Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt bil-mod kif qed isiru l-lezzjonijiet ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji? Jista’ jgħid jekk dawn il-lezzjonijiet hux qed isiru kif suppost? Jista’ jgħid liema huma dawk l-iskejjel primarji u sekondarji li m'għandhomx faċilitajiet adegwati għal dawn il-lezzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika id-Dipartiment tal-Kurrikulu ma' rċieva ebda ilment dwar il-mod kif qed isiru l-lezzjonijiet ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji.
L-għalliema fil primarji qed jingħataw l-appoġġ ta' 21 għalliem peripatetiku li jżuru l-iskejjel u jagħtu lezzjonijiet skond skeda li titfassal fil-bidu tas-sena. Għalliema oħra ta' l-edukazzjoni fiżika huma
Activity Teachers
.
Informat ukoll li din is-sena, id-Dipartiment tal-Kurrikulu ma' rċieva l-ebda tagħrif li f'xi skola primarja jew sekondarja m'għandhomx il-faċilitajiet adegwati għal dawn il-lezzjonijiet. Kien hemm ilment wieħed dwar il-wiċċ lixx tal-bitħa fi skola primarja.
B'danakollu nemmen li hemm ħafna aktar x'isir biex it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna japprezzaw aħjar il-benefiċċju ta' l-edukazzjoni fiżika. Jiena qed nappoġġa lill-kunsill Malti għall-Sports fil-ħidma tiegħu biex ixettel l-imħabba għall-sports sa minn eta bikrija fit-tfal.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa għalliema ta' l-Edukazzjoni Fizika fl-iskejjel primarji u sekondarji separatament? Kemm minn dawn jgħallmu f'aktar minn skola waħda? Kemm huma nisa u kemm irġiel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel primarji hemm 14 Activity Teacher ta' l-edukazzjoni fiżika li 12 minnhom huma rġiel u 2 nisa.
Informat ukoll li fl-iskejjel sekondarji hemm 94 għalliem ta' l-edukazzjoni fiżika b' 51 huma rġiel u 43 huma nisa. Minn dawn hemm 4 li jgħallmu f'aktar minn skola waħda.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-ħaddiema tal-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada kemm dawk full-time kif ukoll part-time? X'xogħol qed jagħmlu u kemm hu l-ħlas tagħhom? Jista' jgħid ukoll jekk għandhomx benefiċċji oħra? Jekk iva, x'inhuma dawn il-benefiċċji u min qed jibbenefika minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pulizija — Investigazzjonijiet dwar frodi fit-tlugħ tal-lotterija tar-riċevuti fiskali
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni tal-pulizija dwar il-frodi li kien allegat li kien qed isir fit-tlugħ tal-lotterija ta' l-irċevuti tal-VAT?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kienu nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra diversi persuni, liema proċeduri għad m'humiex konklużi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-Gvern mill-VAT fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena il-Gvern daħħal is-somma gross ta’ Lm57,849,928 mill-VAT li minnhom tħallas ammont ta’ Lm8,599,755 f’refunds. Id-dħul nett għalhekk kien Lm49,250,173.
Stallazzjoni ta' apparat minħabba dħaħen tas-sigaretti
Question
Jista’ il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4988 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' u cioe' jista' jgħid x'inhu u kif jaħdem l-apparat li jrid jiġi stallat minn ristoranti, ħwienet, eċċ., minħabba dħaħen tas-sigaretti? Jista’ jgħid jekk il-Malta Standards Authority ħarġitx speċifikazzjonijiet fuq dan l-apparat? Il-GRTU għamlet xi suġġerimenti speċifiċi fuq dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Malta Standards Authority ġiet mitluba tistabbilixxi standards ta' arja nadifa u mhux standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-apparat illi jnaddaf l-arja.
