Legislature:
Category:
Reset
Active:

Universita' — Kors tal-Liġi

Question

Jikkonferma l-Ministru li mis-sena akkademika li jmiss ma jkunx għadu rekwiżit l-Ingliż fil-livell avvanzat għad-dħul fil-kors tal-Ligi? Meta ttieħdet din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ir-rekwiżiti preżenti, applikabbbli minn Ottubru 2004 kienu ppublikati b'Avviż Legali 36 ta' l-2002 u jistabilixxi li biex student jidħol fl-ewwel kors tal-Liġi - Baccelerat fil-Liġi - jrid "jgħaddi f'żewġt suġġetti fil-Livell Avvanzat bi grad C jew aħjar magħżula mill-Gruppi 1,2,3 jew fil-Computing/Information Technology (Gruppp 4) ta' l-Eżami għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola". Dan sar biex jippermetti li l-istudenti jkollhom aktar għażla wiesgħa ta' suġġetti li jistgħu jistudjaw flimkien mal-liġi fil-kors. Informat ukoll li għad-dħul fit-tieni kors tal-Liġi (LL.D) l-istudenti irid ikollhom ukoll ċertifikat li għaddew fl-Ingliż u fil-Livell Intermedjarju jew ogħla.

Eżami tas-SEC tal-lingwa Ingliża

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk fl-eżami tas-SEC ta' l-Ingliż f'Paper A, il-komponiment tnaqqas għal bejn 320 u 350 kelma waqt li dik ta' Paper B tnaqqsu għal bejn 180 u 200 kelma? Ma jaħsibx li dan ibaxxi l-livell ta' l-Ingliż? X' kien l-iskop wara din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sena skolastika 2004-2005

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk ġiex deċiż in-numru ta' ġranet (jew sigħat) ta' skola għas-sena skolastika li jmiss u meta se jkun hemm il-vaganzi tal-mid-term?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' ġranet ta' skola għas-sena skolastika li jmiss huwa ta' 173 ġurnata u n-numru ta' sigħat hu 902.00. Informat ukoll li l-vaganzi tal-mid-term huma mill-1 ta' Novembru 2004 sat-3 ta' Novembru 2004.

Paceville — Żgħażagħ taħt l-eta' fi stabbilimenti tax-xorb

Question

Peress li kelli ilmenti li f'Paceville kmieni wara nofsinhar il-Ħadd qed ikun hemm numru ta' żgħażagħ, anke ta' 13 u 14-il sena li jkunu qed jixorbu l-alkoħol f'bars fl-inħawi, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-pulizija tagħmel ir-ronda wkoll f'dawn il-ħinijiet speċjalment bejn is-2.00 p.m. u l-5.00 p.m.?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tkompli tagħmel ronda kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Skejjel tas-sajf

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk meta xi grupp jew organizzazzjoni, li mhux skola liċenzjata, jorganizza skola tas-sajf, għandux l-ewwel japplika għal liċenzja biex topera bħala tali? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm li applikaw biex joperaw fis-sajf li ġej?

Response (GALEA, LOUIS)

Nifhem li l-Onor. Membru qed jirreferi għal skejjel tas-Sajf privati. Għalkemm il-programmi ta' l-iskola sajf ma jifformawx parti mill-istess proċess ta' l-edukazzjoni obbligatorja, u allura t-tfal jintbagħtu fihom skond id-deskrizzjoni u l-għażla tal-ġenituri, l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għandu interess isegwi l-iżvilupp ta' dawn il-prorammi biex naraw li l-programmi huma validi edukativament. Għalkemm s'issa dawn l-iskejjel mhux qed jiġu liċenzjati, ġie miftiehem mal-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi li min irid jopera Skola Sajf privata, u jkun rikonoxxut mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, għandu jinforma lil dan il-Ministeru billi jimla formola apposta ta' reġistrazzjoni. Il-formoli jinsabu mill-uffiċju tal-Customer Care tal-Ministeru fil-Floriana . Ser issir ukoll stqarrija pubblika f'dan is-sens. Il-materja li fost oħrajn li qed jiġi diskussi fil-kuntest ta' tibdil fl-Att dwar l-Edukazzjoni.

Skejjel tas-sajf — Ħlas ta' 18% VAT

Question

Peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Kummissjoni Elettorali — Każ dwar votazzjoni

Question

Jista’ il-Prim Ministru jara li tiġi rranġata l-istramberija li membri ta' familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li joqogħdu fl-istess dar jivvotaw f’lokalitajiet differenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jgħid lil persuni konċernati biex javviċinaw lill-Kummissjoni Elettorali dwar il-każ.

