Industrial projects & services ltd. — Ex ħaddiema tal-Malta Drydocks
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3705 li saret f'seduta nru. 90, jista' il-Ministru jgħid x'xogħol qed jagħmlu t-58 ħaddiem li hemm imsemmija f'dik it-tweġiba? F'liema sezzjoni qed jaħdmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru tat-Turiżmu i Kultura peress li l-ħaddiema imsemmija ġew mislufa għal xogħol fil-qasam tal-kultura. Mat-taqsima taż-żagħżagħ m'hemmx ħaddiema ta' din il-kategorija.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li Sqaq l-Għargħar ġewwa Ħaż-Żabbar jiġi rranġat ħalli ma jibqax daqshekk ta’ inkonvenjent u periklu għar-residenti li jgħixu fih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-manutenzjoni u r-resurfacing tat-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żabbar u għaldaqstant l-awtorita' tat-trasport informat lill-kunsill lokali konċernat bis-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus għal xogħlijiet ta' restawr u konservazzjoni u xogħol ieħor relatat minn Jannar 2002 sal-lum? Min għamel dan ix-xogħol? Kemm minn dan ix-xogħol sar b'offerta ta' tender u lil min ġie mogħti? Kemm minn dawn ix-xogħlijiet saru b'direct order u lil min ġew mogħtija? Xi kriterji ntużaw biex ġew magħżula dawk li ngħataw direct order?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal- kamra informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ġew devoluti l-libreriji lil kull kuunsill lokali f'Malta u Għawdex? X'kienet ir-rata ta' self fl-aħħar sena ta' qabel saret id-devoluzzjoni għal kull librerija separatament? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-rata ta' self, sena b'sena, wara d-devoluzzjoni? Jista' jgħid ukoll il-kunsilli lokali separatament u sena b'sena, kemm żiedu kotba u kemm hu allura t-total ta' kotba f'kull librerija separatament? Jista' jagħti wkoll kemm kien hemm kotba f'kull librerija separatament qabel dawn ġew devoluti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk waslux rapporti bħalma waslu għandi dwar nuqqas ta' faxex kif ukoll wheelchair ġewwa l-isptar San Luqa, b'mod partikolari fit-23 ta' April ta' din is-sena? X'inhi r-raġuni għal dawn in-nuqqasijiet? Barra minn dan, jista' jgħid jekk f'każ ta' emerġenza l-isptar hux imħejji u armat sabiex jilqa' għal dan u dan fid-dawl ta' dawn in-nuqqasijiet li rriżultaw lili wara li numru ta' persuni għaddew minn din l-esperjenza ta' nuqqas ta' affarijiet bażiċi fl-isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li mhux ċar dwar liema żona l-Interpellant qed jirreferi, fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza hemm 15-il wheelchair aċċessibli li sa issa jirriżulta li huma biżżejjed għan-numru ta' pazjenti li jattendu f'dan id-Dipartiment.
Rigward il-Mobility Aids Loans Section (minn fejn isir il-kiri ta' krozzi, wheelchairs u walking frames) fid-data msemmija mill-Interpellant kien hemm 11-il pazjent fuq il-lista għal wheelchairs bi żmien ta' stennija kalkulat li jkun ta' erba' t'ijiem.
Fl-istess data msemmija, nikkonfermaw li kien hemm temporanjament nuqqas ta' faxex fl-isptar iżda bl-intervent tal-Medical Materials Management Unit din is-sitwazzjoni ġiet rimedjata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadhomx għaddejjin in-negozjati mad-ditta Carrefour biex din tixtri l-Price Club jew toħloq xi supermarket chain ġdida f'Malta? Jikkonferma li l-awtoritajiet Maltin qed jimponu kondizzjonijiet fuq Carrefour li tuża xi konsulenti Maltin u li tixtri xi biċċa art mingħand xi ħadd partikolari?
