Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel — Abbuż ta' alkoħol

Question

Jista’ il-Ministru jgħid mill-bidu ta' din is-sena skolastika sal-lum kienx hemm rapporti ta' abbuż ta' alkoħol fl-iskejjel? Jekk iva, jista’ jagħti n-numru ta' subien u bniet involuti, l-etajiet tagħhom u kienux jattendu l-iskola ta’ l-Istat, tal-Knisja jew privata? X'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum, ma kien hemm l-ebda rapport ta' teħid u abbuż ta' alkoħol f'xi skola ġewwa Malta jew Għawdex, kemm f'dawk statali u privati kif ukoll f'dawk tal-knisja.

Skejjel — Pussess ta' droga

Question

Jista’ il-Ministru jgħid mill-bidu ta' din is-sena skolastika sal-lum kienx hemm xi rapporti ta' teħid u/jew pussess ta' droga fl-iskejjel? Jekk iva, jista’ jgħid kemm kienu bniet u subien, x'etajiet kellhom u jekk kienux imorru fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja jew dawk privati? X'passi ttiehdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li it-tagħrif li ġie moddi lili ma jiddistingwiex bejn min hu sempliċiment espost għal riskju u min fill-fatt jirriżulta li ħa jew kellu il-pussess, tlabt li jkun hemm verifika ċara tal-fatti biex nkun nista' nwieġeb din il-mistoqsija f'xi seduta oħra.

Skejjel — Problemi ta' l-alkoħol

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'qed isir fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex biex l-istudenti jkunu aktar konxji mill-problemi li jista’ joħloq l-akoħol speċjalment wara rapporti ta' NGOs u aġenziji li hemm żieda sostanzjali fit-teħid ta' alkoħol minn żgħażagħ li għadhom jattendu l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tħaddem servizz edukattiv ta' prevenzjoni u servizz edukattiv ta' kura. Bħala servizz preventiv id-Dipartiment tal-Kurrikulu għandu kuntatt ma' aġenziji u NGOs u flimkien magħhom ħoloq strateġiji biex jiffokaw fuq il-problema tat-teħid tal-alkoħol miż-żgħażagħ. Is-sezzjoni tal-PSD fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu jagħti lezzjonijiet regolarment peress tal-għalliema tal-PSD fuq dan is-suġġett u xi fuq skills li l-istudenti għandhom ikollhom biex ma jibdewx jieħdu l-alkoħol. Tliet għalliema tal-PSD bħal issa qegħdin jagħmlu xogħol mal-Aġenziji Sedqa biex isiru korsijiet u programmi ma' l-istudenti fl-iskejjel Primarji u Sekondarji. Dawn l-għalliema kienu wkoll responsabbli li jsir teaching pack fuq dan is-suġġett. Sedqa sponsorjat dan il-pack li tqassam fost l-għalliema tal-PSD fl-iskejjel tal-Istat u Skejjel Privati. Is-sezzjoni tal-Home Economicsukoll qed taħdem biex toħloq awareness f'dan il-qasam. Dan tagħmlu perezz ta' tagħlim fl-iskejjel dwar dieta tajba għas-saħħa. Fiċ-Ċentru tal-Home Economics f-Birkirkara jattendu tfal u żgħażagħ li jieħdu sehem f'attivitajiet li jittrattaw dieta tajba u jsir tagħlim dwar l-effett negattiv tax-xorb alkoħoliku liż-żgħażagħ. Bħala servizz kurattiv, id-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti, f'każi li l-istudenti jirreferu ruħhom għall-għajnuna, jiġu mogħtija l- counselling li jkun hemm bżonn. Jekk f'xi każ ikun hemm bżonn li l-persuna tiġi rreferuta, ir-referral isir lill-N.G.O. li taħtha jaqa' l-alkohol.

Skejjel — Lasti tal-football

Question

Jista’ il-Ministru jassigura li fl-iskejjel kollha, kemm dawk ta’ l-Istat, kemm tal-Knisja kif ukoll privati m'hemmx lasti tal-football li jistgħu jiġu mċaqalqa u li jistgħu jikkaġunaw xi inċident bħalma kien ġara fi skola sekondarja f’Santa Venera meta kien miet student għax waqgħet fuqu lasta simili s-sena li għaddiet? Saru spezzjonijiet fl-iskejjel biex ikun żgurat li dawn kollha jitwaħħlu ma’ l-art meta jintużaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel kollha, sew tal-istat kif ukoll dawk tal-knisja u dawk privati, ġew mitluba jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li ma għandhomx lasti tal-football li jistaw jiġu mċaqalqin. Fl-iskejjel primarji tal-istat dawn il-lasti ġew iċċekkjati mill- 'Peripatetic Health and Safety Teachers' u fl-iskejjel sekondarji tal-istat dawn ġew iċ-ċekkjati mir-Resident Health and Safety Teachers.

