Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissjoni Nazzjonali dwar il-UNESCO

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu x-xogħol tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar il-UNESCO? Kemm ilha mwaqqfa din il-kummissjoni u x’ħidma wettqet fis-sentejn ta’ qabel?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Avviż Legali dwar it-tipjip

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-Avviż Legali dwar it-tipjip ġiex irtirat kollu milli jidħol fis-seħħ fil-bidu ta’ April 2004 jew inkella partijiet minnu? X’wassal biex sar hekk? Ma jaħsibx li dan se jolqot numru kbir ta’ persuni li ma jpejpux u li se jkollhom ikomplu jsofru dan minħabba pressjoni li saret mal-gvern? Meta hu maħsub li dawn ir-regolamenti se jidħlu fis-seħħ u x’tibdil se jkun hemm fihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Avviż Legali dwar it-tipjip f'postijiet Pubbliċi ma ġiex rtirat. Id-data tad-dħul fis-seħħ hija 5 ta' April, 2004. Hemm emenda għal dan l-Avviż Legali illi hija ntiża unikament sabiex tagħti opportunita lis-sidien kkonċernati sabiex jottemporaw ruħom mal-provedimenti ta' dan l-Avviż Legali. L-emenda hija ntiża wkoll li tistabilixxi perjodu ċar u limitat sabiex is-sidien jilħqu dak mistenni minnhom.

Floriana — Bini ta' l-edukazzjoni - fire alarm system

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-bini ta’ l-edukazzjoni li jinsab Belt is-Sebħ ġewwa l-Furjana huwiex mgħammar b’fire alarm system? Jista’ jgħid ukoll kemm–il darba sar fire drill f’dawn l-aħħar 12-il xahar? F’każ ta’ ħruq, l-impjegati ta’ dan il-bini kemm isibuha faċli li jevakwaw dan il-post fl-anqas ħin possibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Le, il-bini msemmi mhux mgħammar b'fine alarm system u lanqas saru s'issa fire drills. Tlabt li l-kwestjonijiet imqanqla mill-Onor. Membru fil-Mistoqsijiet 4941 sa 4946 jiġu eżaminati mill-awtoritajiet kompetenti u li jagħtuni rapport bir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa.

Floriana — Bini ta' l-edukazzjoni

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-bini ta’ l-edukazzjoni ta’ Belt is-Sebħ fil-Furjana huwiex skond regolamenti internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spazju li kull persuna għandu jkollha bħala spazju fl-uffiċċju rispettiv tagħha? Fil-fatt kemm hemm persuni li qed jaħdmu f’dan il-bini u kemm hu l-ispazju li hu allokat għalihom ras għal ras? Jirriżulta li skond dawn l-istess standards dan il-bini huwa ffullat aktar milli jmissu?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li l-għadd ta' impjegati li jaħdmu fil-bini ta' l-Edukazzjoni fil-Furjana, inkluż il-Ministeru, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet u d-diversi sezzjonijiet li jaqgħu taħthom hu ta' 433. Infurmat li l-ispazju ta' uffiċji fuq il-ħames sulari f'dan il-bini hu ta' 6805 metri kwadri.

Floriana — Bini ta' l-edukazzjoni - fire extinguishers

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min hija l-persuna responsabbli mid-dipartiment ta’ l-edukazzjoni sabiex tara li l-fire extinguishers fil-bini kollu ġewwa l-bini ta’ l-edukazzjoni ta’ Belt is-Sebħ, huma mimlija u li jiġu ttestjati perjodikament? Fil-fatt fil-preżent huma kollha mimlija? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm impjegati li huma mħarrġa fl-użu ta’ dawn il-fire extinguishers? Min ħa ħsieb li jagħti dan it-taħriġ lil dawn il-persuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għat-tweġiba għal mistoqsija Parlamentari numru 4941.

Floriana — Bini ta' l-edukazzjoni - manutenzjoni

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min hija l-persuna responsabbli li tara li fil-bini ta’ l-edukazzjoni ta’ Belt is-Sebħ issir il-manutenzjoni regolari fuq il-bini u kull żvilupp ieħor li jsir fuq l-istess bini? F’każ li teżisti din il-persuna, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li f’dan il-post is-shafts tħallew abbandunati u lanqas jistgħu jitnaddfu? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-raġuni li tħallew isiru ċerti xogħlijiet, bħall-istallazzjoni ta’ ċerti pajpijiet ta’ l-air-condition, li komplew għamlu ħsara u b’konsegwenza ta’ hekk katusi li minnhom igħaddi l-ilma tax-xita saddew minħabba ġebel li tħalla u dan wassal sabiex fl-aħħar xita qawwija li saret parti mill-bini safa mgħarraq u din il-ħsara baqgħet mhux irranġata?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li it-Technical Services Branch hija responsabbli li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-bini kull meta jkun hemm bżonn jew kull meta jintalbu dan. Infurmat wkoll li t- Technical Services Branch sabet diffikulta' sabiex tmantni dawn ix- shafts kif suppost għaliex barra li dawn ix- shafts huma dojoq ħafna, illum il-ġurnata jinstab fihom numru ta' units tal- airconditioning u pajpijiet għal servizzi oħra, li kienu installati matul is-snin.

