Studenti li jbatu minn dyslexia — Eżamijiet tas-SEC u MATSEC
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fl-eżamijiet tas-SEC u MATSEC dawk it-tfal li jbatu mid-dyslexia jekk jingħatawx xi għajnuna meta jkunu qed jagħmlu dawn l-eżamijiet jekk jipproduċu ċertifikat relattiv?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawk it-tfal li jkunu ċertifikati minn psikologu li qed ibatu mid-dyslexia jingħataw għajnuna fl-eżamijiet tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola wara li t-talba tagħhom titqies mill-Kumitat għal Studenti bi Bżonnijiet Speċjali. Huma jistgħu jingħataw ħin żejjed waqt l-eżami, l-ortografija ma tkunx ippenalizzata f'eżamijiet li m'humiex tal-lingwi, u jingħataw reader skond il-gravita' tal-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa huwiex sodisfatt li l-ikel u xorb mibjugħ lill-istudenti fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex huwa ta' kwalita` u ta' benefiċċju għalihom? X' inhu jagħmel id-Dipartiment biex jara x’qed isir mit-tuckshops, canteens, eċċ., ta’ l-iskejjel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-oġġetti li jistgħu jiġu offruti għal bejgħ minn tuckshops/canteens, m'humiex ikkontrollati minn dan id-Dipartiment.
L-ispezzjonijiet ġo tuckshop/canteen ta' skejjel ta' l-istat, skejjel oħra indipendenti jew tal-Knisja, isiru minn uffiċjali tas-Saħħa Pubblika matul is-sena skolastika. Dan skond lista uffiċjali ta' skejjel li għandhom tuckshop/canteen li tingħata mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.
L-ispezzjonijiet minn Spetturi tas-Saħħa isiru biex jiġi aċċertat li tali tuckshops/canteens qiegħdin joperaw skond il-Liġijiet Sanitarji, dan bil-poteri mgħotija skond l-Education Act. Nuqqasijiet osservati waqt l-ispezzjoni jiġu referuti lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni kif titlob l-istess Liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid, issa li fl-1 ta' Mejju Malta ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea u allura se jispiċċaw il-ħwienet duty free fil-portijiet/ajruportijiet għal dawk iċ-ċittadini Ewropej li jivvjaġġaw minn pajjiż membru għal ieħor, il-kwantita’ ta' prodotti li jinxtraw minn ċittadini Maltin minn pajjiż membru ieħor hux se jkun bla limitu sakemm dan ikun għall-użu personali tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant mill-1 ta' Mejju li ġej skond il-leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropeja biex prodotti li huma suġġetti għad-dazju tas-Sisa mixtrija minn-ċittadini Ewropej u allura Maltin ukoll li jinġiebu Malta jkunu kunsidrati għall-użu personali sakemm ma jaqbsux dawn il-limiti li ġejjin:
a) Prodotti tat-tabakk
Ammont
Sigaretti
800
Sigarillos (sigarri li ma jiżnux aktar minn 3g il-wieħed)
400
Sigarri
200
Tabakk ieħor
1 kg
b) Xorb alkoħ
oliku
Spirti
10 litri
Prodotti Intermediati
20 litri
Imbejjed (inkluż massimu ta’ 60 litru ta’ mbid effervexxenti)
90 litri
Birra
110 litri
Jekk il-kwantitajiet jaqbżu dawn il-limiti jkunu kkunsidrati ta' natura kummerċjali w suġġetti għad-dazju tas-sisa.
Jista’ l-Ministru jgħid, issa li Malta ser ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropeja fl-1 ta' Mejju, jekk il-Maltin hux se jkunu jistgħu jilagħbu lotteriji ta' pajjiżi membri oħra? Jekk fl-affermattiv, dawn jistgħu jinbiegħu b'mod apert? Jekk le, għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bis-saħħa ta’ l-Att, logħba li ma tkunx logħba awtoriżżata, jew li ma tkunx awtoriżżata biex issir taħt xi liġi f’Malta tkun projbita li tintlagħab minn xi persuna f’Malta. Dan jgħodd ukoll għal kull logħba offruta direttament jew indirettament minn barra ‘l pajjiż jew minn ġo Malta lil persuni f’Malta permezz ta’ xi mezz ta’ komunikazzjoni fil-bogħod.