Kottonera — Canteen tal-kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid il-canteen tal-kumpless sportiv tal-Kottonera f’idejn min qiegħed u b’kemm hu mikri? Jista' jgħid ukoll għal kemm ingħata u meta jagħlaq dan il-kuntratt?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-canteen tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera qiegħed f'idejn il-Health Pit Cottonera Ltd. Il-Canteen huwa mikri għall-ħames snin bir-rata ta' Lm4,000 fis-sena u l-kuntratt jagħlaq f'Mejju 2008.

Attivitajiet sportivi — VAT fuq bejgħ ta' biljetti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li daħħal VAT il-gvern mill-bejgħ ta’ biljetti ta’ dawk li jmorru jaraw l-attivitajiet sportivi fis-snin 2001, 2002 u 2003? Jista' jgħid mil-liema għaqdiet sportivi nġabru jekk teżisti din it-tip ta’ informazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-snin 2001, 2002 u 2003 il-VAT globali (‘net’) imħallsa minn għaqdiet sportivi kienu dawn: 2001 – Lm4,795 2002 – Lm2, 074 2003 – Lm3, 201 Wieħed irid jikkunsidra li dawn l-għaqdiet seta’ kellhom spejjeż kapitali u spejjeż oħra li fuqhom kellhom id-dritt jitolbu lura l-VAT li weħlu fuq dawn l-ispejjeż.

Bordijiet/kummissjonijiet appuntati mill-gvern

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4512 dwar x'inhu l-perċentwali ta' nisa u irġiel fuq bordijiet u kummisjonijiet appuntati mill-gvern għas-sena 2003, tista' il-Ministru tgħid kemm hu l-perċentwal ta' żgħażagħ taħt id-29 sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru li saritlu u li wieġeb għall-Mistoqsija li qed jagħmel referenza għaliha.

Bordijiet/kummissjonijiet appuntati mill-gvern

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4512 dwar x'inhu l-perċentwal ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet għas-sena 2003, jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-perċentwal ta' żgħażagħ taħt id-29 sena?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Bordijiet u Kummissjonijiet indikati fil-Mistoqsija Parlamentari 4512, ma kien hemm l-ebda membru taħt l-eta' ta' 29 sena.

Bordijiet/kummissjonijiet appuntati mill-gvern

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4513 dwar x'inhu l-perċentwal ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet għas-sena 2003, jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-perċentwal ta' żgħażagħ taħt id-29 sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4722, ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hi kif ġej: · Bord Dwar is-Sajd Ebda membru ma għandu anqas minn 29 sena. · Kunsill għat-Trattament Xieraq ta' l-Annimali Ebda membru ma għandu anqas minn 29 sena. · National Broiler Committee 75% tal-membri għandhom taħt id-29 sena. (3 minn 4 membri) · National Commission for Sustainable Development 5% tal-membri æandhom taħt id-29 sena. (2 minn 39 membru) Minn-naħa tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) persuna waħda għandha taħt id-29 sena.

Eżamijiet tas-SEC

Question

Jista' il-Minsitru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3809 u cioe' jista' jgħid kemm hemm studenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet tas-SEC li se jsiru f'April/Mejju li ġej? Kemm hemm subien u kemm bniet? Kemm hemm minn skejjel statali, indipendenti u tal-Knisja?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-isport — Ġbir ta' flus minn kirjiet lill-għaqdiet sportivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru flus mill-kunsill Malti għall-isport mill-kirjiet li ngħataw lill-għaqdiet sportivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond ir-records tal-Kunsill Malti għall-Isports, l-ammont tal-flus li nġabru mill-kirjiet li ngħataw lill-għaqdiet sportivi hu ta' Lm172,825.95.

Kottonera — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li qegħdin jagħmlu użu mill-kumpless sportiv tal-Kottonera? Kemm qed iħallsu dawn l-għaqdiet separatament sabiex jagħmlu użu minn din il-faċilita` sportiva?

Response (GALEA, LOUIS)

No response available.

