Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol qed tagħmel il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament? Meta daħlet taħdem u x'kien ix-xogħol oriġinali tagħha? Jista' jgħid ukoll x'inhu l-ħlas u l-benefiċċji li din il-persuna qed tieħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari numru 4376 imwieġba fit-8 ta' Marzu, 2004, Seduta numru 108.

Għaqdiet sportivi — Faċilitajiet sportivi

Question

Jista’ il-Ministru jghid liema huma dawk l-għaqdiet eċċ. li għandhom il-kirjiet kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4713 u li ma għandhomx il-ħlasijiet tagħhom regolari? Meta ħallsu l-aħħar u kemm hija s-somma li trid titħallas?

Response (GALEA, LOUIS)

Jidhirli li din il-Mistoqsija għandha tiġi rreferuta lill-Ministeru tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni għaliex il-ħlas taċ-ċnus u kirjiet isiri lill-Kummisarju ta' l-Artijiet.

Għaqdiet sportivi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk kienx hemm, f'dawn l-ahhar għaxar snin, mill-1994 sa din is-sena, fejn ġara li għaqda sportiva ma ħallsitx dak dovut minnha bħala kirja u għalhekk ma tħallietx tkompli tuża dawk il-faċilitajiet assenjati lilha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isports ma kellu l-ebda post mikri minnu lill-Għaqdiet Sportivi. B'hekk ma kien hemm l-ebda kera dovuta. Informat ukoll li hemm lista' ta' kredituri magħmula minn Għaqdiet Sportivi li sal-lum għadhom qed jagħmlu użu mill-faċilita' tal-Pixxina. Fil-futur hemm il-ħsieb illi Għaqdiet li għandhom kera dovuta jinżammu milli jidħlu.

Tipjip tat-tabakk

Question

Skond l-iskeda ta' l-Att dwar it-tipjip tat-Tabakk, jista’ il-Ministru jispjega liema huma kkonsidrati bħala 'postijiet oħra' f'dak li hemm f'numru.8 li tghid 'Bini u postijiet oħra fejn isir l-isport'?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li kull post fil-magħluq fejn jiġi pprattikat xi tip ta' sports, bħall-Pixxina Nazzjonali, gyms u postijiet simili huma koperti bl-Att dwar it-Tipjip tat-Tabakk imsemmija.

Tipjip

Question

Issa li l-Liġi dwar it-trażżin tat-tipjip ilha xahar minn meta daħlet fis-seħħ, jista’ il-Ministru jgħid jekk uffiċjali tad-dipartiment hux qegħdin iżuru postijiet biex jaraw li l-liġi qed tigi osservata kif ukoll li hemm espost b'mod ċar li ma jistax isir tipjip fejn dan huwa pprojbit? Ħadu passi biex il-liġi tkun effettiva?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm sa issa m'humiex isiru spezzjonijiet speċifiċi dwar il-Liġi referuta, uffiċċjali tad-Dipartiment waqt ix-xogħol tagħhom ta' spezzjonijiet li jsiru fuq bażi regolari, qegħdin jieħdu nkonsiderazzjoni l-osservanza għal tali Liġi, kif ukoll li jkun hemm espost b'mod ċar li ma jistax isir tipjip fejn dan ikun il-każ. Dwar tipjip fuq il-post tax-xogħol nissuġġerixxi l-Onor. Interpellant li jirreferi tali mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Occupational Health and Safety Authority.

Pulizija — Każi ta' omiċidju

Question

Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid kemm u liema huma l-każi ta'omiċidju, mill-1980 s'issa, fejn qatt ma tressqet persuna akkużata bi qtil? Meta kien sar il-qtil? F'kull każ, l-investigazzjoni qed titkompla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi sakemm il-każ ma jkunx solvut l-investigazzjoni tal-Pulizija tibqa' miftuħa.

