Bormla — Skola sekondarja Erin Seracino Inglott - eżami ta' nofs is-sena
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk waslux ilmenti fil-Ministeru jew fid-divizjoni dwar l-eżami ta’ nofs is-sena fil-Biology tar-raba’ sena fl-iskola Sekondarja Erin Seracino Inglott ta’ Bormla, fejn f’din il-karta ma ħareġ xejn minn dak li kienu għamlu l-istudenti fil-klassi? Jekk le, jista' jara jekk dan hux minnu jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li id-Dipartiment tal-Kurrikulu ma rċieva l-ebda ilment mill-iskola Erin Serracino Inglott dwar l-eżami tal-Bijoloġija tal-Form 4 ta' nofs is-sena.
Festival kanzunetta Maltija għall-Ewropa — Disinn tas-sett
Question
Jista' il-Ministru jgħid min rebaħ ix-xogħol tad-disinn tas-sett tal-festival li sar għall-kanzunetta Maltija għall-Ewropa? Kemm kien hemm li wrew interess f’dan ix-xogħol? Kemm kienet kull offerta? Min kienu l-membri tal-bord ta’ l-għażla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bi tweġiba għas-sejħa għall-espressjoni ta' nteress wieġbu erba' kuntratturi ċioe Steep Shape, Yada, Pres u Pierre Portelli.
Yada kienu nteressati li jieħdu f'idejhom id-direzzjoni artistika tal-festival kollu allura ma setgħux ikomplu fin-negozjar dwar l-istage biss.
Pierre Portelli talab Lm 750 għad-disinn ta' l-istage u Lm 3,750 għall-kostruzzjoni.
Steel Shape ma taw l-ebda figura.
Il-Maltasong Board fela kull espressjoni u fetaħ kuntatti ma' l-erba' kuntratturi. Pres (Kumpanija sussidjarja ta' ITC) irtiraw l-interess.
Inbeda n-negozjar fid-dettal ma' Pierre Portelli u l-offerta tiegħu ġiet aċċettata. Ġimgħa qabel il-festival, il-Maltasong Board ġew infurmati li d-drapp li qed jipproponi s-Sur Portelli kien flammable u għaldaqstant kien qed ikabbar il-periklu tan-nirien waqt il-festival. Ġew mgħajta persuni esperti f'dan il-qasam li qablu li d-drapp huwa flammable u b'hekk kien qed joħloq periklu ta' nar. Is-Sur Portelli sostna li d-drapp m'għandux jinbidel.
Fid-dawl ta' dan kollu l-Maltasong Board qatagħha li jdur fuq Steel Shape. Il-ħlas lil din il-kumpanija huwa Lm2,600 VAT eskluża.
Junior college — Ktejjeb bl-isem "Education in Malta"
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-aħħar ġimgħa ta' Frar, 2004 fil-junior college tqassam ktejjeb li jismu Education in Malta li kien pubblikat fi żmien il-Ministru Michael Falzon, jiġifieri jasal sa l-1996 biss?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li, kien numru żgħir ta' kopji tal-ktejjeb "Education in Malta" li minflok ma ntremew tqiegħdu fir-Reception Area tal-Junior College minn membru ta' l-istaff biex studenti jew membri ta' l-istaff interessati f'riċerka dwar l-edukazzjoni qabdu u ħadu kopja. Dawn ma ġewx imqassma kif ġie allegat fil-mistoqsija.
Jista il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu passaporti ġodda lill-Maltin bejn l-1 ta’ Novembru 2002 u t-30 ta’ Novembru 2003? Kemm inħarġu passaporti f’isem minuri fl-istess perjodu? Kemm hija l-ispiza, inkluż il-VAT, għal kull passaport? Jista jgħid ukoll min jissuplixxi l-passaporti lokalment? Fid-dawl tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' jgħid jekk il-passpaort attwali hux se jiġi emendat jew mibdul? Jekk iva, meta ser jibda jsir dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Novembru 2002 u t-30 ta’ Novembru 2003 inħarġu 36,855 passaport mill-Uffiċċju tal-Passaporti f’Malta u f’Għawdex. Minn dawn kien hemm 8,720 li nħarġu f’isem minuri. Il-ħlas għall-ħruġ ta` passaport huwa kif indikat hawn taħt:
Applikant ta’ taħt l-10 snin Lm3
Applikant ta’ bejn l-10 u l-15-il sena Lm6
Applikant ta’ l-fuq minn 16-il sena Lm12
Ma jitħallasx VAT fuq il-ħlas ta’ passaporti.
Il-passaporti ma jiġux stampati lokalment, imma minn ditta barranija li hija speċjalizzata biex tagħmel xogħol ta` passaporti.
Il-passaporti maħruġa lokalment ġew gradwalment upgraded biex jiġu konformi ma’ dawk ta’ l-Unjoni Ewropea, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurta’ u stampar. Li jmiss li jsir issa huwa li jkun hemm indikazzjoni fuq il-passaporti Maltin, li barra li juru n-nazzjonalita’ Maltija, juru wkoll li dak li jkun għandu passaport ta’ l-Unjoni Ewropea.