Minbarra hekk, hu pprojbit li tiġi operata, promossa jew mibjugħa minn xi persuna f’Malta kull logħba li ma tkunx logħba awtoriżżata jew li ma tkunx awtoriżżata biex issir taħt xi liġi f’Malta jew li ma tkunx logħba li tkun operata minn detentur ta’ permess mogħti taħt il-provvedimenti tal-Att.
L-Unjoni Ewropea sa issa addottat il-prinċipju ta’ sussidjarjeta f’dak li għandu x’jaqsam ma logħob. Għaldaqstant sakemm din il-pożizzjoni ma tiġix mibdula minn xi direttiva fil-futur jew l-Att ikun kontestat b’eżitu pożittiv, il-provvedimenti tal-Att ma jmorrux kontra il-liġi tal-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li fl-2003 sar logħob klandestin specjalment fuq il-lottu f' Malta u Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment ma għandu l-ebda mekkaniżmu biex bih isir jaf kemm isir logħob klandestin fuq lottu u fuq logħob ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid, issa li thabbar ufficjalment li l-lottu gie privatizzat, Jista’ jgħid jekk u kif l-għadqiet sportivi u għaqdiet ohra li kienu jibbenefikaw mil-lottu, dawn ser jibqgħu jibbenefikaw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Att Nru XXIV ta’ 2001 dwar Lotteriji u Logħob ieħor, Taqsima X paragrafu 7, ser jinżamm “fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-kawżi ġusti” li minnu għandhom jitħallsu mill-Ministru, mingħajr ebda approprjazzjoni ulterjuri li ma tkunx dan l-Att, lil dawk il-persuni, organizzazzjonijiet, korpi jew entitajiet oħra li jkollhom skopijiet ta’ xorta reliġjuza, filantropika, kulturali, sportiva, edukattiva, soċjali jew ċivika jew b’appoġġ ta’ kawżi oħra meritevoli, u f’dawk l-ammonti, b’dak il-mod u f’kull waqt, kif jista’ jiġi stabbilit mill-Ministru minn żmien għal żmien wara konsultazzjoni ma’ Bord ta’ Konsulenza maħtur minnu għal dak il-għan.
Studenti minn Skejjel tal-Knisja — Assenti mil iskola
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti mill-iskejjel tal-Knisja li fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika ma attendewx l-skola u ma ppreżentawx ċertifikat mediku jew taw raġuni valida ta’ l-assenza tagħhom? Mil-liema lokalitajiet kienu? Ittiehdu xi passi kontra l-ġenituri?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 4544.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm dentisti li matul is-sena skolastika jżuru t-tfal fl-iskola għat-testijiet fuq is-snien? Fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika f'liema skejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk privati marru? Kemm kien hemm tfal li ġew invistati f'kull skola? Jista’ jagħti l-figuri separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ewwel term ta’ din is-sena skolastika dsatax-il dentist (li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa u fl-School Dental Clinic) ġew allokati sabiex iżuru lit-tfal fl-iskejjel. Kull wieħed minn dawn id-dentisti jmur fl-iskejjel darba fil-ġimgħa sakemm ma jkunx hemm bżonnu fiċ-ċentri tas-saħħa jew fi kliniċi oħra. Barra minn hekk sitt dental hygienists jagħtu taħdidiet dwar il-kura tas-snien, dieta u iġjene tal-ħalq lit-tfal fl-iskejjel kif ukoll lill-għalliema u lill-ġenituri.
Minn Ottubru sa Diċembru 2003 id-dentisti żaru dawn l-iskejjel:
L-iskejjel Primarji u/jew kindergartens ta' l-istat ta' l-Imsida, il-Mosta, ir-Rabat, l-Imtarfa, Ħad Dingli, B'Kara, Raħal Ġdid, Bormla, l-Imġarr u l-Kalkara f'Malta u il-Qala, Xewkija, Xagħra u Żebbug f'Għawdex.
L-iskejjel sekondarji ta' l-istat Antonio Bosio u Sir Luigi Preziosi.
L-iskejjel speċjali ta' San Miguel u Guardian Angel.
L-iskejjel tal-Knisja Stella Maris f'Ħal-Balzan, St Patrick's f'tas-Sliema u St Francis f'Victoria, Għawdex.
L-iskejjel privati Orca Kindergarten, Chiswick House School u Fleurette Kindergarten.