Alcohol anonymous

Question

Tista’ il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4856 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' tgħid jekk jeżistux kuntatti bejn il-Ministeru tagħha jew it-taqsima li tieħu ħsieb dawk il-pazjenti li jabbużaw mill-alkoħol u l-Alcoholics Anonymous? X'għajnuna tingħata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Aġenzija Sedqa u l-Alcoholics Anonymous għandhom relazzjoni tajba ħafna bejniethom li ilha teżisti minn mindu twaqfet l-Aġenzija fl-1994. Bħalissa Sedqa qed tipprovdi akkomodazzjoni f'bini tagħha biex żewġ gruppi ta' l-Alcoholics Anonymous jiltaqghu filgħaxijiet. Ninsab infurmata wkoll li r-regolamenti ta' l-Alcoholics Anonymous ma jippermettux li tirċievi għajnuna finanzjarja minn kwalunkwe sors, ħlief mill-membri tagħha.

Skejjel — Ikel li jinbiegħ fl-iskejjel

Question

Peress li kelli ilmenti minn xi ġenituri rigward ikel xaħmi bħall-pizza mimlija żejt u ħobż bil-bajd u bacon moqli servut fl-iskola li isimha qed jinghata separatament, jista’ il-Ministru jara li ssir spezzjoni malajr kemm jista’ jkun u jara jekk dawn l-ilmenti jirrizultawx jew le?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.

Pulizija — Tipjip fil-pubbliku

Question

Issa li huwa magħruf b'mod xjentifiku li t-tipjip huwa ħażin għas-saħħa u nħarġu regolamenti biex jikkontrollaw it-tipjip, ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li tkun ħaġa tajba li membri ta' korp dixxiplinat bħal pulizija jagħtu eżempju u ma jpejpux fil-pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi membri tal-Korp tal-Pulizija m`humiex permessi li jpejpu waqt li jkunu bl-uniformi fil-pubbliku.

Eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC — Invigilators

Question

Issa li bdew l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC, jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' invigilators li jintużaw f'dawn l-eżamijiet? Jista' jgħid kemm minn dawn huma pensjonanti? Jista' jgħid ukoll kemm mit-total huma ex għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet fi 2004, uża madwar 400 invigilators fl-eżamijiet tal-MATSEC. Madwar kwart minnhom huma persuni li għandhom iktar minn 60 sena. Ma tistax tingħata informazzjoni aktar preċiża dwar pensjonanti u ex -għalliema, minħabba li din l-informazzjoni bdiet tinġabar biss riċentament. Sa ftit taż-żmien ilu d-Dipartiment kien jiddistingwi biss bejn persuni li ġejjin mis-settur pubbliku u oħrajn mis-settur privat.

Eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC — Invigilators

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'taħriġ ingħata din is-sena lil dawk li jagħmluha ta' invigilators fl-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC? Kemm hemm li se jkunu l-ewwel darba li jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet din is-sena bħal fi snin imgħoddija, sejjaħ laqgħat għal dawk il-persuni li qed iservu kemm bħala supervisors u invigilators. F'dawn il-laqgħat ġew spjegati l-iktar punti importanti li wieħed għandu joqgħod attent għalihom meta iservi ta' supervisor jew invigilator. Tqassam ukoll ktejjeb li jispjega f'hiex jikkonsistu d-dmirijiet u r-responsabilitajiet ta' kull supervisor jew invigilator. Din is-sena ġew użati madwar 45 persuna (minn total ta' madwar 400 invigilators, jiġifieri 11 fil-mija tat-total) li għamlu dan ix-xogħol għall-ewwel darba. Dawn tqassmu bejn 22 ċentru li fihom qed isiru l-eżamijiet tal-MATSEC.

Eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC — Invigilators

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm jitħallsu l-invigilators li jissorveljaw lill-istudenti li jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC? Kemm huwa stmat li l-Gvern se jħallas b'kollox għall-eżamijiet li qed isiru bħalissa? Kemm huwa l-ħlas kull siegħa?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Siġġiewi — Skola primarja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-iskola primarja tas-Siġġiewi, wara li għadhom kemm tellgħu sular ieħor fuq dak eżistenti u allura komplew fuq l-istil antik ta’ l-iskola, issa li ġew għall-aperturi jien informat li dawn se jsiru ta’ l-aluminium? Jikkonferma l-Ministru li kienu diġa` bdew jinżebgħu l-aperturi l-antiki tas-sular ta' isfel iżda f'daqqa waħda ġiet xi ordni biex dawn ukoll jinqalgħu ħalli minflokhom isiru aperturi ta’ l-aluminium? Jista’ jgħid jekk dan kollu hux isir bil-permess tal-MEPA? Ma jaħsibx ukoll li dan kollu huwa ħela ta’ flus?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-aperturi ta' l-iskola Primarja tas-Siġġiewi ser jinbidlu u jitwaħħlu oħrajn ġodda ta' l-aluminium kulur aħdar, double glazed bi ħġieġ laminat kif titlob il-prassi f'bini pubbliku. Huwa minnu li kienu diga' bdew jinżebgħu xi aperturi antiki, meta sar evidenti li ħafna minnhom kienu fi stat ħażin ħafna. Barra minn hekk, ma kienx possibli li jinbidel il-ħġieġ antik għal ħġieġ laminat. F'dan l-istadju ittieħdet id-deċiżjoni li l-aperturi jinbidlu għal ta' l-aluminium. Il-permessi li ħarġet il-MEPA għall-estenzjoni ta' l-iskola kienet tinkludi permess li l-aperturi jsiru ta' l-aluminium. Għaldaqstant, dan l-intervent ser jirriżulta f'li l-aperturi kollha ikunu pariġġ. Billi l-aperturi kienu fi stat li ma setgħux jissewwew, ittieħdet id-deċiżjoni li jinbidlu għal aluminium, li huwa irħas milli kieku dawn saru mill-ġdid ta' l-injam. Sabiex intejbu l-ambjent intern, ġie deċiż li dawn isiru double glazed, filwaqt li l-ħġieġ sejjer ikun laminat għal raġunijiet ta' saħħa u sigurta'.

Kumitat olimpiku Malti — għajnuna finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4714 u cioe' jista' jgħid kemm kienet l-għajnuna finanzjarja minn naħa tal-gvern lill-kumitat olimpiku Malti f’dawn l-aħħar erba’ snin? Jista jgħid jekk il-gvern għandux informazzjoni dwar liema kienu dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn l-għotjiet? Jekk iva, jista’ jgħid liema kienu u kemm ħadu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond ir-rekords miżmuma mid-Dipartiment ta' l-Isports, li issa ġie assorbit fil-Kunsill Malti għall-Isports, l-għajnuna mill-Gvern lill-Kumitat Olimpiku Malti kienet kif ġej : 2000 Lm 125,000 2001 Lm 157,000 2002 Lm 137,000 2003 Lm 200,000 Dawn l-ammonti informat li jinkludu valur ta' sħubija mogħtija lil numru ta' atleti fil-ġimnasju u għotjiet speċifiċi oħra. Iva l-Gvern ġie mogħti t-tagħrif dwar liema kienu dawk l-għaqdiet li ibbenifikaw minn dawn l-għotjiet. Iżda, peress li l-għotjiet li ngħataw jinkludu wkoll fondi li ġejjin minn sorsi mhux governattivi tal-Kumitat Olimpiku Malti, ser inpoġġi l-lista tal-għaqdiet konċernati fuq il-Mejda tal-Kamra mingħajr l-ammonti.

School development meetings — Facilitators/kindergarten assistants

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-facilitators u l-kindergarten assistants qed jitħallew barra mill-ischool development meetings li jsiru tlett darbiet fis-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kurrikulu Nazzjonali jagħmilha ċara li biex skola jkollha pjan ta' żvilupp kif suppost jeħtieġ li kull min hu nvolut fl-iskola jkun qed jieħu sehem fid-diskussjoni, t-tifsil u t-twettiq tal-pjan. Hu dmir tal-Kap li jara li t-Tim edukattiv kollu - għalliema, assistenti tal-kindergarten u facilitators kif ukoll ġenituri iħossuhom parti mill-iżvilupp kontinwu ta' l-iskola.