Diġa` qed jittieħdu l-passi neċessarji ħalli dan il-fatt jiġi muri fuq il-passaport.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4323, jista' il-Ministru jara li l-awtoritajiet konċernati mill-immaniġjar tat-traffiku jidħlu ftit fil-każ u jaraw kif dan jistax jiġi solvut fl-interess ta’ kulħadd minħabba li b’dak li sar inħolqot problema ta’ parking?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku eżamina l-każ u ħa l-passi neċessarji billi nforma lil Kunsill Lokali Żabbar sabiex ineħħi t-tabelli li twaħħlu mingħajr l-approvazzjoni ta' L-Awtorita'. Sadanittant id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ser imur fuq il-post biex jgħaddi l-pariri li hemm bżonn.
Jista il-Ministru jgħid kemm applikaw u min applika sabiex jieħu sehem fis-seminar bl-isem European Summer School li se jsir bejn it-28 ta’ Marzu u l-4 ta’ April 2004? Min gie magħżul u fuq liema kriterji? Min kienu l-membri tal-bord ta’ l-għażla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm seba' applikanti għas-seminar tal-'European Summer School'. Dawn kienu: Mr Leonard Grech, Dr. Charles Briffa, Mr Anthony Licari, Ms Patricia Micallef, Ms Sharon Richard, Ms Gladys Zammit u Ms Mary Josephine Zammit.
Informat wkoll li Mr Leonard Grech, ġie nominat peress li huwa l-Uffiċjal Edukattiv fil-qasam ta' l-assessjar u għalhekk is-seminar kien ta' rilevanza u ta' benefiċċju għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Dr Charles Briffa ġie magħżul għaliex ġab l-aktar numru ta' punteġġ u warajħ, fit-tieni post, ġiet Ms Mary Josephine Zammit.
Il-kriterji li fuqhom intagħżlu dwk li qagħdu għall-interview kienu dawn:
Relevance of the bursary to the post of applicant (20%)
Possible multiplier effect (15%)
Relevant experience in the field (20%)
General qualifications and relevant qualifications in the field covered by the bursary (15%)
Curricular Knowledge (10%)
Personality (10%)
Cultural interest (10%)
Il-membri tal-Bord kienu:
Is-Sur Frank Gatt, Assistent Direttur tal-Kurrikulu
Is-Sur Theodore Salafia, Uffiċjal Edukattiv
Is-Sinjorina Caroline Fullana
Is-Sur Euchar Camilleri, mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fit-taqsima tal-gardening alloġġjati f'Villa Psaigon? Fiex jikkonsisti x-xogħol ta' kull wieħed u waħda minnhom? Jista’ jpoġġi lista bl-ismijiet tal-persuni kollha li suppost jirrappurtaw għax-xogħol f'din it-taqsima u dawk li suppost jirrappurtaw għax-xogħol f'Villa Psaigon?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni jaħdmu fit-taqsima ta' l-agrikoltura tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hu ta' 66. Dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni u tisbieħ ta' ġonna fl-iskejjel.
Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2003 u Jannar 2004 kemm xtrat fjuri t-taqsima tal-gardening u f'kull każ għal min kienu dawn il-fjuri? Min awtorizza l-ħlasijiet għax-xiri ta' dawn il-fjuri?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bl-eċċezzjoni ta' ftit flower arrangements mixtrija fl-2003 għall-okkażjoni tal-preżentazzjoni tal-Warrants tat-Teachers ordnati mid-Dipartiment tal-Further Studies and Adult Education, il-Gardening Unit ma xtrat l-ebda fjuri matul is-sena 2003 u f'Jannar 2004.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhiex xi bini tagħha u xi persuni jaħdmu magħha li xogħolhom hu li jrabbu u jieħdu ħsieb il-qtates? Xi jsir mill-flus li jdaħħlu minn dan ix-xogħol? Kemm idaħħlu flus? Min hu responsabbli biex jara xi jsir minn dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandha l-ebda persuna taħdem magħha jew bini tagħha li xogħolhom hu li jrabbu u jieħdu ħsieb il-qtates.
Jista' jkun li l-Onor. Membru qed jirreferi għal biċċa art fil-limiti tal-kulleġġ ta' l-Agrikoltura fejn in-"Natural Cats Society" waqqfet "Cat Sanctuary" u qtates abbandunati jieħdu ħsiebhom il-membri tas-soċjeta', bla ebda spiża lil erarju pubbliku. L-ex-kulleġġ tal-Agrikoltura illum jifforma parti mill-MCAST.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4447, jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li ġew jew se jiġu maħtura? X'inhuma t-terms of reference u sakemm għandhom żmien sabiex titlesta din l-evalwazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-core group li qed imexxi l-evalwazzjoni tas-sistema ta' l-eżamijiet SEC u MATSEC hu kompost mill-Professur Frank Ventura, Dr Grace Grima u is-Sur Ray Camilleri.