Jista' il-Prim Ministru jgħid, issa li tneħħiet il-levy mill-inbid prodott fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, x'se jsir biex dan ir-roħs jiġi rifless fil-prezzijiet li jżommu għall-inbid ir-ristoranti, bars, eċċ.? Jista' jgħid jekk dawn jaqgħux taħt il-kontroll tal-prezzijiet anke fil-każ ta' prodotti oħra bħal birer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif kien wiegħed dan il-Gvern, it-tneħħija tal-levies wasslet għal tnaqqis f’diversi prodotti u dan għall-benefiċċju tal-konsumatur. Billi l-prezzijiet li jikkonċernaw bejgħ ta’ xorb fir-ristoranti, bars etċ jaqa’ taħt ir-responsabbilità ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda lil Ministru responsabbli mit-Turiżmu.
(Tweġiba mogħtija: 30/06/2004PM)
(Seduta Numru: 145)
Dipartiment tal-Lottu Pubbliku — Infiq ta' flus fuq logħtob
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid fl-ewwel erba' xhur tas-sena, minn Jannar sa April separatament, kemm intlagħbu flus fil-lottu tas-Sibt, fis-Super 5 u fit-Tiritombla?
Kemm kien ir-rebħ li s'issa ġie msarraf għall-istess żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Birkirkara — Skola Vincenzo Borg Brared - suġġett tal-Home Economics
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Vincenzo Borg Brared ta' Birkirkara, is-suġġett tal-Home Economics qed jiġi mgħalleim mingħajr m'hu qed issir il-prattika iżda bit-teorija biss? Jaf li xi persuni mill-korporazzjoni għax-xogħol u taħriġ meta żaru din l-iskola kkummentaw fuq dan il-fatt u qalu li jista' ikun hemm konsegwenzi fuq il-futur tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li fil-bidu tas-sena skolastika beda xogħol fil-blokk li kien hemm fih laboratorji tat-teknoloġija, laboratorju tal-Home Economics u ieħor tal-Crafts. Fil-frattemp, il-lezzjonijiet kienu teoriċi biss. Kienu jsiru xi demostrazzjonijiet ħfief tal-Home Economics imma naturalment minħabba raġunijiet ta' saħħa u sigurta' qatt ma sar tisjijr fil-klassijiet. Biex l-istudenti ta' Form 5 għamlu l-Matsec tal-Home Economics, ġiet użata il-faċilita' tal-Junior Lyceum Imrieħel li ġentilment taw l-faċilita' tal-laboratorju tal-Home Economics tagħhom.
Informat ukoll illi malli jitlesta x-xogħol f'dan il-blokk, il-qagħda tiġi għan-normal.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4993, jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-attivitajiet li l-ispejjeż għalihom se jsiru mill-privat? Jista' jgħid ukoll min hu dan il-privat u kemm huma dawn l-ispejjeż?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor interpellant li kien hemm numru estensiv ta' attivitajiet biex ifakkru s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea b'inizzjattiva tas-settur privat. Ma kienx kompitu tal-Gvern li jżomm id-dettalji ta' kull min b'xi mod iċċelebra dan l-avveniment. Għalhekk la mhux organizzati minn fondi pubbliċi, il-Gvern m'għandux il-jedd jitlob lill-privat jinfurmaħ x'intefaq f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4990 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu u cioe'jista' jgħid kemm hemm operaturi ta' tuck shops, canteens, etc., fl-iskejjel li matul dawn l-aħħar ħames snin separatament nstab li kienu qed ibiegħu prodotti ta' l-ikel u xorb li ma kienux tajbin għat-tfal jew ma kienux skond l-ikel u xorb rakkomandat? X'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-bejgħ ta' prodotti ta' ikel u xorb fit-tuckshops fl-iskejjel huwa regolat mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-kiri tat-tuckshops. Il-Kapijiet ta' l-iskejjel huma fid-dmir li jirrapurtaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni xi nuqqasijiet li jista' jkun hemm fil-bejgħ ta' prodotti kif ukoll dwar iġjene.