Edukazzjoni inklussiva

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħmlu l-istudju dwar proposti jew bidliet fl-edukazzjoni inklussiva? Jista' jgħid fiex waslet il-ħidma tagħhom u meta hu maħsub li dan ir-rapport isir pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Ir-review f'dan is-settur għadu ma bedhiex. It-termini ta' referenza huma lesti u dawn saru wara proċess ta' konsultazzjoni ma' diversi awtoritajiet u esperti fl-għalqa. Fl-istess ħin qed nevalwaw min għandhom ikunu n-nies li jiffurmaw parti minn dan ir-review. Huwa mportanti li min jagħmel din ir-review jikkontribwixxu b'mod oġġettiv f'dan l-eżerċizzju.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Part-time clerks

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm part-time clerks mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid ukoll fejn qegħdin jaħdmu u x'inhuma l-kondizzjonijiet tagħhom? Jista' jgħid kemm hemm li jaħdmu extra hours jekk il-każ huwa hekk?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm bħalissa 147 skrivani part-time, li jinsabu mqassma fuq xogħol klerikali fid-diversi skejjel primarji, sekondarji Junior Lyceums ta' l-istat. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma kif spjegati fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet li jiġu ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern minn żmien għal żmien. L-iskrivani part-time jaħdmu bejn 20 u 25 siegħa fil-ġimgħa, fil-ħinijiet tal-iskola. Huma intitolati għal-leave bi ħlas u leave għal-mard, benefiċċji oħra bħal leave għal-maternita', kif ukoll għal bonus annwali, l-ħlas supplimentari ta' kull ġimgħa fuq bażi prorata u f'każ li jlaħħqu 1040 siegħat fis-sena, jingħataw l-increments. L-ingaġġ tagħhom huwa ta' natura temporanja, u huma ma jaħdmux matul il-vaganzi, kollha jew parti, ta' l-iskola. F'każ li jkun hemm il-ħtieġa, Kap ta' l-iskola jista' jitlob sabiex jingħata l-permess biex iħaddem skrivan part-time 'extra hurs'.

Nies li qed jiġu kkurati minħabba abbuż ta' alkoħol

Question

Tista’ il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4855 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' tgħid fil-preżent kemm hemm nies li qed jiġu kkurati minħabba abbuż ta’ l-alkoħol? Tista’ tgħid kemm minnhom huma nisa? Kemm minnhom għandhom bejn id-19 u l-25 sena? Kemm minnhom huma taħt it-18–il sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentament l-Aġenzija Sedqa għandha 110 klijenti li qed jikkuraw ruħhom mill-abbuż ta' l-alkoħol, li minnhom 34 huma nisa. In-numru ta' klijenti bejn id-19 u l-25 sena hu 8, filwaqt li hemm persuna waħda taħt it-18-il sena.

Belt Valletta — Skola primarja ta' Sant'Iermu - komunikazzjoni permezz ta' e-mail

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta’ network li huwa meħtieġ għall-komunikazzjoni permezz ta’ l-email fl-iskola primarja ta’ Sant’ Iermu fil-Belt Valletta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol tan-network li hu meħtieġ għal komunikazzjoni permezz ta' l-email fl-iskola Primarja ta' Sant'Iermu fil-Belt Valletta kien komplut f'Ġunju tas-sena 2003.

Kunsill Malti għall-Isport

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm issellef flus il-kunsill Malti għall-isport mit-twaqqif tiegħu minn wara li għaddiet il-liġi dwar l-isport? Jekk fl-affermattiv, x’kien l-iskop għal dan is-self?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Sports bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi issellef Lm250,000 fil-bidu ta' din is-sena. L-iskop tas-self kien biex jitħallsu l-kredituri li kellha il-Pixxina Nazzjonali qabel ġiet mogħddija lill-Kunsill Malti għall-Sports u l-kredituri tad-Dipartiment ta' l-Sports qabel ma' ġie xolt.