Festi ċentinarji f'ġieħ Santa Katerina — Ħruġ ta' sett bolol

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-awtorita` konċernata rċevitx talba sabiex għas-sena d-dieħla fil-festi ċentinarji f’ġieħ Santa Katerina jinħarġu sett bolol tifkira ta' dan l-avveniment? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista’ jgħid fiex waslet din it-talba u jekk ġietx milqugħa jew le?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord li jagħti pariri dwar disinn tal-bolli rċieva talba biex il-festi ċentinarji f'ġieħ Santa Katerina jkunu mfakkra s-sena d-dieħla bil-ħruġ ta' bolla jew bolli. Din it-talba għad trid tiġi evalwata mill-Bord, flimkien ma' diversi talbiet oħrajn, meta jkun qed jitfassal il-programm għall-ħruġ ta' bolli għas-sena d-dieħla.
Leg 10 PQ #6310 Sitting 148 2004-07-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunsill nazzjonali għall-kultura u arti — Konkors kitba għall-palk

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4871, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kif intagħżlu d-drammi ġodda qosra bil-Malti li se jkunu fil-festival imsemmi u li se jifforma parti mill-Festival ta’ l-Arti li se jinżamm matul is-sajf li ġej? Jista’ jghid jekk saritx sejħa pubblika, sew għall-kittieba tad-drammi u sew għall-kumpaniji li se jeħduhom? Jista’ jgħid ukoll x’arranġamenti finanzjari saru biex dan il-festival ikun jista’ isir u xi ħlasijiet se jingħataw lill-awturi tad-drammi u lill-kumpaniji magħżula?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bħala waħda mill-attivitajiet kulturali għas-sajf 2004 il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti nieda festival ta' produzzjonijiet minn gruppi teatrali Maltin. Dan il-festival bl-isem ta' DramaFest se jsir bejn il-5 u l-10 ta' Awissu fiċ-Ċentru għal Kreativita`, Kavallier ta' San Ġakbu. Ta' min jgħid li dan il-festival mhuwiex jissostitwixxi l-Konkors Kitba għall-Palk Premju Francis Ebejer iżda qed jagħti opportunita` lill-gruppi teatrali sabiex juru produzzjonijiet oriġinali tagħhom. Il-gruppi ġew magħżula wara li saret sejħa fost gruppi magħrufa fil-qasam tal-produzzjonijiet teatrali li normalment jesperimentaw b'idjoma innovattiva. Saret ukoll laqgħa, forma ta' intervista, mal-parteċipanti kollha li applikaw sabiex jiġi diskuss il-proġett. Il-Grupp Organizzattiv se jipprovdi t-teatru, l-użu tad-dawl u sound system, kif ukoll nies tekniċi. Kull kumpanija magħżula tingħata Lm 300 bħala kumpens għall-produzzjoni finali.
Leg 10 PQ #6311 Sitting 148 2004-07-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Xogħol ta' drama bil-Malti — Programm Cultural Support

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4871 għal dik il-parti tat-twegiba fejn il-Ministru qed jgħid li l-kunsill qed jipprovdi għajnuna finanzjarju u teknika lil xogħol ta’ drama bil-Malti fil-programm hekk imsejjaħ Cultural Support, jista’ il-Ministru jespandi aktar fiex tikkonsisti din l-iskema, kif u min qed iħaddimha, kif jintagħżlu x-xogħlijiet tad-drama bil-Malti li jibbenefikaw minnha, liema huma dawk id-drammi li s'issa bbenefikaw u kif ibbenefikaw?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Universita' — Eżamijiet tal-MATSEC u tas-SEC

Question

Jista’ il-Ministru jara li wara li jkunu saru l-eżamijiet tal-MATSEC u SEC, il-karti ta' kull suġġett ikunu fuq il-website ta' l-Universita' jew fuq website apposta biex b' hekk għalliema jkunu jistgħu jaraw x' ikun ħareġ u dan speċjalment peress li hemm karti li l-istudenti jiktbu fuqhom u b'hekk ma jittieħdux id-dar? Għalkemm wara xi xhur dawn jiġu ppublikati fi ktejjeb għal kull suġġett, ma jaħsibx li jkun aħjar li jidhru fuq website b'mod immedjat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa l-Bord tal-Matsec jippubblika l-karti kollha ta' l-eżamijiet tas-Sec u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola mar-rapporti ta' l-eżaminaturi u jibgħat kopji fl-iskejjel u fil-libreriji pubbliċi tal-Belt, il-Floriana, Victoria u l-librerija ta' l-Universita'. Filwaqt li mhix il-prattika li l-karti jidhru fuq il-websiteperess li l-karti kollha jkunu ippublikati mill-Universita' u jitqassmu għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba, ser ngħaddi s-suġġeriment lill-grupp li qed jagħmel l-analiżi kritika fuq is-sistema tal-MATSEC għall-konsiderazzjoni tagħhom.