Xi dentisti bdew jinvistaw tfal f'xi skejjel oħra f'Diċembru imma ma laħqux raw it-tfal kollha. Rapport dwar dawn l-iskejjel jasal ladarba it-tfal kollha fl-iskola jiġu eżaminati. Huwa ppjanat li d-dentisti jżuru l-iskejjel kindergaten, primarji u sekondarji ta' l-istat, tal-Knisja u dawk privati kollha sa l-aħħar tas-sena skolastika.
B'kollox ġew eżaminati 4478 tifel u tifla li minnhom 1498 kellhom bżonn kura fiċ-ċentri tas-saħħa jew fl-iSchool Dental Clinic, l-Furjana. In-numru ta' tfal li ġew eżaminati bejn Ottubru u Diċembru 2003 f'kull skola huwa indikat f'tabella li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm għalliema ta' nazzjonalita` barranija li qed jgħallmu fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk privati separatament? Jista’ jgħid ta' liema nazzjonalita` huma? X'inhu s-suġġett li qed jgħallmu u f’liema skola qed jgħallmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 4549.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk l-għalliema barranin li qed jgħallmu fl-iskejjel f'Malta u Għawdex għandhom permess għaliex miżżewġin Maltin? Hemm min għandu permess jgħallem iżda mhux miżżeweġ lil Malti jew Maltija? X'inhuma jgħallmu dawn ta’ l-aħħar?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li, fl-iskejjel ta' l-Istat preżentament, hemm żewġ Supply Teachers barranin li huma miżżewġin Maltin u li qed jgħallmu fl-iskejjel ta' l-Istat. Qed inpoġġi tagħrif ieħor fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Miistru jgħid x'inhu jsir fl-iskejjel anki b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa biex l-istudenti jsiru aktar konxji mill-ħsara li tagħmel il-ħxuna? Il-ġenituri ta' tfal ħoxnin qed jiġu mlaqqgħa jew qed jiġu infurmati fuq bażi individwali dwar kif għandhom jimxu mat-tfal tagħhom biex inaqqsu l-ħxuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel, permezz ta' l-iSchool Development Plan tagħhom, jimmiraw għall-għanijiet li jħarsu s-saħħa, kemm fl-ambjent li jgħixu, kif ukoll fl-għażliet li jagħmlu, inkluż l-ikel. Il-kuntatti mal-ġenituri mhumiex nieqsa u tfal b'dawn il-bżonnijiet jiġu riferuti.
Jeżistu kodiċi ta' regolamenti fuq l-għażla ta' ikel tajjeb għas-saħħa li jista' jinbiegħ fit-Tuckshops ta' l-iskejjel.
It-tagħlim tal-Home Economics jinkludi tagħlim b'enfasi fuq id-dieta, is-saħħa u n-nutriment. L-istudenti minbarra it-tagħlim teoretiku, jkollhom opportunitajiet ta' esperjenza 'hands on' fuq l-għażliet ta' l-ikel li strettament iħares ir-rakkommandazzjoni tal-Linji ta' Gwida tad-Dieta Nazzjonali. Jitgħallmu wkoll fuq il-konsegwenza li ġġib id-dieta żbilanċjata.
Hemm ukoll Home Economics Seminar Centre, f'Birkirkara fejn studenti mill-iskejjel kollha ta' Malta jiġu mistiedna jipparteċipaw f'seminars b'temi li jolqtu id-dieta, is-saħħa u in-nutriment. Isiru wkoll programmi fuq l-istess tema għall-ġenituri.
Is-suġġetti tal-Physical Education (P.E.) u il-Personal Social Development (P.S.D.) ukoll jagħtu s-sehem tagħhom importanti f'dan ir-rigward.
Teżisti ukoll kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa jgħinu f'taħriġ u korsijiet li jsiru għall-għalliema kif ukoll fi programmi għat-tfal u l-ġenituri.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa magħruf li hemm tfal li jbatu mid-dyslexia fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u tal-privat separatament? Jista’ jgħid x'inhu jsir fl-iskejjel biex dawn it-tfal jiġu megħjuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-Unit magħruf bħala 'Special Learning Difficulties Service' fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni identifika 523 każ ta' dyslexia imqassmin hekk:
Numru ta' studenti li jbatu mid-dyslexia fl-iskejjel ta' l-Istat: 402 student
Numru ta' studenti li jbatu mid-dyslexia fl-iskejjel tal-Knisja: 113 student
Numru ta' studenti li jbatu mid-dyslexia fl-iskejjel tal-Privat: 8 studenti
L-għalliema ta' l-SpLD Service jmorru fl-iskejjel rispettivi u joffru sapport lill-istudenti li jbatu bid-dyslexia, kif ukoll pariri lill-għalliema u l-kapijiet ta' l-iskejjel.