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Rapporti/studji fil-qasam edukattiv
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il rapport jew studju kkummissjona l-ministeru fil-qasam edukattiv f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid fuqhiex huma u min huma l-persuni li ġew imqabbda jagħmlu dan ix-xogħol? Għal kull każ, meta hu maħsub li jitlesta r-rapport jew l-istudju?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub hu kif ġej :-
Rapport dwar il-finanzjament tas-sistema ta' l-edukazjoni ogħla li qed jitmexxa mis-sur Roderick Chalmers flimkien mas-sur Jacques Sciberras, Ms Ann Marie Thake u l-Professur Rev. Peter Serracino Inglott. Qed nistenna r-Rapport inizjali jiġi finalizzat sa l-aħħar tas-sena.
Rapport dwar bidliet li jinħassu meħtieġa fis-sistema ta' l-eżamijiet MATSEC. Il-grupp li qed jaħdem fuq dan is-suġġett hu magħmul minn Dr Grace Grima, l-Prof.Frank Ventura, l-Prof. Rev.Saviour Chircop, u is-sur Raymond Camilleri. Ir-Rapport mistenni jkun lest sa l-aħħar tas-sena d-dieħla.
Naturalment sew il-Ministeru kif ukoll id-Dipartiment u l-Aġenziji li jaqgħu taħtu l-ħin kollu jkunu qed jaħdmu fuq żvilupp ta' politika fid-diversi oqsma.
Tal-Pieta' — Skola primarja - play area tal-kindergarten
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir il-play area tal-kindergarten fl-iskola primarja ta' Tal-Pieta' aktar u aktar meta skond il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada dan kellu jitlesta fis-sajf li għadda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qiegħed jiġi ppreparat tender document sabiex issir sejħa għall-offerti.
Peress li l-iskola San Anton bagħtet ċirkolari lill-ġenituri ta' l-istudenti dwar il-possibbilta' li tiftaħ sixth form, jista' il-Ministru jgħid jekk biex tiftaħ sixth form hemmx bżonn ta' liċenzja jew permess speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li jekk sixth form proposta tkun estensjoni ta' skola sekondarja eżistenti, taħt l-istess kap ta' l-iskola, ma jkunx hemm bżonn ta' liċenzja ġdida. Jekk sixth form proposta tkun skola ġdida, ikun meħtieġ li ssir applikazzjoni ta' liċenzja.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew sospiżi membri fil-korp tal-pulizija s'issa din is-sena u fuq liema akkużi? Ta' liema rank huma? Kemm minnhom diġa' tressqu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ma kienx hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li irċevew ordni ta' sospensjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm s'issa din is-sena tressqu persuni quddiem il-qorti u ġew akkużati talli kienu fil-pussess tad-droga u/jew ittraffikaw id-droga? Kemm minnhom kienu barranin u ta' liema nazzjonalita' huma? Kemm mit-total kienu taħt il-21 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba` xhur ta` din is-sena il-Pulizija akkużat quddiem il-Qorti 201 persuna fuq pussess ta' droga, u 44 persuna fuq traffikar ta' droga. Minn dawn, 67 kienu ta' eta' taħt -il 21 sena, u 17 huma barranin.
Tista' il-Ministru tgħid fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, xahar b'xahar, kemm kien hemm persuni li talbu l-għajnuna tas-servizzi tad-Detox? Kemm minnhom marru hemm għall-ewwel darba? Kemm kienu ta' nazzjonalita' barranija? Tista' tgħid ukoll kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Kemm kienet l-akbar eta' fil-każ ta' l-irġiel u tan-nisa? Tista' tagħti l-figuri komparattivi għas-sena li għaddiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ċentru Detox — Kura għal dawk li jabbużaw mid-droga
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm sewa lill-gvern il-kura għal dawk li jabbużaw mid-droga u li fittxew l-għajnuna tas-servizzi tad-Detox fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena? Tista' telenka l-mediċini jew kura li jingħataw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ispiża għat-tmexxija taċ-Centru Detox fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kienet ta' Lm28,309.