Universita' — Eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għaliex fl-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC tal-Letteratura Ingliża hemm kotba li jibqgħu bħala texts għall-eżami għal snin sħaħ? Jista’ jgħid kif jintgħazlu l-kotba għal dan is-suġġett? Ma jaħsibx li kotba bhal Lord of the Flies'ta Golding jew Dr. Jekyll u Mr. Hyde ta' R.L. Stevenson issa għadda zmienhom u jistgħu jinstabu kotba aktar moderni?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Ikel u xorb li jinbiegħ fit-tuck shops

Question

Peress li qed ikolli diversi lmenti minn ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom fid-diversi skejjel ta' l-istat, privati u tal-knisja, fejn dawn jilmentaw minn ikel u xorb li jevitaw id-dar, iżda li jinbiegħ f'tuck shops u canteens ta' l-iskejjel, jista’ il-Ministru jgħid għaliex minflok linji gwida ma toħroġx ordni biex ċerti ikel, xorb u ħelu ma jkunux jistgħu jinbiegħu? Ma jaħsibx li dan jgħin bil-kbir biex jevita l-obesita' fit-tfal u b'hekk jgħin inaqqas l-ispiża fil-kura?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Tfal li jbatu minn obesita

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li matul din is-sena finanzjarja jintnefaq fuq kura minħabba obesita' fi tfal? Isiru taħditiet fl-iskejjel għall-għalliema u studenti minn esperti tan-nutrizzjoni? Jekk fl-affermattiv, fejn saru u meta matul din is-sena skolastika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Saħħa — Mard ta' l-obesita'

Question

Jista’ il-Ministri jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa u dak tal-kunsilli lokali jkollhomx kuntatti regolari dwar mard li jaffettwa l-komunita' bħal l-obesita'? Isiru taħditiet fil-komunita' għall-ġenituri u mexxejja fil-komunita' dwar dan? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fejn u meta saru minn Jannar sa l-aħħar ta' Mejju ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tas-sajf

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x' kontroll jinżamm mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni biex jiġi żgurat li l-iskejjel kollha li jorganizzaw skejjel fis-sajf jitmexxew kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa m'hemmx regolamenti dwar l-iskejjel tas-Sajf. L-għażla li jintbgħatu t-tfal fihom hija fid-diskrezzjoni tal-ġenituri. Il-MEPA tirregola u tinforza fuq kull binja fl-użu taghħa inklużi dawk skop edukattiv. L-iskejjel ta' l-Istat li jipprovdu Skola Sajf huma sorveljati mid-Dipartiment għas-Servizz ta' l-Istudent u Relazzjoni Internazzjonali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. A.L.60 ta' l-1996 jirregola skejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija.

Belt Valletta — Bastjun ta' Santa Barbara - ħsara lis-siġar

Question

B'riferenza għall-massakru tas-siġar li għandhom mijiet ta' snin fuq il-Bastjun ta' Santa Barbara, il-Belt, fejn kellu jintervjeni l-Prim Ministru wara protesti mir-residenti biex titwaqqaf il-ħsara li kienet qed issir, kif ukoll il-massakru fuq linji simili li qed issir bħalissa fil-Buskett fuq siġar protetti b'detriment għas-siġar infushom kif ukoll għall-għasafar indiġeni li jbejtu fihom f'dan iż-żmien tas-sena u għalhekk bi ksur tad-Direttiva ta' l-Għasafar ta' l-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jispjega lill-Kamra lil min jirrapporta l-Konsorzju li qed iwettaq dawn il-massakri? Jista' ukoll il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tal-flus li qed jingħataw mill-gvern lil dan il-Konsorzju u kif qed jintnefqu dawn il-flus tal-poplu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-konsorzju, Embellishment Landscaping Consortium, jirraporta direttament lill-Monitoring Board li twaqqaf apposta mill-Gvern. Dan il-Bord għandu fi ħdanu unit ta' esperti li kien responsabbli mix-xogħol anke qabel twaqqfet il-Public Private Partnership. Rigward is-siġar tas-Sur ta’ Santa Barbara, nassigura li mhux minnu li twettqu xi 'massakri' kif imsemmi mill-Onor. Interpellant. Iż-żbir li sar, għad li jidher ikrah, sar mingħajr ebda ħsara lis-siġar. Rigward iż-żbir tas-siġar tal-Buskett, jien infurmat li saru laqgħat għal koordinazzjoni aħjar bejn il-Malta Environment & Planning Authority (MEPA) u l-Monitoring Board, dejjem sabiex filwaqt li jsir ix-xogħol meħtieġ, dan isir fl-ambitu ta' l-Avviż Legali Nru. 12 ta' l-2001. Infatti sar qbil li jkun hemm Memorandum of Understanding bejn il-MEPA u l-Monitoring Board li jiddefinixxi l-kontrolli u l-implementazzjoni meħtieġa. Fis-sena 2004 il-flus allokati mill-Gvern lill-Public Private Partnership huma ta' Lm2,491,000, li minnhom Lm 2.3 miljun imorru għas-salarji, bonuses, national insurance, etc, u l-kumplament jintefqu fil-proġetti li qed jiġu mfaħħra minn kullħadd.

