi Postali hu ppjanat li jinħareġ meta jintemm il-proċess tar-riforma fit-tqassim, li qed isir propju bħalissa.
Naqbel ma' l-Onorevoli Interpellant li l-użu tal-Kodiċi Postali huwa mportanti għall-effiċjenza tas-servizz postali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Liġi ta’ l-Edukazzjoni u/jew il-Kurrikulu Nazzjonali jobbligax lill-iskejjel kollha, inkluż dawk tal-Knisja u Indipendenti li jkollhom Kunsilli Skolastiċi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk fil-fatt dawn kollha għandhomx kunsill skolastiku?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-liġi ta' l-Edukazzjoni ta' l-1988 tobbliga lill-iskejjel skedati li jkollhom Kunsill Skolastiku.
L-iskejjel li m'għandhomx Kunsill Skolastiku huma:
Primarja 'A' Fgura
San Ġużepp Ħaddiem, Marsa.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-Presidenti tal-Kunsilli Skolastiċi ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat? Jista' jgħid kemm hemm min ilu jokkupa din il-kariga għal mill-anqas 5 snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba huma obbligati li jiltaqgħu l-kumitati tal-kunsilli skolastici? Issir verifika jekk fil-fatt dan hux isir? Hemm kunsilli skolastiċi li mhux qed joqogħdu mar-regolamenti dwar laqgħat? Jekk iva, liema u x'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-liġi ta' l-Edukazzjoni, il-Kunsilli Skolastiċi għandhom jiltaqgħu darba fix-xahar (dejjem jekk ikun hemm quorum) u jżommu l-minuti tad-diskussjonijiet tagħhom. Il-liġi tobbligahom ukoll li darba fis-sena jridu jissottomettu rapport finanzjarju u rapport amministrattiv fejn jelenkaw l-attivitajiet tagħhom. Dawn ir-rapporti qegħdin jintbagħtu mill-Kunsilli Skolastiċi bħalissa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux regolamenti dwar kemm għandu jkun hemm studenti meta għalliem jagħti l-privat? Jaf il-Ministru li skond ilmenti li rċevejt qed ikun hemm klassijiet ta' aktar minn ħmistax-il ruħ f'garaxxijiet u fi djar privati?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa l-Att ta' l-Edukazzjoni ta' l-1998 ma jirregolax l-għoti ta' 'privat' minn għalliema. Iżda fost il-proposti li qed jiġu konsidrati fl-abbozzar ta' emendi jew liġi ġdida ta' l-edukazzjoni hemm dawk li jirregolaw id-diversi aspetti ta' l-għoti ta' lezzjonijiet privati.
Residenzi li kellhom t-telefon maqtugħ — Ħlasijiet ta' kontijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-2003 kemm kien hemm residenzi li kellhom it-telefon tagħhom maqtugħ għaliex ma thallsux il-kontijiet? Jista' jgħid kemm kien hemm ħlasijiet dovuti lill-Maltacom minn familji li ma ħallsux il-kontijiet tat-telefon tar-residenzi tagħhom fl-2003 u s-snin ta' qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall- P.Q. 1130.
Kumpaniji/għaqdiet li ma ħallsux l-kontijiet tat-telefon
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji/għaqdiet li ma ħallsux il-kontijiet tagħhom tat-telefon fl-2003? Kien hemm min ma baqax jingħata s-servizz? Kemm huwa l-ammont totali ta' ħlasijiet li għandhom jagħtu dawn il-kumpanniji/organizzazzjonijiet għall-2003 u s-snin ta' qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-P.Q. 1130.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa dovut lill-Enemalta għall-ħlasijiet ta' kontijiet minn djar privati li ma tħallsux fl-2003 u fis-snin ta' qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Fl-aħħar ta' Diċembru 2003 il-kontijiet pendenti domestiċi u postijiet kummerċjali żgħar kienu hekk -
Malta Lm 11,885,273
Għawdex Lm 778,292
Total Lm 12,663,565
Minn dawn l-ammonti -
Lm6,472,538 kienu kontijiet li kienu għadhom kif ħarġu u l-perjodu tal-Kreditu kien għadu m'għaddiex,
Lm1,124,894 kienu kontijiet pendenti ta' bejn 3 u 6 xhur,
Lm1,026,800 kienu kontijiet pendenti ta' bejn 6 u 9 xhur
Lm662,247 kienu kontijiet pendenti ta' bejn 9 u 12-il xahar
Lm3,377,086 kienu kontijiet ta' aktar minn sena.