Floriana — Bini ta' l-edukazzjoni - aċess għall-persuni b'diżabilita'

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm il-bini ta’ l-edukazzjoni ta’ Belt is-Sebħ huwa aċċessibbli għall-persuni b’diżabilita`?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saru ħafna sforzi biex jiġi irranġat il-lift li hemm mal-bini tal-Edukazzjoni f'Belt is-Sebħ. Hemm il-ħsieb li fil-futur qarib jitwaħħal lift li mill-basementli jieħu sa l-entrance hall biex il-bini kollu jiġi aċċessibli.

Floriana Bini ta' l-edukazzjoni — distribuzzjoni tad-dawl

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk id-distribuzzjoni tad-dawl fil-bini ta’ l-edukazzjoni ta’ Belt is-Sebh għadhiex dik li kienet meta dan l-istess bini kien jintuża bħala suq u mhux bħala uffiċini kif qed jintuża fil-preżent? Kemm hija adegwata s-saħħa tad-dawl u jekk hix biżżejjed sabiex tlaħħaq mad-domanda li dejjem qed tikber? Jista’ jgħid ukoll jekk din hix konformi mar-regolamenti eżistenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li sar żvilupp fid-distribuzzjoni tad-dawl ta' l-edukazzjoni ta' Belt is-Sebħ minn meta dan l-istess bini kien jintuża bħala suq. Infurmat ukoll li mħabba il-progress kontinwu, qatt ma tista' tgħid li s-saħħa tad-dawl hi biżżejjed sabiex tlaħħaq mad-domanda li dejjem qed tikber. Id-distribuzzjoni tad-dawl fil-bini ta' l-edukazzjoni hi konformi mar-regolamenti eżistenti.

Skejjel — Bdil ta' suġġetti għal dħul fil-Junior Lyceum

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx diskussjonijiet interni dwar il-possibbilta` li jinbidlu s-suġġetti li huma meħtieġa sabiex student jidħol fil-Junior Lyceum? Jekk iva, jista’ jagħti xi dettalji jew inkella meta huwa maħsub li jitlesta xi rapport f’dan is-sens?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma qed isiru l-ebda diskussjonijiet dwar tibdil ta' suġġetti meħtieġa sabiex student jidħol fil-Junior Lyceum.

Special Education Programme — Fondi vvotati

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kif jintnefqu l-flus li hemm ivvutati għal din is-sena li jaqgħu taħt l-iSpecial Education Programme u li jammontaw għal Lm216,000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-flus li hemm ivvutati għal Special Education Programme għal din is-sena normalment jintefqu f'erba' pagamenti lil Eden Foundation skond il-ftehim li hemm bejn il-Gvern u din il-Fondazzjoni.

Implementation of National Minimum Curriculum — Fondi vvotati

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kif qed, jew kif inhu maħsub li, jintnefqu l-flus taħt il-vot Implementation of National Minimum Curriculum li hemm ivvutati għal din is-sena u li jammontaw għal Lm150,000?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Ħaddiema

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk f’din l-aħħar sena ġewx impjegati fil-ministeru aktar persuni? Jekk iva, min huma u xi ħlas u x’benefiċċju għandhom? Jista’ jgħid ukoll x’kien ix-xogħol li kienu qed jagħmlu qabel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-segretarjat tal-Ministeru ma ġewx ingaġġati persuni ħlief kif stabbilit fid-Dokument ta' l-Uffiċju tal-Prim Ministru dwar dan is-suġġett.

Skejjel ta' l-Istat

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-politika tad-diviżjoni /tal-ministeru dwar ismijiet li jingħataw lill-iskejjel ta’ l-istat? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħataw ismijiet lill-iskejjel f’din l-aħħar sena u liema kienu?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa is-suġġerimenti dwar l-isem ta' skola jingħata lill-Ministru għall-konsiderazzjoni tiegħu. Ma jidhirlix li f'din l-aħħar sena ġew deċiżi xi ismijiet ta' xi skejjel statali.