Arkivji u libreriji

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra meta se titwettaq ir-riforma fl-Arkivji u l-Libreriji msemmija minnu diversi drabi, fosthom kif rappurtat f'The Times, tat-3 ta' Awissu 1999, paġna 12, kif ukoll fid-diskors tal-President mit-Tron fil-bidu ta' din il-leġislatura?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-abbozzi ta' żewġ liġijiet diġa ġew diskussi fil-Kabinett u ntbagħtu lura għal rikonsiderazzjoni fuq numru ta' punti, beħsiebni nuża x-xhur tas-sajf biex ix-xogħol fuqhom mid-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji u l-Ministeru jitlesta biex jerġgħu jintbagħtu lill-Kabinet għall-konsiderazzjoni tiegħu.

Drama Unit

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent min qed imexxi d-Drama Unit? Jista' jgħid ukoll x'ħidma qed iwettaq dan l-istess unit? Kemm hemm persuni jaħdmu f'dan il-unit? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-politika tal-gvern għad-Drama Unit?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna li qed tmexxi d-Drama Unit hija s-Sur John Suda, Uffiċjal Edukattiv fid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Ilu jmexxi dan il-Unit għal dawn l-aħħar tmien snin. Id-Drama Unit ipproduċiet programmi teatrali fl-edukazzjoni bl-isem ta' Theatre in Education (T.I.E.). Tnejn minn dawn il-prorammi ttellgħu fl-iskejjel waqt ħames programmi oħra ttellgħu fiċ-Ċentru tad-Drama, l-Blata l-Bajda. Studenti mill-ewwel sena ta' l-iskola Primarja sa l-aħħar sena ta' l-iskola Sekondarja ġew milħuqa b'dawn il-programmi. Ipparteċipaw 'il fuq minn 20,000 tifel u tifla mill-Iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja w Indipendenti. Id-Drama Unit għenet ukoll fil-produzzjoni ta' l-Għoti tal-Premijiet ta' diversi skejjel ta' l-istat, sew Primarji kif ukoll Sekondarji. Il-Unit ħadem ukoll biex ipproduċa l-ewwel sillabu tad-Drama għall-iskejjel Primarji. Hemm 22 persuna jaħdmu fid-Drama Unit, inkluż l-Uffiċjal Edukattiv. Il-politika tal-Gvern dwar id-Drama Unit hija li l-ewwel jiġi mplimentat il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali speċjalment fl-aspett kreattiv, kritiku, soċjali u kulturali. Huwa maħsub ukoll li l-impatt li jħalli fl-iskejjel dan il-Unit jiżdied fis-sena skolastika li ġejja kif ukoll ikomplu ix-xogħol fuq Theatre in Education (T.I.E.). Barra minn hekk qed nikkonsidra proposti għal diskussjoni dwar kif l-aktar l-iskejjel speċjali tad-Drama, Arti u Mużika jaħdmu aħjar f'qafas ta' sinerġija.

Impjiegi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi t-tieni u t-tielet mistoqsija ta' mistoqsija parlamentari 5510?

Response (GALEA, LOUIS)

L-uffiċċjal imsemmija fil-Mistoqsija ġiet ingaġġata fil-pożizzjoni ta' Uffiċjal Koordinatur fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru b'kuntratt definit effettiv mill-1 ta' Jannar, 2004. Din l-uffiċjal hi gradwata fil-kommunikazzjoni minn Universita' tar-Renju Unit. Il-ħlas u l-benefiċċji huma dawk imsemmija fid-dokument "Engagement of Staff for Ministers' Secretariats" kif maħruġ fit-12 ta' Mejju, 2003.