In-numru ta' 'Accounts' f'dawn is-setturi ilaħħaq mal-230,000 -
190,000 domestiċi - (djar, garaxxijiet domestiċi)
40,000 kummerċjali żgħar - (ħwienet, uffiċini, garaxxijiet etc)
L-ammonti huma biss tal-konsumaturi ta' l-elettriku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa dovut lill-Enemalta minn kumpaniji/għaqdiet, eċċ., li ma ħallsux il-kontijiet fl-2003 u s-snin ta' qabel? Jista' jelenka l-kumpaniji/għaqdiet, eċċ, li l-aktar għandhom jagħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
Fl-aħħar ta' Diċembru 2003 il-kontijiet pendenti f'dawn is-setturi (hotels, fabbriki, ażjendi kummerċjali kbar, sptarijiet, dipartimenti tal-Gvern u Farms, kien ta' LM17,763,663.
Minn dan l-ammont -
LM8,258,577 huma kontijiet kurrenti li l-perjodu tal-Kreditu għadu ma għaddiex,
LM3,450,010 huma kontijiet li ilhom pendenti bejn 3 u 6 xhur,
LM717,109 huma kontijiet li ilhom pendenti bejn 6 u 9 xhur,
LM1,022,403 huma kontijiet li ilhom pendenti bejn 9 u 12-il xahar,
LM4,315,564 huma kontijiet li ilhom pendenti aktar minn sena.
Fl-aħħar ammont hemm id-djun tat-Tarznari, għalhekk huwa għoli ħafna
Korporazzjoni ħas-servizzi ta' l-ilma — Nuqqas ta' ħlasijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha tieħu l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma minn djar privati minħabba n-nuqqas ta' ħlasijiet ta' kontijiet ta’ l-ilma fl-2003 u s-snin ta' qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kontinwament toħroġ kontijiet u kontinwament iddaħħal ħlasijiet. Għaldaqstant iċ-ċifri li ntalbu mill-Onorevoli Interpellant ma jeżistux għal xi sena jew oħra, iżda jistgħu jingħataw għal ġurnata partikulari.
L-ammonti li kienu dovuti fil-31 ta' Diċembru ta' l-aħħar tliet snin lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għall-konsum ta' ilma fi djar privati kien hekk -
Malta Għawdex Total
Lm Lm Lm
2001 4,494,500 111,711 4,606,211
2002 5,303,981 115,635 5,419,616
2003 4,494,719 85,646 4,580,365
Jista’ il-Ministru jara jekk hux minnu jew le li fl-Universita` ta’ Malta qed ikun hemm eżamijiet li qed ikunu fl-istess ħin ta’ lectures ta’ suġġetti oħra anke dawk magħrufa bħala sekondarji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ebda suġġett m'hu meqjus jew magħruf bħala sekondarju u l-ebda student ma jista' jkun obbligat joqgħod għal eżami meta fl-istess ħin hu obbligat jattendi lecture.
Skond il-kalendarju għas-sena akkademika 2003/2004 kif approvat mis-Senat, il-lectures waqfu fis-16 ta' Jannar u l-eżamijiet ġew ipprogrammati li jsiru bejn 19 ta' Jannar u 7 ta' Frar.
Meta f'każijiet rari u eċċezzjonali jkun hemm il-ħtieġa li jsiru xi lectures fiż-żmien ta' l-eżamijiet dawn isiru wara li jkun assigurat li l-istudenti ma jkollhomx eżami fil-ħin tal-lecture.
Jum il-Ħelsien — Attivitajiet f'għeluq il-25 sena anniversarju
Question
Minħabba li din is-sena jaħbat il-25 sena anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien li taħbat waħda mill-ħames festi pubbliċi ta’ pajjiżna, jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xi attivitajiet speċjali minħabba dan l-anniversarju kif isir normalment u kif sar f'okkażjonijiet oħra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid mid-Lm29 miljun li matul din is-sena se tagħti Malta lill-Unjoni Ewropea, kemm minnhom se jmorru ghall-aġenziji ta’ l-abort jew li jiffavorixxi l-abort f’pajjizi li għadhom mhux żviluppati, jigifieri developing countries?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Malti m'għandu l-ebda informazzjoni li fondi ta' l-Unjoni Ewropea jingħataw lill-aġenziji ta' l-abort jew li jiffavorixxu l-abort. B'mod ġenerali, il-kontribuzzjonijiet ta' kull pajjiż membru jintużaw biex jiffinanzjaw il-budget ta' l-Unjoni globalment u mhux għal xi għan partikolari.