Ix-xogħol mistenni jieħu tmintax il-xahar. Kopja tat-termini ta' rifereza ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'ħidma ssir bejn il-ministeru/diviżjoni ta' l-edukazzjoni u r-razzett tal-ħbiberija? X'għajnuna, anke finanzjarja, jagħti l-gvern lil dan ir-razzett tal-ħbiberija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kapijiet ta' l-iskejjel jorganizzaw attivitajiet għall-istudenti ta' l-iskejjel tagħhom fir-Razzett tal-Ħbiberija. Saru wkoll attivitajiet fir-Razzett tal-Ħbiberija minn studenti li kienu qed jieħdu sehem fil-Programm Skolasajf 2003.
Ma tirriżultali l-ebda skema ta' għajnuna finanzjarja bejn ir-Razzett tal-Ħbiberija u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir sabiex tiġi rranġata s-sitwazzjoni preżenti fl-iskola tas-Sannat f'Għawdex, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam man-nuqqas ta' spazju u l-ħtieġa ta' multi sensory room?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent in-numru ta' studenti li jattendu s-Sannat Special Unit huma 22. Dawn huma maqsuma f'4 gruppi u kull grupp għandu l-klassi tiegħu. Dan iċ-ċentru huwa mgħammar ukoll b'hygiene area u area oħra għall-eżerċizzji, liema area hija kbira u armata biżżejjed biex tilqa' fiha l-istudenti kollha fl-istess ħin. Barra minn hekk il-Ħamis 4 ta' Marzu 2004 ser tiġi inawgurata l-ewwel parti tal-Multisensory Room, illi tkopri il-parti relatata mad-dawl u l-ħsejjes.
Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm ġurijiet pendenti quddiem il-Qorti Kriminali? Kemm hemm imħallfin speċifikament assenjati għall-Qorti Kriminali? Biex jitħaffef ix-xogħol qed ikun hemm każi fejn żewġ ġurijiet jistgħu jsiru fl-istess ħin f'awli differenti u dan anke biex l-istess akkużati ma jdumux jistennew snin sħaħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm erbgħin (40) ġuri pendenti quddiem il-Qorti Kriminali, filwaqt li hemm imħallef wieħed li hu speċifikament assenjat għal din l-istess Qorti.
Infurmat ukoll illi t-tweġiba għal aħħar parti tal-Mistoqsija hija fl-affermattiv u qed ikun hemm numru ta` drabi meta jsiru żewġ ġurijiet fl-istess ħin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet li għad iridu isiru fuq akkużi ta’ omiċidju, u attentat ta' omiċidju? Kemm hemm persuni akkużati li huma ta' nazzjonalita` barranija? Kemm ilu l-aktar akkużat li ilu jistenna biex jgħaddi ġuri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm għaxar (10) ġurijiet li għad iridu jsiru fuq akkużi ta` omiċidju, filwaqt li hemm tnax (12) -il ġuri li għad iridu jsiru fuq l-akkużi ta` attentat ta` omiċidju. Hemm żewġ (2) persuni ta` nazzjonalita` barranija, wieħed akkużat b`omiċidju u ieħor akkużat b`attentat ta` omiċidju.
Infurmat ukoll illi l-aktar akkużat li ilu jistenna biex jgħaddi ġuri ilu ħames (5) snin jistenna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti fuq akkużi ta' pussess u traffikar ta' droga u ta’ traffikar ta' droga? Kemm hemm persuni ta' nazzjonalita` barranija li huma akkużati? Kemm ilu l-aktar li ilu jistenna biex jgħaddi ġuri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm tlettax (13) -il ġuri pendenti fuq akkużi ta` pussess u traffikar ta` droga u li erba` (4) atti ta` akkuża huma kontra sitt (6) persuni ta` nazzjonalita` barranija.
Infurmat ukoll illi l-aktar akkuża li ilha quddiem il-Qorti Kriminali hija dik kontra barrani u ilha minn Lulju 2002.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti fuq akkużi ta' frodi u ta’ serq? Kemm hemm persuni ta' nazzjonalita` barranija li huma akkużati? Kemm ilu l-aktar li ilu jistenna biex jgħaddi ġuri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m`hemm ebda ġuri pendenti fuq akkużi ta` frodi filwaqt li hemm ġuri wieħed pendenti fuq akkużi ta` serq biss kif ukoll tlett ġurijiet oħra pendenti dwar serq u omiċidju.
Infurmat ukoll illi hemm persuna barranija li hija akkużata b`serq, filwaqt li l-aktar li ilha tistenna persuna biex tgħaddi ġuri hu 5 snin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti fuq abbużi sesswali gravi? Kemm hemm persuni akkużati li huma barranin? Kemm ilu jistenna l-aktar każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma hemm ebda ġuri pendenti fuq abbużi sesswali gravi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli jistennew għad-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali wara ġurijiet? Kemm ilu l-aktar li ilu jistenna deċiżjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm erbgħa u tletin appell li qed jistennew għad-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali wara ġurijiet. L-aktar li ilu jistenna deċiżjoni huwa persuna li l-ġuri tiegħu kien ġie deċiż fil-21 ta` Ottubru, 1997.