Żejtun — Kindergarten - tinda

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk saritx stima ta’ tinda li qed tintalab mill-kindergarten taż-Żejtun? Jekk iva, jista' jgħid kemm hi din l-istima? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li jsir dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li għadha ma saret l-ebda stima għal tinda għal kindergarten taż-Żejtun. Għadu prematur biex ngħid meta hu maħsub li jitlesta dan ix-xogħol peress li għadha ma saritx applikazzjoni lill-MEPA f'dan ir-rigward.
Leg 10 PQ #4871 Sitting 123 2004-04-29 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunsill nazzjonali għall-kultura u l-arti — Konkors kitba għal-palk

Question

Jista’ il-Ministru jgħid peress li fil-passat id-Dipartiment tal-Kultura kien jorganizza l-Konkors Kitba għall-Palk Premju Francis Ebejer li b'xi mod jew ieħor kien jinkoraġixxi drammi ġodda Maltin, issa li dan id-Dipartiment ġie xolt biex minfloku twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali għall-Kultura u l-Arti, jista’ jgħid jekk dan il-konkors għadux isir? Jekk le, huwa l-ħsieb tal-Kunsill li jorganizza xi ħaġa simili jew aħjar minn dan il-konkors? B’mod ġenerali, x'qiegħed jagħmel il-Kunsill biex jinkoraġixxi kitba ġdida għall-palk Malti, qasam li kif kulħadd jaf jinsab fi kriżi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti studja bir-reqqa kollha mistħoqqa l-andament tal-Konkors Kitba għall-Palk Premju Francis Ebejer matul dawn l-aħħar snin. Il-Kunsill deherlu li wasal iż-żmien li jinstab mezz alternattiv biex jinkoraġixxi drammi ġodda Maltin. Għalhekk qed jiġi mniehdi festival ta' drammi ġodda qosra bil-Malti fost kumpaniji eżistenti tad-drammi. Dan il-festival ser jifforma parti mill-Festival ta' l-Arti li ser jinżamm matul is-sajf li ġej. Barra min hekk, il-Kunsill qed jipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika lil xogħol ta' drama bil-Malti fil-programm Cultural Support.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Persuni magħżula għal seminar "European summer school" fi Franza

Question

Jista’ il-Ministru jinvestiga u għaliex fl-interviews li saru ftit ilu fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex jintgħażlu żewġ persuni għal seminar imsejjaħ European Summer School fil-belt ta' Sèvres fi Franza (dettalji dwar il-bord ta’ l-għażla qed jintbagħtu separatament), waħda mill-magħżulin hi ħafna inqas kwalifikata minn kandidati oħrajn li ma ntgħażlux u huwa fatt magħruf li hija ħabiba kbira ta’ persuna oħra li kienet membru tal-bord ta' l-għażla? Jista’ il-Ministru jara wkoll kif l-istess persuna f'bord ieħor xi żmien ilu li kien ippresedut mill-istess persuna li isimha qed jintbagħat separatament, intgħażlet bħala subject co-ordinator tal-Franċiż u qed titħalla tieħu kważi kollox hi fejn jidħol il-Franċiż minkejja li l-kwalifiki tagħha huma anqas minn ta’ persuni oħra? Ma jidhirlux il-Ministru li dawn l-affarijiet m’humiex aċċettabbli u m’humiex ġusti fil-konfront ta’ persuni oħra li għandhom aktar kwalifiki?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ż-żewġ persuni li intgħażlu huma t-tnejn kwalifikati sew skond il-kriterji stabbiliti. Infurmat ukoll li waqt l-interview l-erba' membri tal-Bord ta' l-għażla aġġixxew b'mod professjonali fil-qadi ta' dmirijiethom. Il-persuna li ġiet nominata minn naħa Franċiża, aġixxiet ma' kulħadd b'mod imparzjali u professjonali. Is-subject coordinator tal-Franċiż ma ngħatat xejn speċjalment min naħa tad-Diviżjoni f'dawn l-aħħar snin.

FTS — Sejħiet għall-offerti

Question

Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ sejħiet għall-offerti li ħarġet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għall-perjodu bejn l-ewwel ta’ Jannar 2003 sa l-aħħar ta’ Frar 2004? Għal kull tender, jista’ jindika d-data tal-ħruġ ta’ l-offerti u dik ta’ l-għeluq? Jista’ jgħid ukoll min rebaħ it-tender u l-prezz ta’ l-offerta magħżula għal kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. membru li hi suġġett ta' verifika mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika li qed tħejji rapport fuq l-operat tal-FTS.

FTS/FES — Financial statements

Question

Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Financial Statements – Year Ending 31 December 2003 taż-żewġ fondazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jiġifieri l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-dokumenti mitluba ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fill-futur qarib.

Malta professional & vocational awards council — Membri

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Malta Professional and Vocational Awards Council? X’ħidma jwettaq dan il-Kunsill? Kif ġew jew jiġu minfuqa l-Lm15,000 li hemm ivvutati għal din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsaxlokk — Bini ta' sala fl-iskola primarja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-problema sabiex tinbena s-sala fl-iskola primarja ta’ Marsaxlokk? X’inhu jżomm milli dan ix-xogħol jinbeda u jitlesta?

Response (GALEA, LOUIS)

L-applikazzjoni ta' żvilupp għal bini ta' sala ġdida fl-iskola primarja ta' Marsaxlokk għadha pendenti. Għaldaqstant ix-xogħol ma jistax jinbeda qabel ma jinħarġu l-permessi meħtieġa.