Barijiet u postijiet oħra ta' divertiment — Tfal taħt is-sittax-il sena
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm instabu tfal taħt l-eta' ta' sittax-il sena meta membri tal-pulizija pajżana għamlu tfittxijiet f'diversi barijiet u postijiet oħra ta' divertiment f'Paceville fi tmiem il-ġimgħa tas-17/18 ta' dan ix-xahar? F'kemm-il post marru? Jista' jgħid jekk il-pulizija ħadux passi kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet? Kien hemm sidien li kienu riċedivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar is-Sibt 17 ta` Jannar 2004, waqt li membri tal-Pulizija ta` l-Iskwadra ta` kontra d-Droga, kienu qed jagħmlu xogħol relatat mad-droga ġewwa Paceville, osservaw xi żgħażagħ li kienu jidhru li kienu taħt is-sittax-il sena ġewwa post ta` divertiment. Għalhekk huma proċedew bi spezzjoni ġewwa dan il-post, fejn irriżulta li kien hemm 4 żgħażagħ taħt is-sittax-il sena. B`riżultat ta` dan ser jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti kontra s-sid ta` dan l-istabbiliment. Infurmat ukoll illi sid dan il-ħanut kien diġa` nstab ħati ta` dan ir-reat.
B'referenza għall-mistoqsija numru 3650, jista' l-Ministru jwieġeb dik il-parti li tistaqsi jekk l-Istat ikunx jaf kemm mill-flus imorru f'kull skola partikolari u jekk fl-affermattiv jagħti breakdown ta' kemm ħadet kull skola fis-sena skolastika 2002/03?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva il-Gvern jiġi informat. Tagħrif dwar skola skola ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija numru 3649, jista' jgħid jekk il-gvern jagħtix somma separata għall-manutenzjoni jew jekk il-ħlas isirx b’mod globali? Kif jiġi stmat dak li jkun imiss għall-manutenzjoni? L-iskejjel tal-Knisja jagħmlu talbiet separati għal dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Mill-ammont ċitat fit-tweġiba, Lm296,967 jingħataw għal spejjeż ġenerali.
Skejjel — Studenti li ħarġu qabel l-eta' ta' 16-il sena
Question
Jista’ il-Ministru jgħid fis-sena skolastika 2002/2003 kemm kien hemm subien u bniet separatament li talbu li jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16-il sena? Jista’ jagħti l-figuri term b' term? Mil-liema lokalitajiet kienu? Kemm kienu mill-iskejjel ta' l-Istat, mill-iskejjel tal-knisja u mill-iskejjel indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li talbu permess jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16 il-sena fis-sena skolastika 2002/2003 hu ta' 389 li 74 minnhom ġejjin mill-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti. 189 studenti huma bniet. Informat li a' bażi ta' lokalita' in-numru ivarja minn student għal tnejn f'kull lokalita'.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' tehid ta' drogi u /jew ta' suspett ta' tehid ta' droga fl-iskejjel Maltin u Għawdxin fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika? Jekk fl-affermattiv, kienu mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja jew dawk indipendenti? X' passi ttieħdu f' kull każ? Kemm minn dawk rappurtati kienu subien u kemm kienu bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 82 rapport ta' teħid jew suspetti ta' teħid ta' droga fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika. F'dawn il-każijiet saret ħidma mis-Substance Abuse Policy Team fi ħdan is-Safe Schools Programme. Dan huwa Unit fi ħdan it-Taqsima ta' Student Services fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dawn ir-rapporti kollha issa qed jiġu mmexxija b'koordinament ma' l-amministrazzjoni ta' l-iskola flimkien mal-Guidance and Counselling Unit. Fi tlett każi qed issir ħidma koordinata li tinvolvi wkoll lill-aġenzija Sedqa, l-aġenzija Appoġġ u it-Taqsima kontra d-Droga tal-Pulizija. Fi 23 każ, il-ħidma involviet lil Sedqa u lill-Pulizija biss, waqt li fi 13-il każ ġiet involuta Sedqa iżda mhux il-Pulizija.
Minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalita' l-informazzjoni ma tistax tingħata għal kull każ, iżda b'mod ġenerali.
Skejjel Statali - 68 Subien - 59 Ħidma minn Sedqa - 39
Knisja - 4 Bniet - 23 Pulizija - 26
Indipendenti - 10 Appoġġ - 3
Total - 82 Total - 82