L-SpLD Service jorganizza ukoll korsijiet li jkunu mqassmin matul is-sena skolastika lill-istudenti u/jew lill-ġenituri tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar spezzjonijiet strutturali fuq il-mini ta' Santa Venera, dawk ta’ Triq Reġjonali u l-mina ta' taħt l-ajruport li tagħti għaż-Żurrieq? Meta nbniet kull waħda minn dawn il-mini? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport ta' kull waħda minnhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pontijiet prinċipali f'Malta u Għawdex li ġew spezzjonati biex jiġi żgurat li huma strutturalment tajba f'dawn l-aħħar għaxar snin jew mill-1994? Meta nbena kull pont? Meta kienet saret l-ispezzjoni ta' qabel? Jista’ jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Skejjel — Ġenituri li tressqu l-qorti fuq assenteiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġenituri li tressqu quddiem il-Qorti fl-2003 talli ma bagħtux it-tfal l-iskola? Mil-liema lokalitjaiet kienu? Kemm kienu subien u kemm bniet? Kemm kien hemm minn dawn il-ġenituri li kienu riċedivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li tressqu quddiem il-Qorti tal-Minorenni fl-2003? Liema kienu l-akkużi prinċipali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` tfal li tressqu quddiem il-Qorti tal-Minorenni fis-sena 2003 kien ta` 63.
Wieħed jista` jaqsam l`hekk imsemmija "kawżi prinċipali" f`żewġ (2) kategoriji, li huma:
Serq, u
Inġurji lil persuni (fosthom familjari stess) u ksur tal-Bon Ordni Ċivili.
Studenti mill-iskejjel ta' l-istat — Assenti mill-iskola
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kemm kien hemm studenti mill-iskejjel ta’ l-Istat li kienu assenti mill-iskola u ma pproduċewx ċertifikat mediku jew almenu raġuni valida ta' assenza? Jista’ jgħid mil-liema lokalitajiet kienu? Ittiehdu xi passi kontra l-ġenituri?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li t-tagħrif mitlub ma jinżammx fil-forma kif preżentata fil-Mistoqsija. F'diversi każijiet l-iskola jkollha nota tal-ġenituri li l-kapijiet iqisu aċċettabbli u validi. F'każijiet ta' tfal li jkunu assenti aktar minn tliet ijiem f'xahar, bla raġuni valida, jiġu riferuti lit-Taqsima tas-Social Work.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti mill-iskejjel privati li fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika ma attendewx l-iskola u ma ppreżentawx ċertifikat mediku jew almenu raġuni valida ta’ l-assenza tagħhom? Mil-liema raħal/belt kienu? Ittieħdu xi passi kontra l-ġenituri?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal-Mistoqsija numru 4544.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żbalji fid-drawings ta’ l-air conditioning li sar f’Robert Sammut Hall u li minħabba f’hekk kellu jinqala’ xi xogħol u jsir mill-ġdid? Kemm sewa dan l-iżball?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm ebda żball fil-pjanti ta' l-arja kundizzjonata ta' Robert Sammut Hall u fl-ebda stadju ta' l-installazzjoni ma kellu jinqala' xi xogħol u jsir mill-ġdid.
Jista’ il-Ministru jgħid min hu l-project manager għax-xogħol li qed isir f’Robert Sammut Hall, Floriana? Xi kwalifiki għandu f’dan il-qasam? X’responsabbilta` għandu fuq il-kwalita` tax-xogħol li qed isir? Min qed jimpjega dan il-project manager? Fuq liema kriterji twarrbu l-periti ta’ qablu minn fuq dan il-proġett? U xi kriterji ntużaw biex intgħażel il-project manager preżenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-project manager tal-proġett tas-Sala Robert Sammut huwa Dott. Claude Busuttil (konsulent fir-restawr), li huwa speċjalizzat fir-restawr. Dan l-inkarigu ngħata skond ftehim li jeżisti bejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) u CMC (Freeport). Dan il-project manager huwa addattat għal dan it-tip ta' xogħol u kkwalifikat b'esperjenza fuq xogħolijiet simili oħra.