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 4989, eżattament l-aħħar parti, li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u cioe'fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika nstab xi ħadd li ma kienx qed jipprovdi ikel u xorb kif suppost fit-tuck shops ta' l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat illi fl-ewwel term ta' din is-sena skolstika ma sar l-ebda rapport lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni illi xi ħadd mill-operaturi tat-tuckshops fl-iskejjel ta' l-istat ma kienx qed jipprovdi ikel u xorb kif suppost, cioe' kif stipulat fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-kiri ta' tuckshops fi skejjel statali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk instabx post alternattiv sabiex iservi bħala uffiċċju għall-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li għalkemm s'issa għadu ma nstab l-ebda post alternattiv sabiex iservi bħala uffiċju għal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, qed jiġi konsidrat użu ta' propjeta' tal-gvern li ser tiżvojta dalwaqt.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fit-30 ta'April 2004 kemm kien hemm inkjesti li għadhom ma ngħalqux quddiem kull maġistrat? Kemm ilha miftuħa l-aktar inkjesta quddiem kull maġistrat? Jista’ jagħti n-numru għal Qorti f'Għawdex? Liema huma l-maġistrati li bħalissa qed jagħmlu wkoll xogħol f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħaddiema fl-iskola primarja ta' Tal-Pieta' mhux se jitħallew jipparkjaw aktar fi spazju provdut lilhom u dan minħabba li l-awtoritajiet tas-saħħa mhux se jippermettu li dan isir? Jaħseb il-Ministru li dan se jkun ta' inkonvenjent anke minħabba li wħud minnhom huma facilitators u kindergarten assistants?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-deċiżjoni dwar il-parkeġġ għada qegħda tiġi diskussa.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk issa, li pajjiżna huwa membru ta' l-Unjoni Ewropea, it-taxxa fuq il-biljetti ta' l-ajru li joriġinaw minn pajjiżna humiex illegali minħabba li anke huma diskiminatorji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jirriżulta li, minħabba l-fatt li mhux qed isir diskriminazzjoni fin-nazzjonalità tal-passiġġieri nvoluti, is-sistema kurrenti la hi diskriminatorja u lanqas illegali.
Eżamijiet tal-MATSEC u SEC — Żbalji fil-karti ta' l-eżamijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti li fl-eżamijiet tas-SEC u l-Matsec, fost l-oħrajn fil-fiżika u l-matematika fil-livell SEC u fil-pure maths fil-livell tal-Matsec, li kien hemm siltiet li kienu barra mis-sillabu kif ukoll li kien hemm xi żbalji li wasslu sabiex il-karta, jew aħjar biċċiet minnha ma setgħetx tinħadem? Min ser jimmarka l-karti ser jagħti każ ta' dawn l-affarijiet hawn fuq imsemmija anke minħabba l-fatt li l-istudenti huma demoralizzati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawn ġew investigati. Jirriżulta, fost l-oħrajn, li fil-Fiżika u l-Matematika fil-livell tas-SEC ma kienx hemm mistoqsijiet jew partijiet ta' mistoqsija li kienu barra mis-sillabi u lanqas ma kien hemm żbalji. L-istess jirriżulta fil-Matematika Pura fil-livell avvanzat, filwaqt li fil-livell intermedju kien hemm kontestazzjoni dwar il-validita ta' parti ta' mistoqsija fuq integration by substitution, li mhix eskluża mis-sillabu. Bħala regola kull bord ta' eżaminaturi jimxi fuq skema ta' l-immarkar imfassla minn qabel iżda jagħtu kas ukoll ta' tweġibiet mhux mistennija.
Tista' il-Ministru ġentilment tgħid meta se jkunu lesti l-flats tal-Qawra minn block C1 sa C6 maħruġa mill-awtorita' tad-djar? Meta se jkunu ffirmati l-kuntratti u meta se jingħataw iċ-ċwievet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-proġett indikat mistenni jitlesta bejn Settembru u Ottubru 2004. Mill-44 appartament li nħarġu għall-bejgħ, l-Awtorita' tad-Djar diġa ffinalizzat 32 kuntratt. Ovvjament iċ-ċwievet jingħataw meta l-proġett ikun lest.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx għalliem tat-Technical Design fil-Liċeo Vassalli tal-Ħandaq? Fin-nuqqas ta' dan l-għalliem, min qed igħallem dan is-suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola tal-Ħandaq - Liceo Vassalli hemm erba' għalliema tat-Technical Design u bħalissa ma hemm ebda nuqqas ta' għalliema fis-suġġett.