Kottonera — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministri jgħid fil-kumpless sportiv tal-Kottonera hemm xi parti li hija mikrija lil xi ħadd fuq bażi privata u mhux għaqda sportiva? Jista' jgħid kemm qed idaħħal il-kunsill Malti għall-isport minn din il-kirja u għal kemm żmien saret?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-partijiet li huma mikrija fuq bażi privata huma : Il-'Catering u Child Care Playing Facilities' huma f'idejn il-'Health Pit Cottonera Ltd'. Dawn huma mikrija għall-ħames snin bir-rata ta' Lm4,000 fis-sena. Il-'Fitness Centre' huwa mikri lill-'Health Pit Operators Ltd' bir-rata ta' Lm2,350 fis-sena għal perjodu ta' 5 snin.

Kumitat ministerjali dwar l-edukazzjoni inklussiva — Membri

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat ministerjali dwar l-edukazzjoni inklussiva? Kemm–il darba ltaqa’ dan il-kumitat u x’kienu s-suġġetti diskussi fih? X’kien il-frott ta’ dawn il-laqgħat u d-diskussjoni li saret waqt dan il-kumitat għall-ġid tal-persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Ministeru qed jaħdem fuq review tal-policy u l-istrateġija dwar l-edukazzjoni inklussiva, il-kumitat imsemmi ma ġiex imġedded minn wara l-elezzjoni li għaddiet. Qed ikolli laqgħat regolari maċ-Chairman u ċ-Chief Executive tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' fuq il-kwestjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-edukazzjoni.

Skejjel speċjali — Ikel servut lill-persuni b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministu jghid jekk waslux rapporti għandu jew inkella fid-divizjoni ta’ l-edukazzjoni dwar il-kwalita` ħażina ta’ l-ikel li qed jiġi provdut fl-iskejjel speċjali lill-persuni b’diżabilita`? Jekk le, jista’ jinvestiga ftit u jara jekk hux minnu li dan l-ikel mhux ta’ kwalita` tajba u lanqas huwa addattat għal kull student b’diżabilita`?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tirċievi rapporti mill-kapijiet ta' l-iskejjel speċjali kull meta l-kuntrattur li jipprovdi l-ikel għall-istudenti ikun naqas minn xi kundizzjoni imsemmija fit-tender. Il-kuntrattur imbagħad ikun avviċinat u informat b'dan in-nuqqas. Dawn il-każijiet m'humiex spissi u l-kuntrattur dejjem obda għat-talbiet tad-Diviżjoni. Informat li l-ikel provdut huwa kunsidrat li hu ta' kwalita' tajba. It-tender ta' l-ikel huwa mfassal b'tali mod li jieħu ħsieb il-kundizzjonijiet ta' kull student b'diżabilita'.

Fondazzjoni għall-iskejjel t'għada — Xogħol ta' l-arti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-prassi meta l-fondazzjoni għall-iskejjel t’għada tkun teħtieg xi biċċa xogħol ta’ l-arti? Xi kriterji jintużaw sabiex tintagħzel il-persuna li se tagħmel dan ix-xogħol? Jintalbu kwotazzjonijiet lill-artisti oħra ta’ l-istess qasam artistiku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-prassi hija li ma' kull proġett kbir, il-Fondazzjoni tikkommissjona biċċa xogħol ta' l-arti minn artist jew artista lokali stabbilit/a. Ma jagħmilx sens li jinħareġ tender għal biċċa xogħol ta' l-arti, għaliex l-għażla ma tkunx biss fuq bażi ta' prezz, imma l-enfasi ssir fuq li jiġu kkommissjonati artisti f'oqsma diversi bħal ċeramika, murals, pittura, installations, eċċ. Hemm il-ħsieb li fil-futur qarib, meta in-numru ta' kummissjonijiet mistenni jikber, li jinħatar Bord sabiex jirrakkomanda l-għażla kemm ta' l-artist kif ukoll tat-tip ta' xogħolijiet artistiċi.

Skola San Franġisk t'Assisi — Suġġett tal-Home Economics

Question

Jista' il-Ministru jara x’inhi r-raġuni li fl-iskola San Frangisk t’Assisi jiena nformat li żewġ klassijiet tal-Form 4 m’ għandhomx prattika fil-Home Economics? Jekk dan jirriżulta li huwa minnu, jista' jara li s-sitwazzjoni titranġa u dan ħalli jgawdu l-istudenti li fl-aħħar mill-aħħar se jkollhom anke l-prattika fl-eżami?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tender 'service works and conversion of two rooms into food and physics labs' ġiet mogħtija fil-11 ta' Frar 2004. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Æada qed tagħmel dak kollu possibli biex ix-xogħol jitlesta skond kif hemm fit-tender ħalli is-sitwazzjoni tiġi għan-normal.