Il-maġġoranza kbira ta' dawk li jattendu dan iċ-Ċentru għandhom dipendenza ta' l-eroina u dawn jingħataw il-methadone. Wħud li jattendu ċ-Ċentru jkollhom problemi oħra ta' natura medika u dawn jingħataw dawk il-mediċini ndikati skond il-każ partikolari.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi learning packs fl-iskejjel sekondarji ta' l-Istat? Jista' jgħid minn min ġew sottomessi u kemm kienet kull offerta? Jista' jgħid jekk ġiex magħżul xi learning pack u jekk le, meta se jsir dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ħareġ sejħa għall-offerti għall-learning pack ta' l-Istudju Soċjali. Pack wieħed biss jiġi sottomess. Dan il-learning pack qed jiġi evalwat u għada ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni jekk hux ser jiġi adottat fl-iskejjel.
Informat ukoll li informazzjoni dwar kemm kienet l-offerta ta' dawn il-
packs
, hija ta' natura kummerċjali u għalhekk ma tistax tingħata f'dan l-istadju.
Dipartiment ta' l-artijiet — Applikazzjoni PA 0744/03
Question
Jista il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-art li fuqha hemm applikazzjoni PA 0744/03 fi Triq is-Sikka, Wied il-Għajn hijiex art tal-gvern /Joint Office jew le?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn riċerka magħmula mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern jirriżulta li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant u li tinsab fi Triq is-Sikka Wied il-Għajn, fil-fatt mhix art tal-Gvern jew tal-Joint Office. Jirriżulta pero' li fir-Reġistru tal-Artijiet din l-istess art hija rreġistrata bħala tal-Awtorita' tad-Djar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti b'diżabilita' fl-Universita', fl-MCAST, fil-junior college u fl-iskola għolja Giovanni Curmi? Jista' jgħid ukoll fl-istituzzjonijiet edukattivi hawn fuq imsemmija x'inhi l-popolazzjoni ta' l-istudenti kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-informazzjoni mitluba hija hekk :-
Skola Studenti b'diżabilita' Popolazzjoni
Universita' 86 9037
MCAST 70 3201
Junior College 7 2954
Giovanni Curmi 2 1090
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn dawk konċernati, b'mod partikolari tal-kap ta' l-iskola primarja ta' l-Għarb, fejn f'din l-iskola tifel mar l-iskola b'mus u dan b'periklu serju għat-tfal l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta l-kap ta' l-iskola kien infurmat minn student ieħor li tifel kien daħal b'mus il-Kap ta' l-iskola mill-ewwel widdeb lit-tifel konċernat u ikkonfiska l-mus. Il-ġenituri tat-tifel ġew infurmati bil-każ minnufih.
Jista' il-Ministru jgħid wara r-rapport tal-kumitat tal-Profs Lauri dwar l-Universita' u s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, x'azzjoni jew rapporti saru mill-Universita' jew mid-diviżjoni jew mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni? Jekk iva, jista' ipoġġi dawn id-dokumenti fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultalix li saru xi rapporti oħra fuq is-suġġett.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3610, jista' il-Ministru jgħid mil-lista mehmuża mat-tweġiba, f'kemm minnhom instabu affarijiet li ma jikkonformawx mal-linji gwida ta' l-ikel u xorb addattat għat-tfal? X'passi ttieħdu f'kull każ li kien hemm?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-ispezzjonijiet li jsiru minn Spetturi tas-Saħħa fi ħwienet u canteens fl-iskejjel jirrigwardjaw l-iġjene ta' l-istess ħanut jew canteen skond l-Att tas-Sigurta' fl-Ikel.
Rigward affarijiet li jinbiegħu minn dawn il-postijiet, u jekk dawn jikkonformawx mal-linji gwida ta' l-ikel u xorb adattat għat-tfal, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi tali Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni. Dan, fid-dawl li tali Dipartiment jagħmel kundizzjonijiet lill-operaturi ta' dawn il-postijiet, dwar x'ikel u xorb għandu jinbiegħ.